Il-Verità—Nistennewha Biss minn Oħrajn?
“NOBGĦOD il-gideb, u nobgħod meta ħaddieħor jigdibli!” qalet tfajla taʼ 16-il sena. Ħafna minna nħossuna bħalha. Aħna nieħdu gost naħsbu li l-informazzjoni li ningħataw—kemm jekk bil-kliem u kemm jekk bil-kitba—tkun vera. Imma aħna ngħiduha l-verità meta nagħtu l-informazzjoni lil oħrajn?
Fi stħarriġ li sar il-Ġermanja, il-maġġuranza minn dawk li ħadu sehem fih ħassew li “l-gideb dwar kwistjonijiet żgħar sabiex dak li jkun jipproteġi lilu nnifsu jew jipproteġi lil oħrajn mill-ħsara hu tajjeb, iva, saħansitra neċessarju biex in-nies jingwalawha bejniethom.” U waħda ġurnalista kitbet: “Huwa ideal nobbli li tgħid il-verità u l-verità biss, imma dan jagħmillek ħajtek monotona.”
Jistaʼ jkun li nippreferu li ħaddieħor jgħidilna l-verità imma nħossu li kultant ikollna raġuni tajba biex ma ngħidux il-verità aħna stess? Huwa importanti li ngħidu l-verità? X’inhuma l-konsegwenzi meta ma ngħidux il-verità?
Il-Ħsara li Ssir Minħabba l-Gideb
Ikkunsidra l-ħsara li jistaʼ jagħmel il-gideb. Il-gideb joħloq nuqqas taʼ fiduċja bejn il-miżżewġin u bejn il-membri tal-familja. Seksik li jkun bla bażi jistaʼ jħassar ir-reputazzjoni taʼ individwu. Il-qerq tal-ħaddiema jżid l-ispejjeż tal-kumpanija u jirriżulta fi prodotti li jiswew iktar. Dikjarazzjonijiet foloz dwar id-dħul tat-taxxi jisirqu d-dħul li l-gvernijiet għandhom bżonn biex jipprovdu servizzi pubbliċi. L-informazzjoni qarrieqa tar-riċerkaturi tħassar karrieri promettenti u ttebbaʼ r-reputazzjoni taʼ istituzzjonijiet rispettati. Skemi li jwiegħdu l-għana f’ħakka t’għajn jisirqu lil investituri li faċli tqarraq bihom mill-flus li jkunu ġemmgħu tul ħajjithom jew saħansitra jħalluhom b’konsegwenzi agħar minn hekk. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħidilna li fost l-affarijiet li Alla Ġeħova jobgħod hemm “ilsien giddieb” u “fomm li jixhed bil-qerq il-gideb”!—Proverbji 6:16-19.
Meta l-gideb jinfirex jistaʼ jikkaġuna l-ħsara kemm lill-individwi u kemm lis-soċjetà kollha kemm hi. Ħafna jaqblu maʼ dan il-fatt. Allura, in-nies għala jigdbu minn jeddhom? U dejjem tkun qed tgħid gidba meta ma tgħidx il-verità kollha? Se nikkunsidraw it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet u oħrajn fl-artiklu li jmiss.
[Stampa f’paġna 3]
Il-gideb joħloq nuqqas taʼ fiduċja bejn il-miżżewġin