“Sejħu Flimkien lis-Sinedriju”
IL-QASSIS IL-KBIR u l-ħakkiema tal-Lhud ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu. X’setgħu jagħmlu biex isikktu l-eċċitament li qam minħabba Ġesù Kristu? Huma rnexxielhom joqtluh, imma issa d-dixxipli taʼ Ġesù kienu qed ixerrdu madwar Ġerusalemm l-aħbar taʼ l-irxoxt tiegħu. Kif setgħu jsikktuhom? Biex jiddeċiedu, il-qassis il-kbir u l-ajjutanti tiegħu “sejħu flimkien lis-Sinedriju,” il-qorti suprema tal-Lhud.—Atti 5:21.
F’Iżrael taʼ l-ewwel seklu, il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu kellu l-awtorità suprema. Imma s-Sinedriju kif kien jaħdem maʼ Pilatu? X’kienet il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom? Min kien jagħmel parti mis-Sinedriju? U kif kien jopera?
Żvilupp tas-Sinedriju
Il-kelma Griega tradotta “Sinedriju” letteralment tfisser “li tpoġġi bil-qiegħda maʼ.” Dan kien terminu ġenerali għal ġemgħa miġbura jew laqgħa. Fit-tradizzjoni Lhudija, is-Sinedriju kien normalment jirreferi għal ġemgħa, jew qorti, ġudizzjarja reliġjuża.
Kittieba tat-Talmud, li tħejja fis-sekli li segwew il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K., irrappreżentaw lis-Sinedriju bħallikieku kien qorti tal-qedem. Huma immaġinaw li dan minn dejjem kien magħmul minn studjużi li kienu jiltaqgħu biex jiddibattu dwar punti mil-liġi Lhudija u kienu jemmnu li dan beda meta Mosè ġabar 70 raġel ixjeħ biex jgħinuh imexxi lil Iżrael. (Numri 11:16, 17) L-istudjużi taʼ l-istorja jiċħdu dan il-ħsieb. Huma jgħidu li kien biss meta l-Persjani bdew jaħkmu lil Iżrael li bdiet teżisti xi ħaġa li tixbah lis-Sinedriju taʼ l-ewwel seklu. Dawn l-istudjużi jgħidu wkoll li l-kunċett tat-Talmudisti dwar din il-ġemgħa bħala akkademja edukattiva jixbah iktar lill-assembleat rabbiniċi tat-tieni u t-tielet seklu milli lis-Sinedriju taʼ l-ewwel seklu. Mela allura, meta beda jeżisti s-Sinedriju?
Il-Bibbja turi li l-eżiljati li rritornaw lejn Ġuda minn Babilonja fis-sena 537 Q.E.K. kellhom organizzazzjoni nazzjonali. Neħemija u Esdra jsemmu l-mexxejja, ix-xjuħ, il-kapijiet, u l-uffiċjali—forsi l-bidu tas-Sinedriju tal-futur.—Esdra 10:8, Saydon; Neħemija 5:7.
Il-perijodu taʼ minn meta tlestiet l-Iskrittura Ebrajka sa ma nkiteb l-Evanġelju taʼ Mattew kien żmien taʼ taqlib għal-Lhud. Fis-sena 332 Q.E.K., Alessandru l-Kbir beda jaħkem il-Lhudija. Wara l-mewt t’Alessandru, il-Lhudija spiċċat f’idejn żewġ ħakmiet Griegi tad-dominju tiegħu—l-ewwel dawk Ptolomej, imbagħad dawk Selewċidi. F’rakkonti tad-dominji Selewċidi, li bdew fis-sena 198 Q.E.K., insibu l-ewwel referenza għal senat tal-Lhud. Din l-assemblea x’aktarx kellha qawwa limitata, imma lil-Lhud tathom l-impressjoni li qed jaħkmu lilhom infushom.
Fis-sena 167 Q.E.K. is-Sultan Selewċidu Antijoku IV (Epifani) ipprova jimponi l-kultura Griega fuq il-Lhud. Hu kasbar it-tempju taʼ Ġerusalemm billi ssagrifika ħanżir lil Żews fuq l-artal taʼ dan it-tempju. Dan qajjem rewwixta li matulha l-Makkabin ħelsu mill-ħakma Selewċida u stabbilew id-dinastija taʼ l-Asmonin.a Fl-istess waqt, l-iskribi u l-Fariżej—mexxejja tal-folol li appoġġaw ir-rewwixta—kisbu l-poter fl-amministrazzjoni taʼ l-istat u dan wassal biex il-qassisin tilfu l-awtorità tagħhom.
Is-Sinedriju kif jissemma fl-Iskrittura Griega kien qed jifforma. Dan kien se jsir konċilju taʼ l-amministrazzjoni nazzjonali u l-qorti ġudizzjarja suprema għall-interpretazzjoni tal-liġi Lhudija.
Il-Bilanċ tal-Poter
Sa l-ewwel seklu, Ruma kellha l-Lhudija taħt idejha. Madankollu, il-Lhud gawdew ammont taʼ libertà. Ir-Rumani kellhom id-drawwa li lin-nies li jaħkmu fuqhom jagħtuhom id-dritt li jagħżlu t-tip taʼ gvern li jkunu jridu. Għalhekk, l-uffiċjali Rumani ma kienx jinteressahom mid-dmirijiet li kienu jwettqu l-qrati lokali, u huma kienu jevitaw il-problemi li setgħu jqumu minħabba differenzi fil-kultura. Dan kienu jagħmluh biex jippromwovu l-paċi u jiksbu l-lealtà taʼ dawk li kienu jgħixu fl-inħawi li kellhom taħt idejhom billi jħalluhom josservaw id-drawwiet tagħhom stess u bażikament jiggvernaw lilhom infushom. Minbarra li kienu jinkarigaw u jneħħu lill-qassis il-kbir—li kien il-president tas-Sinedriju—u jimponu t-taxxi, ir-Rumani kienu jintervienu fl-affarijiet tal-Lhud biss meta s-sovranità u l-interessi tagħhom stess kienu jeħtieġu li jagħmlu dan. Bħalma naraw b’konnessjoni mal-ġuri taʼ Ġesù, Ruma donnha żammet taħt idejha l-qawwa li tordna piena kapitali.—Ġwanni 18:31.
Għalhekk, is-Sinedriju mexxa bosta mill-affarijiet interni tal-Lhud. Kellu l-uffiċjali biex iwettqu l-arresti. (Ġwanni 7:32) Qrati iżgħar kienu jieħdu ħsieb atti kriminali żgħar u każijiet ċivili mingħajr l-indħil tar-Rumani. Meta l-qrati iżgħar ma kienx jirnexxilhom jieħdu deċiżjoni f’xi każ, dan kien jitressaq quddiem is-Sinedriju, li kien jieħu d-deċiżjoni aħħarija.
Biex iżomm il-privileġġi li kellu, is-Sinedriju kellu jżomm il-paċi u jappoġġa l-ħakma Rumana. Imma jekk ir-Rumani kienu jissuspettaw xi offiżi politiċi, huma kienu jintervienu u jipproċedu kif kienu jaraw li hu xieraq. Każ bħal dan kien l-arrest taʼ l-appostlu Pawlu.—Atti 21:31-40.
Membri tal-Qorti
Is-Sinedriju kellu 71 membru—il-qassis il-kbir u 70 raġel prominenti tal-ġens. Fi żmien ir-Rumani dan kien magħmul minn qassisin nobbli (prinċipalment is-Sadduċej), lajċi aristokratiċi, u skribi taʼ skola li kienu jagħmlu parti mill-Fariżej. L-aristokrazija tal-qassisin, appoġġata mil-lajċi prominenti, kienet tiddomina l-qorti.b Filwaqt li s-Sadduċej kienu jżommu mat-tradizzjoni, il-Fariżej kienu moħħhom miftuħ u ħafna minnhom kienu nies komuni li kellhom influwenza kbira fuq in-nies. Skond l-istorjografu Ġużeppi Flavju, is-Sadduċej kienu jobdu kontra qalbhom dak li jitolbu l-Fariżej. Pawlu ħa vantaġġ mir-rivalità u mid-differenzi fit-twemmin bejn dawn iż-żewġ gruppi meta ddefenda ruħu quddiem is-Sinedriju.—Atti 23:6-9.
Il-fatt li s-Sinedriju kien magħmul minn dawk li kienu aristokratiċi juri li x’aktarx il-membri kienu permanenti u li meta xi post ikun irid jimtela dan kien isir permezz tal-membri li kienu diġà jagħmlu parti minnu. Skond il-Mixna, membri ġodda kellhom ikunu “qassisin, Leviti, jew Iżraelin li wliedhom il-bniet setgħu jiżżewġu lill-qassisin,” jiġifieri, Lhud li setgħu jipproduċu dokumenti ġenealoġiċi li jagħtu prova li kellhom dixxendenza pura. Ladarba l-qorti għolja kienet tieħu ħsieb is-sistema tal-qrati tal-pajjiż kollu, jidher loġiku li l-irġiel li kellhom reputazzjoni fil-qrati iżgħar kienu jingħataw pożizzjoni iktar għolja fis-Sinedriju.
Il-Ġurisdizzjoni u l-Awtorità
Il-Lhud kellhom rispett kbir għas-Sinedriju, u l-imħallfin tal-qrati iżgħar kienu marbutin biex jaċċettaw id-deċiżjonijiet tiegħu inkella kienu jirriskjaw li jmutu. Il-qorti kienet partikolarment konċernata bil-kwalifiki tal-qassisin u bi kwistjonijiet li jinvolvu lil Ġerusalemm, it-tempju tagħha, u l-qima fit-tempju. Fir-realtà, il-ġurisdizzjoni ċivili tas-Sinedriju kienet tinkludi lil-Lhudija biss. Imma ladarba s-Sinedriju kien kunsidrat bħala li hu superjuri fl-interpretazzjoni tal-Liġi, dan kien jinfluwenza l-moralità tal-komunitajiet Lhud madwar id-dinja. Per eżempju, il-qassis il-kbir u l-konċilju tiegħu kien ta l-istruzzjoni lill-mexxejja tas-sinagogi f’Damasku biex jikkooperaw fl-arrest tas-segwaċi taʼ Kristu. (Atti 9:1, 2; 22:4, 5; 26:12) Bl-istess mod, il-Lhud li kienu jżuru lil Ġerusalemm għall-festi x’aktarx li kienu jieħdu lura d-dar aħbarijiet dwar dak li kien jiddikjara s-Sinedriju.
Skond il-Mixna, is-Sinedriju kellu kontroll assolut fuq kwistjonijiet taʼ importanza nazzjonali, meta jittratta maʼ mħallfin li jiksru d-deċiżjonijiet tiegħu, u meta jiġġudika l-profeti foloz. Ġesù u Stiefnu dehru quddiem il-qorti bħala dgħajja, Pietru u Ġwanni ġew akkużati li kienu qed iħawdu lill-ġens, u Pawlu li pprofana t-tempju.—Marku 14:64; Atti 4:15-17; 6:11; 23:1; 24:6.
Il-Ġudizzju taʼ Ġesù u d-Dixxipli Tiegħu
Minbarra fis-Sabat u fil-ġranet qaddisa, is-Sinedriju kien ikollu s-sessjonijiet kuljum mill-ħin tas-sagrifiċċju taʼ fil-għodu sa dak taʼ fil-għaxija. Il-ġuri kienu jsiru fid-dawl tal-jum biss. Ladarba s-sentenzi kapitali ma kinux jiġu dikjarati qabel l-għada tal-ġuri, dawn il-każijiet ma kellhomx isiru fil-lejla taʼ qabel is-Sabat jew tal-festa. Ix-xhieda kienu jiġu mwissijin bl-aħrax dwar is-serjetà tat-tixrid taʼ demm innoċenti. Għalhekk, il-ġuri taʼ Ġesù bil-lejl u l-kundanna tiegħu fid-dar taʼ Kajfa fil-lejla tal-festa kienu illegali. Agħar minn hekk, l-imħallfin infushom fittxew xhieda foloz u pperswadew lil Pilatu biex jordna l-esekuzzjoni taʼ Ġesù.—Mattew 26:57-59; Ġwanni 11:47-53; 19:31.
It-Talmud jgħid li l-imħallfin taʼ każijiet kapitali kienu jistinkaw biex isalvaw lill-imħarrek matul sessjonijiet li fihom l-evidenza kienet tiġi eżaminata bir-reqqa. Però, Stiefnu, bħalma ġara qabel fil-każ taʼ Ġesù, m’għadda minn ebda ġuri bħal din. Id-difiża tiegħu quddiem is-Sinedriju wasslet biex jiġi mħaġġar minn ġemgħa taʼ nies. Li kieku ma kienx għall-intervent tar-Rumani, l-appostlu Pawlu wkoll kien se jinqatel f’ċirkustanzi bħal dawn. Fil-fatt, l-imħallfin tas-Sinedriju kkonfoffaw biex joqtluh.—Atti 6:12; 7:58; 23:6-15.
Għallinqas, ftit mill-membri tal-qorti milli jidher kienu rġiel li kellhom prinċipji morali. Ħakkiem Lhudi żagħżugħ li tkellem maʼ Ġesù setaʼ kien membru tas-Sinedriju. Għalkemm l-għana taż-żagħżugħ kien t’ostaklu għalih, hu x’aktarx li kellu kwalitajiet tajbin, ladarba Ġesù stiednu biex ikun segwaċi Tiegħu.—Mattew 19:16-22; Luqa 18:18, 22.
Jistaʼ jkun li minħabba l-biżaʼ minn dak li setgħu jaħsbu mħallfin oħra, Nikodemu, ‘ħakkiem tal-Lhud,’ kien iżur lil Ġesù fis-satra tal-lejl. Madankollu, Nikodemu ddefenda lil Ġesù quddiem is-Sinedriju meta staqsa: “Il-liġi tagħna ma tiġġudika lil ħadd jekk ma tkunx l-ewwel semgħetu u saret taf x’inhu jagħmel, hux hekk?” Nikodemu iktar tard ipprovda “madwar mitt libbra mirra u sabbara” biex ġisem Ġesù jiġi mħejji għad-difna.—Ġwanni 3:1, 2; 7:51, 52; 19:39.
Ġużeppi t’Arimatija, membru ieħor tas-Sinedriju, staqsa lil Pilatu bil-kuraġġ għal ġisem Ġesù u poġġieh fil-qabar ġdid tiegħu stess. Ġużeppi kien qed “jistenna s-saltna t’Alla,” imma minħabba li beżaʼ mil-Lhud hu ma identifikax ruħu bħala wieħed mid-dixxipli taʼ Ġesù. Però, Ġużeppi kien taʼ min ifaħħru minħabba li hu ma vvotax favur is-Sinedriju fil-pjan tiegħu biex joqtol lil Ġesù.—Marku 15:43-46; Mattew 27:57-60; Luqa 23:50-53; Ġwanni 19:38.
Gamaljel, li kien membru tas-Sinedriju, bl-għaqal ta l-parir lill-imħallfin l-oħrajn biex iħallu bi kwiethom lid-dixxipli taʼ Ġesù. “Inkella,” qal hu, “għandkom mnejn tkunu fil-fatt qed tiġġieldu kontra Alla.” (Atti 5:34-39) Il-qorti superjuri għala ma ntebħitx li Ġesù u d-dixxipli tiegħu kellhom l-appoġġ t’Alla? Minflok ma rrikonoxxa l-mirakli taʼ Ġesù, is-Sinedriju rraġuna b’dan il-mod: “X’se nagħmlu, għax dan ir-raġel qed iwettaq ħafna sinjali? Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd ipoġġi l-fidi fih, u jiġu r-Rumani u jiħdulna postna u ġensna.” (Ġwanni 11:47, 48) Ix-xenqa għall-poter għawġet il-ġustizzja tal-qorti superjuri Lhudija. Bl-istess mod, minflok ma ferħu meta d-dixxipli taʼ Ġesù fejqu n-nies, il-mexxejja reliġjużi ‘mtlew bl-għira.’ (Atti 5:17) Bħala mħallfin, huma suppost li kienu jibżgħu minn Alla u kienu jimxu bil-ġustizzja, imma ħafna minnhom kienu korrotti u diżonesti.—Eżodu 18:21; Dewteronomju 16:18-20.
Ġudizzju Divin
Minħabba li Iżrael kien diżubbidjenti għal-Liġi t’Alla u minħabba li ċaħad lill-Messija, Ġeħova finalment ċaħad lill-ġens li kien il-poplu magħżul tiegħu. Fis-sena 70 E.K., ir-Rumani qerdu l-belt taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha u temmew is-sistema Lhudija kollha u finalment lis-Sinedriju stess.
Ġesù Kristu, l-Imħallef maħtur minn Ġeħova, se jiddetermina jekk xi membri tas-Sinedriju taʼ l-ewwel seklu jistħoqqilhomx jiġu rxoxtati u min minnhom dineb kontra l-ispirtu qaddis. (Marku 3:29; Ġwanni 5:22) Nistgħu nkunu ċerti li meta jagħmel dawn id-deċiżjonijiet, Ġesù se jaġixxi b’ġustizzja perfetta.—Isaija 11:3-5.
[Noti taʼ taħt]
a Dwar il-Makkabin u l-Asmonin ara t-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1998, paġni 21-4, u tal-15 taʼ Ġunju, 2001, paġni 27-30.
b Meta l-Bibbja titkellem dwar il-“qassisin ewlenin,” din tirreferi għall-qassisin għoljin tal-preżent u tal-passat u għall-membri taʼ dawk il-familji li kienu jikkwalifikaw għal pożizzjonijiet iktar għoljin tas-saċerdozju fil-futur.—Mattew 21:23.