L-Għaxqa Tiegħu Kienet fil-Liġi taʼ Ġeħova
ALBERT D. SCHROEDER, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, temm il-ħajja tiegħu fuq l-art nhar l-Erbgħa, 8 taʼ Marzu, 2006. Hu kellu 94 sena u kien ilu fis-servizz full-time għal iktar minn 73 sena.
Ħuna Schroeder twieled f’Saginaw, Michigan, l-Istati Uniti, fl-1911.a Bħala tfajjel, hu tgħallem ħafna dwar il-Bibbja mingħand nanntu, min-naħa t’ommu, li naqqxet fih ukoll imħabba biex jaqra l-Kelma taʼ Ġeħova. Hu studja l-Latin, il-Ġermaniż, u l-inġinerija elettrika fl-Università taʼ Michigan. Madankollu, hekk kif l-apprezzament għall-Iskrittura kiber, hu waqaf mill-istudju sekulari biex jidħol fix-xogħol full-time taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Fl-1932, hu sar membru tal-familja Betel fi Brooklyn, New York.
Fl-1937, fl-età taʼ 26 sena, Ħuna Schroeder ġie maħtur biex jieħu ħsieb ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Britannja. Iż-żelu tiegħu fix-xogħol taʼ l-ippridkar inkuraġġixxa lil ħafna biex jidħlu fis-servizz full-time. Wieħed raġel żagħżugħ imsieħeb miegħu fil-Betel taʼ Londra kien John E. Barr. Iktar tard huma qdew flimkien għal ħafna snin fil-Ġemgħa li Tiggverna.
Ix-xogħol taʼ Ħuna Schroeder għan-nom tax-Xhieda taʼ Ġeħova ġie notat matul is-snin tal-gwerra. F’Awissu taʼ l-1942, hu ġie deportat mill-Britannja. Wasal lura Brooklyn f’Settembru, wara vjaġġ twil u stressanti fejn qasam minn naħa għal oħra taʼ l-Atlantiku fi żmien il-gwerra.
F’dak iż-żmien, il-qaddejja taʼ Ġeħova kienu diġà qed jantiċipaw ix-xogħol kbir li kellu jsir wara t-tieni gwerra dinjija. Ħuna Schroeder kien sorpriż u ferħan meta rċieva l-inkarigu li kien imiss—biex jgħin fl-iżvilupp tal-kors taʼ l-istudju għall-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Għal xi snin, hu qeda bħala struttur f’li jgħin u jħarreġ lill-missjunarji. Studenti li hu għallem f’Gilgħad u iktar tard fl-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna għandhom memorji sbieħ ħafna tiegħu. L-għaxqa tiegħu kienet li jnaqqax imħabba għal-liġijiet t’Alla fl-istudenti tiegħu u jenfasizza l-importanza taʼ li ssir taf aħjar lil Ġeħova.
Fl-1956, Ħuna Schroeder iżżewweġ lil Charlotte Bowin, u fl-1958 kellhom tifel li semmewh Judah Ben. Ħuna Schroeder kien raġel Kristjan miżżewweġ u missier mill-aħjar. Fl-1974, hu beda jaqdi fil-Ġemgħa li Tiggverna, fejn id-dehen tiegħu kien apprezzat ferm. Hu kien raġel qalbu tajba u umli li, fuq kollox, ried ifaħħar bil-kbir l-isem t’Alla. Aħna fiduċjużi li Ħuna Schroeder irċieva l-premju tiegħu fis-sema bħala Kristjan midluk li ‘l-għaxqa tiegħu kienet fil-liġi taʼ [Ġeħova].’—Salm 1:2.
[Nota taʼ taħt]
a Il-bijografija taʼ Ħuna Schroeder ġiet pubblikata fil-Watchtower taʼ l-1 taʼ Marzu, 1988.