“Jeħtieġ li Aħna Nobdu lil Alla Bħala Ħakkiem Iktar Milli lill-Bnedmin”
‘Ma Nistgħux Nieqfu Nitkellmu dwar Ġesù’
IS-SENA hi 33 E.K., u l-post huwa s-sala tal-qorti impressjonanti tat-tribunal nazzjonali Lhudi f’Ġerusalemm. F’dan l-ambjent, is-Sinedriju dalwaqt se jgħaddi lit-12-il segwaċi taʼ Ġesù Kristu minn proċess ġudizzjarju. Għala? Għaliex huma kienu qed jippridkaw dwar Ġesù. L-appostli Pietru u Ġwanni jinsabu weqfin quddiem il-qorti għat-tieni darba. Dan hu l-ewwel proċess għall-appostli l-oħra.
Il-qassis il-kbir ikellem lit-12-il appostlu dwar l-ordni maħruġa mill-qorti fl-okkażjoni taʼ qabel. F’dak iż-żmien, meta ġew ordnati jieqfu jippridkaw dwar Ġesù, l-appostli Pietru u Ġwanni wieġbu: “Jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nisimgħu minnkom iktar milli minn Alla, iġġudikaw intom. Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” Wara li talbu għall-kuraġġ, id-dixxipli taʼ Ġesù komplew jipproklamaw l-aħbar tajba.—Atti 4:18-31.
Minħabba li kien jaf li t-theddid taʼ qabel ma kellu ebda effett, f’din it-tieni investigazzjoni l-qassis il-kbir jiddikjara: “Aħna ordnajnielkom bis-sħiħ biex ma tibqgħux tgħallmu f’dan l-isem, imma ara, imlejtu lil Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u intom deċiżi li ġġibu fuqna d-demm taʼ dan il-bniedem.”—Atti 5:28.
Determinazzjoni Soda
Bil-kuraġġ, Pietru u l-appostli l-oħrajn iwieġbu u jgħidu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.” (Atti 5:29) Tabilħaqq, minflok ma nobdu lil sempliċi bnedmin, aħna għandna nobdu lil Ġeħova meta dak li jitlob il-bniedem imur kontra l-ordnijiet Tiegħu.a
Il-kliem taʼ l-appostli li ddikjaraw li huma jobdu ’l Alla għandu jikkonvinċi lill-membri tas-Sinedriju. Kieku xi ħadd kellu jistaqsihom dwar l-ubbidjenza lejn Alla, dawn il-mexxejja tas-soċjetà Lhudija kellhom iwieġbu b’mod unanimu: “Obdi ’l Alla.” Wara kollox, ma jemmnux huma li Alla hu l-Mulej Sovran taʼ l-univers?
Milli jidher billi rrappreżenta lill-appostli kollha, Pietru jgħid li fejn jidħol il-ministeru tagħhom huma jobdu lil Alla minflok lill-bniedem. Għalhekk, hu ġab fix-xejn l-akkużi dwar l-allegazzjonijiet tagħhom li l-appostli kienu diżubbidjenti. Mill-istorja tal-ġens tagħhom stess, il-membri tas-Sinedriju jafu li hemm drabi meta jidher ċar li huwa sewwa li għandhom jobdu lil Alla u mhux lill-bniedem. Żewġ qwiebel fl-Eġittu beżgħu minn Alla, mhux mill-Fargħun, billi salvaw it-trabi subien imweldin lil nisa Ebrej. (Eżodu 1:15-17) Is-Sultan Ħeżekija obda lil Ġeħova, mhux lis-Sultan Sanħerib, meta saritlu pressjoni biex iċedi. (2 Slaten 19:14-37) L-Iskrittura Ebrajka, li l-membri tas-Sinedriju kienu familjari magħha, tenfasizza li Ġeħova jistenna li l-poplu tiegħu jobdih.—1 Samwel 15:22, 23.
L-Ubbidjenza Premjata
Mill-inqas membru wieħed tal-qorti jiġi effettwat mill-kliem “jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.” Gamaljel, imħallef stmat ħafna fis-Sinedriju, jipperswadi lill-membri tal-qorti biex jisimgħu l-parir għaqli tiegħu li jagħtihom fil-privat. Billi jikkwotalhom eżempji tal-passat, Gamaljel jurihom li m’huwiex għaqli li jindaħlu fix-xogħol taʼ l-appostli. Hu jikkonkludi billi jgħid: “Tindaħlulhomx lil dawn l-irġiel, imma ħalluhom; . . . inkella għandkom mnejn tkunu fil-fatt qed tiġġieldu kontra Alla.”—Atti 5:34-39.
Il-kliem raġunevoli taʼ Gamaljel jikkonvinċi lill-qorti superjuri biex teħles lill-appostli. Għalkemm jiġu msawtin, l-appostli bl-ebda mod ma jħossuhom imbeżżgħin minħabba din l-esperjenza. Minflok, ir-rakkont tal-Bibbja jgħid: “Kuljum fit-tempju u minn dar għal dar baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.”—Atti 5:42.
Kemm ġew imberkin l-appostli talli b’mod determinat urew li l-awtorità t’Alla hi suprema! Il-Kristjani veri llum għandhom l-istess attitudni. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkomplu jħarsu lejn Ġeħova bħala l-Ħakkiem Suprem tagħhom. Jekk jiġu ordnati jaġixxu kontra d-direzzjonijiet t’Alla, huma jwieġbu bħalma għamlu l-appostli: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.”
[Nota taʼ taħt]
a Ara t-2006 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Settembru/Ottubru.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 9]
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
Luqa, il-kittieb tal-Bibbja, kif kiseb l-informazzjoni dwar dak li Gamaljel qal lis-Sinedriju fil-privat? Jistaʼ jkun li Luqa sar jaf bil-kliem taʼ Gamaljel permezz taʼ ispirazzjoni divina. Jistaʼ jkun li Pawlu (li qabel kien wieħed mill-istudenti taʼ Gamaljel) informa lil Luqa dwar dak li qal Gamaljel. Jew Luqa setaʼ kellem lil xi membru tal-qorti superjuri li kien jaħsibha bħall-appostli.