Kif Navviċinaw lil Dak li ‘Jismaʼ t-Talb’
“Int, li tismaʼ talbna. Quddiemek jersaq kull bniedem.”—SALM 65:3, 4a (65:2, NW).
1. X’jagħmel lill-bnedmin differenti mill-ħlejjaq l-oħra fuq l-art, u dan x’possibbiltà jagħtina?
MILL-ELUF taʼ ħlejjaq ħajjin fuq l-art, il-bnedmin biss għandhom l-abbiltà li jqimu lill-Ħallieq. Il-bnedmin biss huma konxji li għandhom bżonn spiritwali u jħossu x-xewqa li jissodisfawh. Dan jagħtina l-possibbiltà meraviljuża li jkollna relazzjoni persunali maʼ Missierna tas-sema.
2. Id-dnub liema effett kuntrarju kellu fuq ir-relazzjoni tal-bnedmin mal-Ħallieq tagħhom?
2 Alla ħalaq lill-bniedem bl-abbiltà li javviċina lill-Ħallieq tiegħu. Adam u Eva nħolqu bla dnub. B’hekk, setgħu javviċinaw lil Alla bil-libertà kollha bħalma tifel żgħir javviċina lil missieru. Madankollu, dan il-privileġġ grandjuż intilef minħabba d-dnub. Adam u Eva m’obdewx lil Alla u tilfu r-relazzjoni intima li kellhom miegħu. (Ġenesi 3:8-13, 17-24) Ifisser dan li d-dixxendenti imperfetti taʼ Adam m’għadhomx jistgħu jikkomunikaw m’Alla? Le, Ġeħova xorta għadu jħallihom javviċinawh, basta jilħqu xi ħtiġijiet. X’inhuma dawn il-ħtiġijiet?
Ħtiġijiet biex Navviċinaw lil Alla
3. Bnedmin midinbin kif għandhom javviċinaw lil Alla, u liema eżempju jenfasizza dan?
3 Ġrajja li involviet tnejn mill-ulied taʼ Adam tgħinna naraw dak li Alla jeħtieġ minn bniedem imperfett li jixtieq javviċinah. Kemm Kajjin u kemm Abel għamlu sforzi biex javviċinaw lil Alla billi offrewlu sagrifiċċji. L-offerta t’Abel ġiet aċċettata, filwaqt li taʼ Kajjin ma ġietx aċċettata. (Ġenesi 4:3-5) X’differenza kien hemm? Ebrej 11:4 jgħid: “Bil-fidi Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn taʼ Kajjin, u b’din il-fidi ngħata xiehda li kien raġel sewwa.” Għalhekk, b’mod ċar naraw li jrid ikollna l-fidi biex inkunu nistgħu navviċinaw lil Alla. Ħtieġa oħra nistgħu narawha mill-kliem li Ġeħova qal lil Kajjin: “Jaqaw m’hux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb terfaʼ rasek?” Iva, il-mod kif Kajjin avviċina lil Alla kien ikun aċċettabbli li kieku biddel triqtu biex jagħmel dak li hu tajjeb. Madankollu, Kajjin m’aċċettax il-parir t’Alla, qatel lil Abel, u spiċċa biex ġie maqtugħ mis-soċjetà. (Ġenesi 4:7-12) B’hekk, kmieni fl-istorja tal-bniedem, ġiet enfasizzata l-importanza li navviċinaw lil Alla bil-fidi flimkien m’għemejjel tajbin.
4. X’għandna nirrikonoxxu dwar il-mod kif navviċinaw lil Alla?
4 Jekk aħna rridu navviċinaw lil Alla, huwa essenzjali li nagħrfu l-istat midneb tagħna. Il-bnedmin kollha jidinbu, u d-dnub huwa ostaklu li jistaʼ jfixkilna milli navviċinaw lil Alla. Il-profeta Ġeremija kiteb hekk dwar Iżrael: “Aħna dnibna . . . Nstart fi sħaba, biex it-talb ma jaqbiżhiex.” (Lamentazzjonijiet 3:42, 44) Minkejja dan, matul l-istorja tal-bnedmin, Alla wera li kien lest li jaċċetta t-talb taʼ dawk li javviċinawh bil-fidi u b’attitudni xierqa tal-qalb, billi jobdu l-kmandamenti tiegħu. (Salm 119:145) Min kienu wħud minn dawn l-individwi, u x’nistgħu nitgħallmu mit-talb tagħhom?
5, 6. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Abraham avviċina lil Alla?
5 Wieħed minn dawn l-individwi kien Abraham. Il-mod kif avviċina lil Alla kien aċċettabbli, għax Alla sejjaħ lil Abraham “ħabibi.” (Isaija 41:8) X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Abraham avviċina lil Alla? Dan il-patrijarka leali staqsa lil Ġeħova dwar werriet, billi qal: “X’se tagħtini, għax se nibqaʼ bla tfal?” (Ġenesi 15:2, 3; 17:18) F’okkażjoni oħra, hu esprima t-tħassib tiegħu dwar min kien se jiġi salvat meta Alla ġab ġudizzju kontra l-uħud mill-agħar f’Sodoma u Gomorra. (Ġenesi 18:23-33) Abraham talab ukoll għan-nom t’oħrajn. (Ġenesi 20:7, 17) U, bħal fil-każ t’Abel, il-mod kif Abraham avviċina lil Alla kultant kien jinvolvi li joffri sagrifiċċju lil Ġeħova.—Ġenesi 22:9-14.
6 F’dawn l-okkażjonijiet kollha, Abraham ħassu komdu biex jitkellem maʼ Ġeħova. Madankollu, flimkien mal-libertà tal-kelma tiegħu kellu ħarsa umli lejn il-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Ħallieq tiegħu. Innota l-kliem kollu rispett tiegħu li nsibu f’Ġenesi 18:27: “Jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied.” X’attitudni mill-aqwa biex nimitawha!
7. Il-patrijarki b’liema kwistjonijiet marru għand Ġeħova bit-talb?
7 Il-patrijarki kienu jitolbu dwar diversi kwistjonijiet, u dawn intlaqgħu tajjeb minn Ġeħova. Ġakobb lissen talba f’forma taʼ wegħda. Wara li talab għall-appoġġ t’Alla, hu wiegħed b’mod solenni: “Minn kull ma tagħtini, nagħtik l-għexur.” (Ġenesi 28:20-22) Iktar tard, meta kien se jiltaqaʼ maʼ ħuh, Ġakobb talab lil Ġeħova għall-protezzjoni, billi qal: “Eħlisni [“nitolbok,” NW] minn idejn Għesaw, għax qiegħed nibżaʼ minnu.” (Ġenesi 32:10-13 [32:9-12, NW]) Il-patrijarka Ġob avviċina lil Ġeħova għan-nom taʼ familtu, billi offra sagrifiċċji għalihom. Meta t-tlett iħbieb dinbu bi kliemhom, Ġob talab għalihom, u “l-Mulej ta wiċċ lil Ġob.” (Ġob 1:5; 42:7-9) Dawn ir-rakkonti jgħinuna nidentifikaw kwistjonijiet li bihom nistgħu mmorru għand Ġeħova bit-talb. Naraw ukoll li Ġeħova hu lest li jaċċetta t-talb taʼ dawk li javviċinawh b’mod xieraq.
Taħt il-Patt tal-Liġi
8. Taħt il-patt tal-Liġi, il-kwistjonijiet kif kienu jittieħdu għand Ġeħova għan-nom tal-poplu tiegħu?
8 Wara li Ġeħova ħeles lill-ġens taʼ Iżrael mill-Eġittu, hu tahom patt tal-Liġi. Il-Liġi kien fiha dettalji dwar l-arranġament biex Alla jiġi avviċinat permezz taʼ saċerdozju maħtur. Uħud mil-Leviti ġew inkarigati biex jagħmluha taʼ qassisin għan-nom tal-poplu. Meta kienu jqumu kwistjonijiet li kienu taʼ importanza nazzjonali, rappreżentant tal-poplu—kultant sultan jew profeta—kien imur għand Alla bil-kwistjoni permezz tat-talb. (1 Samwel 8:21, 22; 14:36-41; Ġeremija 42:1-3) Per eżempju, fid-dedikazzjoni tat-tempju, is-Sultan Salamun avviċina lil Ġeħova b’talba mill-fond taʼ qalbu. Min-naħa tiegħu, Ġeħova wera li aċċetta t-talba taʼ Salamun billi mela t-tempju bil-glorja Tiegħu u qal: “Widnejja [se jkunu] attenti għat-talb f’dan il-post.”—2 Kronaki 6:12–7:3, 15.
9. X’kien meħtieġ biex Ġeħova jiġi avviċinat b’mod xieraq fis-santwarju?
9 Fil-liġi li ngħatat lil Iżrael, Ġeħova inkluda ħtieġa biex javviċinawh b’mod aċċettabbli fis-santwarju. Din x’kienet? Kull fil-għodu u kull fil-għaxija, flimkien maʼ sagrifiċċji taʼ l-annimali, il-qassis il-kbir kellu jaħraq inċens ifuħ quddiem Ġeħova. Iktar tard, sotto-qassisin ukoll ħadu sehem f’dan is-servizz, ħlief fil-Jum taʼ l-Espjazzjoni. Kieku l-qassisin ma tawx din il-qima bir-rispett, Ġeħova ma kienx se jkun ferħan bis-servizz tagħhom.—Eżodu 30:7, 8; 2 Kronaki 13:11.
10, 11. X’evidenza għandna li Ġeħova kien jaċċetta t-talb taʼ individwi?
10 F’Iżrael tal-qedem, setaʼ Alla jiġi avviċinat biss permezz taʼ rappreżentanti maħturin? Le, l-Iskrittura turi li Ġeħova kien ferħan jaċċetta t-talb persunali taʼ individwi. Fit-talba taʼ Salamun għad-dedikazzjoni tat-tempju, hu talab lil Ġeħova, billi qal: “Mqar jekk bniedem waħdu jonkella l-poplu tiegħek kollu taʼ Iżrael, jitlob . . . u jiftaħ idejh lejn din id-dar, ismaʼ int mis-smewwiet.” (2 Kronaki 6:29, 30) Ir-rakkont taʼ Luqa jgħidilna li meta Żakkarija, missier Ġwanni l-Għammied, kien qed joffri l-inċens fis-santwarju, kotra kbira taʼ qaddejja taʼ Ġeħova li ma kinux qassisin kienu qed ‘jitolbu barra.’ Milli jidher, kienet saret id-drawwa li n-nies jinġabru quddiem is-santwarju biex jitolbu meta l-inċens kien ikun qed jiġi preżentat lil Ġeħova fuq l-artal tad-deheb.—Luqa 1:8-10.
11 B’hekk, meta Ġeħova kien jiġi avviċinat kif suppost, hu kien lest li jaċċetta l-petizzjonijiet taʼ dawk li rrappreżentaw lill-ġens bħala grupp u taʼ individwi li avviċinawh personalment. Illum, m’għadniex taħt il-patt tal-Liġi. Minkejja dan, nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet vitali dwar it-talb mill-modi kif l-Iżraelin tal-qedem kienu javviċinaw lil Alla.
Taħt l-Arranġament Kristjan
12. X’arranġament hemm għall-Kristjani biex javviċinaw lil Ġeħova?
12 Issa aħna ngħixu taħt l-arranġament Kristjan. M’għadx hemm tempju fiżiku li fih qassisin jirrappreżentaw lill-poplu kollu t’Alla jew li nistgħu nduru lejh meta nitolbu lil Alla. Minkejja dan, Ġeħova għad għandu arranġament għalina biex navviċinawh. Dan x’inhu? Fis-sena 29 E.K., meta Kristu ġie midluk u maħtur bħala l-Qassis il-Kbir, it-tempju spiritwali beda jiffunzjona.a Dan it-tempju spiritwali kien l-arranġament il-ġdid biex navviċinaw lil Ġeħova fil-qima fuq il-bażi tas-sagrifiċċju propizjatorju taʼ Ġesù Kristu.—Ebrej 9:11, 12.
13. B’konnessjoni mat-talb, x’inhu xebh wieħed li hemm bejn it-tempju li kien f’Ġerusalemm u t-tempju spiritwali?
13 Ħafna fatturi tat-tempju f’Ġerusalemm jagħtu stampa tajba tal-provvedimenti tat-tempju spiritwali, inkluż dawk konnessi mat-talb. (Ebrej 9:1-10) Per eżempju, x’kien jirrappreżenta l-inċens li kien jiġi offrut, fil-għodu u fil-għaxija, fuq l-artal taʼ l-inċens fil-kumpartiment Qaddis tat-tempju? Skond il-ktieb tar-Rivelazzjoni, “l-inċens ifisser it-talb tal-qaddisin.” (Rivelazzjoni 5:8; 8:3, 4) David ġie ispirat biex jikteb: “Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek.” (Salm 141:2) B’hekk, fl-arranġament Kristjan, l-inċens ifuħ jirrappreżenta b’mod xieraq talb u tifħir aċċettabbli lil Ġeħova.—1 Tessalonikin 3:10.
14, 15. X’nistgħu ngħidu dwar kif javviċinaw lil Ġeħova (a) il-Kristjani midlukin? (b) in-“nagħaġ oħrajn”?
14 Min jistaʼ javviċina lil Alla f’dan it-tempju spiritwali? Fit-tempju fiżiku, il-qassisin u l-Leviti kienu privileġġati biex jaqdu fil-bitħa taʼ ġewwa, imma l-qassisin biss setgħu jidħlu fil-Qaddis. Kristjani midlukin bit-tama għas-sema jgawdu kundizzjoni spiritwali unika ffigurata bil-quddiem mill-bitħa taʼ ġewwa u l-Qaddis, li tippermettilhom joffru talb u jagħtu tifħir lil Alla.
15 Xi ngħidu dwar dawk bit-tama għall-art, in-“nagħaġ oħrajn”? (Ġwanni 10:16) Il-profeta Isaija indika li nies minn ħafna ġnus kienu se jiġu biex iqimu lil Ġeħova “fl-aħħar jiem.” (Isaija 2:2, 3) Hu kiteb ukoll li “l-barranin” (Saydon) kienu se jintrabtu maʼ Ġeħova. Biex jindika li kien lest li jaċċetta l-mod kif avviċinawh, Alla qal: “Inferraħhom f’dar it-talb tiegħi.” (Isaija 56:6, 7) Rivelazzjoni 7:9-15 jagħtina iktar dettalji, billi jiddeskrivi “folla kbira” minn “kull ġens” li tinġabar biex tqim u titlob lil Alla “lejl u nhar” hekk kif toqgħod bil-wieqfa fil-bitħa taʼ barra tat-tempju spiritwali. Xi ħsieb inkuraġġanti li l-qaddejja kollha t’Alla llum jistgħu bil-libertà javviċinaw lil Alla b’fiduċja sħiħa li hu jismagħhom!
Liema Talb Huwa Aċċettabbli?
16. X’nistgħu nitgħallmu dwar it-talb mill-Kristjani tal-bidu?
16 Il-Kristjani tal-bidu kienu jitolbu. Dwar liema kwistjonijiet kienu jitolbu? Anzjani Kristjani talbu għall-gwida biex jagħżlu rġiel għal responsabbiltajiet organizzazzjonali. (Atti 1:24, 25; 6:5, 6) Epafra talab għan-nom taʼ sħabu fit-twemmin. (Kolossin 4:12) Membri tal-kongregazzjoni f’Ġerusalemm talbu għal Pietru meta ġie mitfugħ il-ħabs. (Atti 12:5) Il-Kristjani tal-bidu staqsew lil Alla biex jagħtihom il-kuraġġ meta kienu qed jiffaċċjaw l-oppożizzjoni, billi qalu: “Ġeħova, agħti kas it-theddid tagħhom, u agħmel li l-ilsiera tiegħek jibqgħu jitkellmu l-kelma tiegħek bil-qlubija kollha.” (Atti 4:23-30) Id-dixxiplu Ġakbu ħeġġeġ lill-Kristjani biex jitolbu lil Alla għall-għerf meta jkunu għaddejjin mill-provi. (Ġakbu 1:5) Int tinkludi dawn il-kwistjonijiet fil-petizzjonijiet tiegħek lil Ġeħova?
17. It-talb taʼ min jaċċetta Ġeħova?
17 Alla ma jaċċettax it-talb kollu. Għalhekk, kif nistgħu nitolbu bl-assiguranza li t-talb tagħna se jiġi aċċettat? Uħud leali li Ġeħova semagħhom fil-passat avviċinawh bis-sinċerità u bl-attitudni xierqa tal-qalb. Urew fidi u appoġġawha b’għemejjel mill-aħjar. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jismaʼ lil dawk li javviċinawh bl-istess mod illum.
18. Sabiex it-talb tagħhom jinstemaʼ, liema ħtieġa jridu jilħqu l-Kristjani?
18 Hemm ħtieġa oħra. L-appostlu Pawlu spjega dan, billi qal: “Permezz tiegħu aħna . . . nistgħu nersqu lejn il-Missier bi spirtu wieħed.” Għal min kien qed jirreferi Pawlu meta kiteb “permezz tiegħu”? Għal Ġesù Kristu. (Efesin 2:13, 18) Iva, aħna nistgħu navviċinaw lill-Missier bil-libertà biss permezz taʼ Ġesù.—Ġwanni 14:6; 15:16; 16:23, 24.
19. (a) L-offerta taʼ l-inċens f’Iżrael meta kienet issir bħal riħa tinten għal Ġeħova? (b) Kif nistgħu nkunu ċerti li t-talb tagħna jkun bħal inċens ifuħ għal Ġeħova?
19 Kif diġà ssemma, l-inċens li kienu joffru l-qassisin Iżraelin kien jirrappreżenta t-talb aċċettabbli tal-qaddejja leali t’Alla. Madankollu, xi drabi, l-offerti taʼ l-inċens taʼ l-Iżraelin kienu diżgustanti għal Ġeħova. Dan kien minnu meta l-Iżraelin kienu qed jaħarqu l-inċens fit-tempju imma fl-istess ħin kienu qed imilu quddiem l-idoli. (Eżekjel 8:10, 11) Bl-istess mod illum, Ġeħova jistkerrah bħal riħa tinten it-talb taʼ dawk li jistqarru li jaqduh imma li fl-istess ħin jipprattikaw għemejjel li jmorru kontra l-liġijiet tiegħu. (Proverbji 15:8) Għalhekk, ejja nkomplu nżommu l-aspetti kollha taʼ ħajjitna nodfa sabiex it-talb tagħna jkun bħal inċens ifuħ għal Alla. Ġeħova jitgħaxxaq bit-talb taʼ dawk li jsegwu l-mogħdijiet ġusti tiegħu. (Ġwanni 9:31) Madankollu, għad hemm xi mistoqsijiet xi nwieġbu. Kif għandna nitolbu? Għalxiex nistgħu nitolbu? U Alla kif iwieġeb it-talb tagħna? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet u oħrajn.
[Nota taʼ taħt]
Tistaʼ Tispjega?
• Bnedmin imperfetti kif jistgħu javviċinaw lil Alla b’mod aċċettabbli?
• Fit-talb tagħna, kif nistgħu nimitaw lill-patrijarki?
• X’nitgħallmu mit-talb tal-Kristjani tal-bidu?
• It-talb tagħna meta hu bħal inċens ifuħ għal Alla?
[Stampa f’paġna 23]
Alla għala aċċetta l-offerta t’Abel imma mhux taʼ Kajjin?
[Stampa f’paġna 24]
“Jien trab u rmied”
[Stampa f’paġna 25]
“Nagħtik l-għexur”
[Stampa f’paġna 26]
Huwa t-talb tiegħek bħal inċens ifuħ għal Ġeħova?