“Ħallu lil Alla Jkun Jaf X’Teħtieġu”
“F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.”—FILIPPIN 4:6.
1. Maʼ min għandna l-privileġġ li nikkomunikaw, u din għala hi xi ħaġa taʼ l-għaġeb?
LI KIEKU kellek tistaqsi biex ikollok laqgħa mal-ħakkiem taʼ pajjiżek, x’risposta se tirċievi? Għandek mnejn tirċievi risposta edukata minn xi ħadd li jaħdem għalih, imma x’aktarx li m’intix se tingħata permess biex titkellem mal-ħakkiem innifsu. Madankollu, maʼ l-akbar Ħakkiem, Alla Ġeħova, is-Sovran taʼ l-univers, is-sitwazzjoni hija differenti. Aħna nistgħu nkellmuh inkunu fejn inkunu u fi kwalunkwe ħin li rridu. Talb aċċettabbli dejjem se jasal għandu. (Proverbji 15:29) Din verament hija xi ħaġa taʼ l-għaġeb! M’għandux l-apprezzament tagħna għal dan iqanqalna biex nitolbu regolarment lill-Wieħed li b’mod ġust jissejjaħ Semmiegħ it-talb?—Salm 65:3 (65:2, NW).
2. X’hemm bżonn biex it-talb ikun aċċettabbli għal Alla?
2 Madankollu, xi ħadd forsi jistaqsi, ‘Liema talb hu aċċettabbli għal Alla?’ Il-Bibbja tispjega xi ħaġa li hija neċessarja biex it-talb ikun aċċettabbli meta tgħid: “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew, għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Iva, bħalma ġie spjegat fl-artiklu taʼ qabel, fattur fundamentali biex navviċinaw lil Alla hu l-fidi. Alla lest li jaċċetta t-talb taʼ dawk li javviċinawh, imma jridu jagħmlu dan bil-fidi u b’għemejjel tajbin flimkien mas-sinċerità u attitudni xierqa tal-qalb.
3. (a) Bħalma nistgħu naraw mit-talb taʼ qaddejja leali tal-qedem, liema tip t’espressjonijiet jistgħu jkunu inklużi fit-talb? (b) X’tipi differenti taʼ talb hemm?
3 L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani fi żmienu: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Filippin 4:6, 7) Il-Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ dawk li kienu jmorru għand Alla bit-talb b’dak li jkun qed jinkwetahom. Fost dawn l-uħud kien hemm Anna, Elija, Ħeżekija, u Danjel. (1 Samwel 2:1-10; 1 Slaten 18:36, 37; 2 Slaten 19:15-19; Danjel 9:3-21) Aħna għandna nsegwu l-eżempju tagħhom. Innota wkoll li l-kliem taʼ Pawlu juri li hemm diversi tipi taʼ talb. Hu semma r-radd il-ħajr, jiġifieri, talb li fih nesprimu apprezzament għal dak li Alla jagħmel għalina. Dan jistaʼ jkun akkumpanjat bit-tifħir. Is-suppliki jirreferu għal talb umli u ħerqan. U nistgħu nesprimu x’neħtieġu, jew noffru rikjesti għal affarijiet speċifiċi. (Luqa 11:2, 3) Missierna tas-sema hu ferħan li jaċċetta kwalunkwe wieħed minn dawn it-tipi taʼ talb.
4. Għalkemm Ġeħova jaf il-bżonnijiet tagħna, għala xorta nuruh dak li għandna bżonn?
4 Xi wħud forsi jistaqsu, ‘Ġeħova mhux diġà jaf dak kollu li għandna bżonn?’ Iva, hu diġà jaf. (Mattew 6:8, 32) Allura, għala xorta jridna navviċinawh bil-petizzjonijiet tagħna? Ikkunsidra dan l-eżempju: Sid taʼ ħanut forsi joffri rigal lil xi wħud mill-konsumaturi tiegħu. Madankollu, biex jieħdu dan ir-rigal, il-konsumaturi jridu jmorru għand is-sid u jitolbuhulu. Dawk li ma jridux jagħmlu l-isforz juru li mhux veru japprezzaw l-offerta. B’mod simili, li kieku ma nurux dak li għandna bżonn fit-talb, inkunu qed nuru nuqqas t’apprezzament għal dak li jipprovdi Ġeħova. Ġesù qal: “Itolbu u taqilgħu.” (Ġwanni 16:24) B’dan il-mod, aħna nuru li nistrieħu fuq Alla.
Kif Għandna Navviċinaw lil Alla?
5. Għala għandna nitolbu f’isem Ġesù?
5 Ġeħova ma jagħtinix ħafna regoli riġidi dwar kif għandna nitolbu. Minkejja dan, irridu nitgħallmu kif navviċinaw lil Alla b’mod xieraq, kif turina l-Bibbja. Per eżempju, Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu: “Jekk titolbu xi ħaġa lill-Missier, jagħtihielkom f’ismi.” (Ġwanni 16:23) Għalhekk, aħna rridu nitolbu f’isem Ġesù, billi nagħrfu li Ġesù hu l-uniku mezz li permezz tiegħu l-umanità kollha tgawdi mill-barkiet t’Alla.
6. Meta nitolbu, f’liema pożizzjoni għandna noqogħdu?
6 F’liema pożizzjoni għandna noqogħdu biex nitolbu? Il-Bibbja ma tgħid xejn dwar xi pożizzjoni speċifika biex it-talb tagħna jinstemaʼ. (1 Slaten 8:22; Neħemija 8:6; Marku 11:25; Luqa 22:41) L-importanti hu li nitolbu lil Alla bis-sinċerità u b’attitudni xierqa tal-qalb.—Ġoel 2:12, 13.
7. (a) Xi tfisser il-kelma “amen”? (b) Kif inhi użata b’mod xieraq fit-talb?
7 Xi ngħidu dwar l-użu tal-kelma “amen”? L-Iskrittura tindika li din ġeneralment hija konklużjoni xierqa għat-talb tagħna, speċjalment meta nitolbu fil-pubbliku. (Salm 72:19; 89:53 [89:52, NW]) Il-kelma Ebrajka amen bażikament tfisser “żgur.” Is-Cyclopedia taʼ McClintock u Strong tispjega li t-tifsira tal-kelma “Amen” fi tmiem it-talb hi “biex tikkonferma l-kliem li tkun għedt, u biex titlob għat-twettiq tagħhom.” B’hekk, billi jikkonkludi b’“Amen” sinċiera, dak li jkun qed jitlob juri s-sentimenti qawwijin tiegħu dwar dak li jkun għadu kif qal. Meta Kristjan li jkun qed jirrappreżenta l-kongregazzjoni bit-talb jikkonkludi b’din l-espressjoni, dawk li jkunu qed jisimgħu jistgħu wkoll jgħidu “Amen” f’qalbhom jew bil-kliem biex jindikaw li jaqblu kompletament maʼ dak li jkun intqal.—1 Korintin 14:16.
8. Xi ftit mit-talb tagħna kif jistaʼ jixbah lit-talb taʼ Ġakobb jew Abraham, u dan x’juri dwarna?
8 Hemm drabi meta Alla forsi jħallina nuru kemm verament jinteressawna l-kwistjonijiet li nkunu qed nitolbu dwarhom. Forsi jkollna nsiru bħal Ġakobb tal-qedem, li ssielet lejl sħiħ m’anġlu biex jaqlaʼ barka. (Ġenesi 32:25-27 [32:24-26, NW]) Jew xi ċirkustanzi forsi jirrikjedu li nsiru bħal Abraham, li darba wara l-oħra appella lil Ġeħova għan-nom taʼ Lot u kwalunkwe persuna ġusta oħra li forsi kienet f’Sodoma. (Ġenesi 18:22-33) Bl-istess mod, aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova dwar affarijiet li huma prezzjużi għalina, billi nappellaw fuq il-bażi tal-ġustizzja, il-qalb tajba bl-imħabba, u l-ħniena tiegħu.
Għal Xiex Nistgħu Nistaqsu?
9. X’għandhom ikunu l-interessi ewlenin tagħna meta nitolbu?
9 Ftakar li Pawlu qal: “F’kollox . . . ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Filippin 4:6) Għalhekk, it-talb persunali jistaʼ jmiss kull aspett tal-ħajja. Madankollu, l-interess ewlieni tagħna fit-talb għandu jkun f’Ġeħova. Danjel ħalla eżempju mill-aqwa f’dan. Meta l-ġens taʼ Iżrael kellu jbati l-konsegwenzi tad-dnub tiegħu, Danjel talab lil Ġeħova biex juri l-ħniena, billi qal: “Iddumx ma tagħmel xi ħaġa għalina, Alla tiegħi, għall-ġieħ tiegħek stess, . . . [għal] ismek.” (Danjel 9:15-19) Juri t-talb tagħna bl-istess mod li t-tqaddis taʼ l-isem taʼ Ġeħova u t-twettiq tar-rieda tiegħu huwa l-interess ewlieni tagħna?
10. Kif nafu li huwa xieraq li nitolbu dwar kwistjonijiet persunali?
10 Minkejja dan, huwa xieraq ukoll li nitolbu dwar kwistjonijiet persunali. Per eżempju, bħas-salmista, aħna nistgħu nitolbu għal dehen spiritwali iktar profond. Hu talab: “Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek u nagħmilha b’qalbi kollha.” (Salm 119:33, 34; Kolossin 1:9, 10) Ġesù “talab bil-ħerqa u wkoll offra petizzjonijiet lil Dak li setaʼ jsalvah mill-mewt.” (Ebrej 5:7) Billi għamel hekk, hu wera li huwa xieraq li nitolbuh isaħħaħna meta niffaċċjaw perikli jew provi. Meta ta t-talba mudell lid-dixxipli tiegħu, Ġesù inkluda kwistjonijiet persunali, bħal per eżempju l-maħfra tad-dnubiet u l-ikel taʼ kuljum.
11. It-talb kif jistaʼ jgħinna ma naqgħux fit-tentazzjoni?
11 F’dik it-talba mudell, Ġesù talab ukoll: “Iddaħħalniex fit-tentazzjoni, imma eħlisna mill-Ħażin.” (Mattew 6:9-13) Hu iktar tard ta dan il-parir: “Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, sabiex ma tidħlux fit-tentazzjoni.” (Mattew 26:41) It-talb hu essenzjali meta niffaċċjaw it-tentazzjonijiet. Forsi niġu ttantati biex ninjoraw prinċipji Bibliċi fuq ix-xogħol jew fl-iskola. Uħud li m’humiex Xhieda għandhom mnejn jistidnuna biex ningħaqdu magħhom f’attivitajiet dubjużi. Forsi nintalbu nagħmlu xi ħaġa li tmur kontra prinċipji ġusti. Fi żminijiet bħal dawn, nagħmlu tajjeb jekk insegwu l-parir taʼ Ġesù biex nitolbu—kemm minn qabel u kif ukoll meta nkunu qed niffaċċjaw tentazzjoni—u nistaqsu lil Alla biex jgħinna ħalli ma naqgħux fit-tentazzjoni.
12. Liema affarijiet li jikkaġunaw l-ansjetà jistgħu jqanqluna biex nitolbu, u x’nistgħu nistennew minn Ġeħova?
12 Pressjonijiet u ansjetajiet differenti jqumu fil-ħajjiet tal-qaddejja t’Alla llum. Il-mard u l-istress emozzjonali huma sorsi kbar t’ansjetà għal ħafna. Kundizzjonijiet vjolenti madwarna jagħmlu l-ħajja stressanti. Tbatijiet ekonomiċi jagħmluha diffiċli biex naqilgħu l-għajxien. Kemm hu inkuraġġanti li nkunu nafu li Ġeħova jagħti widen lill-qaddejja tiegħu li jmorru għandu b’dawn il-kwistjonijiet! Salm 102:18 (102:17, NW) jgħid hekk dwar Ġeħova: “Jismaʼ t-talb tal-mitluqin, ma jistmellx it-talb tagħhom.”
13. (a) Liema kwistjonijiet persunali nistgħu nitolbu dwarhom? (b) Irrakkonta eżempju taʼ talba bħal din.
13 Fil-fatt, kwalunkwe kwistjoni li teffettwa s-servizz tagħna lil Ġeħova jew ir-relazzjoni tagħna miegħu tistaʼ tkun suġġett xieraq għat-talb. (1 Ġwanni 5:14) Jekk għandek deċiżjonijiet x’tieħu dwar iż-żwieġ jew l-impjieg jew dwar li żżid il-ministeru tiegħek, iżżommx lura milli tmur għand Alla b’dawn l-affarijiet, billi tistaqsih għall-gwida tiegħu. Per eżempju, mara żagħżugħa fil-Filippini riedet tieħu sehem fil-ministeru full-time. Madankollu, hi ma kellhiex xogħol biex tappoġġa lilha nfisha. Hi tgħid: “Darba minnhom, is-Sibt, tlabt lil Ġeħova speċifikament dwar ix-xogħol taʼ pijunier. Iktar tard dik l-istess ġurnata, meta kont fil-ministeru, offrejt ktieb lil waħda żagħżugħa. Bla mistenni, it-tfajla qaltli: ‘Imissek tmur l-iskola tiegħi l-ewwel ħaġa nhar it-Tnejn fil-għodu.’ Jien staqsejtha, ‘Għala?’ Hi spjegat li kienu qed ifittxu biex jimpjegaw lil xi ħadd malajr kemm jistaʼ jkun. Jien mort u ngħatajt ix-xogħol minnufih. Kollox seħħ taʼ malajr.” Għadd taʼ Xhieda madwar id-dinja kellhom esperjenzi simili. Għalhekk, iżżommx lura milli tmur għand Alla bit-talb u minn qalbek tgħidlu x’teħtieġ!
Xi Ngħidu Jekk Inkunu Dnibna?
14, 15. (a) Individwu għala m’għandux iżomm lura milli jitlob anki jekk ikun dineb? (b) Flimkien mat-talb persunali, x’hemm iktar li jistaʼ jgħin lill-individwu jfiq spiritwalment mid-dnub?
14 It-talb kif jistaʼ jgħin jekk xi ħadd ikun dineb? Minħabba l-mistħija, xi wħud li jkunu dinbu jżommu lura milli jitolbu. Madankollu, dan m’huwiex għaqli. Biex nagħtu tixbiha: Piloti taʼ l-ajruplani jafu li jekk jintilfu, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna mingħand dawk li jikkontrollaw it-traffiku taʼ l-ajru. Però, xi ngħidu jekk pilota li jkun mitluf iżomm lura milli jikkuntattja lil dawk li jistgħu jgħinuh għaliex iħossu imbarazzat li ntilef? Dan jistaʼ jwassal għal diżastru! B’mod simili, l-individwu li jkun dineb u hu imbarazzat biex jitlob lil Alla jistaʼ jsofri iktar ħsara. Il-mistħija minħabba d-dnub m’għandhiex iżżomm lil dak li jkun milli jitkellem maʼ Ġeħova. Fil-fatt, Alla jistieden lil dawk li għamlu żbalji serji biex jitolbu lilu. Il-profeta Isaija ħeġġeġ lill-midinbin fi żmienu biex isejħu lil Ġeħova, “għax hu jaħfer ħafna.” (Isaija 55:6, 7) M’għandniex xi ngħidu, dak li jkun forsi jkollu ‘jfittex l-approvazzjoni taʼ Ġeħova’ billi l-ewwel jumilja lilu nnifsu, idur mit-triq midinba tiegħu, u jindem sinċerament.—Salm 119:58, NW; Danjel 9:13.
15 Fejn ikun hemm id-dnub involut, it-talb isir importanti saħansitra għal raġuni oħra. Id-dixxiplu Ġakbu jgħid hekk dwar xi ħadd li jkollu bżonn għajnuna spiritwali: “Ħa jsejjaħ għandu lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, . . . u Ġeħova jqajmu.” (Ġakbu 5:14, 15) Iva, individwu għandu personalment jistqarr id-dnub tiegħu lil Ġeħova bit-talb, imma jistaʼ wkoll jistaqsi lill-anzjani biex jitolbu għalih. Dan se jgħinu fil-fejqan spiritwali tiegħu.
Tweġibiet għat-Talb
16, 17. (a) Ġeħova kif iwieġeb it-talb? (b) Liema esperjenzi juru li t-talb u x-xogħol taʼ l-ippridkar huma konnessi mill-qrib?
16 It-talb kif jiġi mwieġeb? Xi ftit minnu jistaʼ jiġi mwieġeb malajr u b’mod ovvju. (2 Slaten 20:1-6) Talb ieħor forsi jieħu l-ħin, u t-tweġibiet jistgħu jkunu naqra iktar diffiċli biex insibuhom. Bħalma naraw fit-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-armla li baqgħet tmur lura għand l-imħallef, forsi jkun hemm bżonn li nibqgħu nitolbu lil Alla. (Luqa 18:1-8) Madankollu, aħna nistgħu nkunu ċerti li meta nitolbu fi qbil mar-rieda t’Alla, Ġeħova qatt m’hu se jgħidilna: “Tibqax iddejjaqni.”—Luqa 11:5-9.
17 Il-poplu taʼ Ġeħova spiss jara t-tweġibiet għat-talb tiegħu. Dan spiss jidher ċar fil-ministeru pubbliku tagħna. Per eżempju, żewġ aħwa nisa Kristjani fil-Filippini kienu qed iqassmu letteratura Biblika f’post fl-imwarrab tal-pajjiż. Meta taw fuljett lil waħda mara, għajnejha mtlew bid-dmugħ. Hi qalet: “Il-bieraħ fil-għaxija tlabt lil Alla biex jibgħat lil xi ħadd ħalli jgħallimni dwar dak li tgħid il-Bibbja, u naħseb li din hi t-tweġiba għat-talba tiegħi.” Ftit wara, il-mara bdiet tattendi l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. F’post ieħor fl-Asja tax-Xlokk, ħu Kristjan kien daqsxejn beżgħan biex jippriedka f’bini residenzjali li kellu sigurtà għolja. Madankollu, hu talab lil Ġeħova, għamel il-kuraġġ, u daħal fil-bini. Hu ħabbat il-bieb t’appartament, u ħarġet mara żagħżugħa. Meta l-ħu spjega r-raġuni għaż-żjara tiegħu, hi bdiet tibki. Hi qalet li kienet qed tfittex lix-Xhieda taʼ Ġeħova u kienet talbet għall-għajnuna biex issibhom. Il-ħu kien ferħan li jgħinha tikkuntattja l-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova.
18. (a) Meta t-talb tagħna jiġi mwieġeb, kif għandna nirrispondu? (b) Minn xiex nistgħu nkunu żguri jekk nitolbu f’kull opportunità?
18 It-talb verament hu provvediment meraviljuż. Ġeħova hu lest li jismaʼ u jwieġeb. (Isaija 30:18, 19) Però, aħna rridu nkunu attenti għal kif Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna. Forsi mhux dejjem ikun bil-mod li nistennew. Xorta waħda, meta nirċievu l-gwida tiegħu, qatt m’għandna ninsew nirringrazzjawh u nfaħħruh. (1 Tessalonikin 5:18) Iżjed minn hekk, dejjem ftakar fit-twissija taʼ l-appostlu Pawlu: “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” Iva, ħu vantaġġ minn kull opportunità biex titkellem m’Alla. B’dan il-mod, int se tkompli tesperjenza l-verità taʼ dak li qal Pawlu rigward dawk li t-talb tagħhom jiġi mwieġeb: “Il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.”—Filippin 4:6, 7.
Taf Twieġeb?
• Liema tip taʼ talb nistgħu noffru?
• Kif għandna nitolbu?
• Liema suġġetti nistgħu ninkludu fit-talb tagħna?
• X’inhu l-irwol tat-talb meta wieħed jidneb?
[Stampi f’paġna 29]
It-talb mill-qalb jgħinna biex ma naqgħux fit-tentazzjonijiet
[Stampi f’paġna 31]
Permezz tat-talb, aħna nesprimu l-gratitudni, it-tħassib, u l-petizzjonijiet tagħna lil Alla