Għala Għandna Ngħidu l-Verità?
META kellu 18-il sena, Manfred, kien qed jiġi mħarreġ biex jaħdem f’uffiċċju.a Il-kumpanija li kien jaħdem magħha għamlet arranġamenti għalih u għal xi oħrajn li kienu qed jiġu mħarrġin biex imorru f’kulleġġ tat-taħriġ jumejn fil-ġimgħa. Darba minnhom il-lezzjoni spiċċat iktar kmieni mill-ħin li kellhom fl-iskeda. Skond ir-regoli tal-kumpanija, dawk li kienu qed jiġu mħarrġin kellhom imorru lura għax-xogħol għall-bqija tal-ġurnata. Minflok, huma kollha marru jiddevertu, minbarra Manfred li mar lura fuq xogħlu. B’kumbinazzjoni, membru esekuttiv tal-kumpanija li kien qed jieħu ħsiebhom ġie jżurhom. Meta ra lil Manfred, hu staqsieh: “Kif m’intix fil-klassi llum? U fejnhom l-oħrajn?” Kif għandu jwieġbu Manfred?
Is-sitwazzjoni diffiċli taʼ Manfred hija waħda tipika. Għandu jgħid il-verità, jew għandu jaħbilhom lil sħabu tal-klassi? Jekk jgħid il-verità kien se jġib lill-oħrajn fl-inkwiet u kien se jiġi mwarrab. Huwa tajjeb li tigdeb f’sitwazzjoni bħal din? Kieku int x’kont tagħmel? Is-sitwazzjoni taʼ Manfred se nirreferu għaliha iktar tard, imma l-ewwel ejja nikkunsidraw x’inhu involut meta jkollna niddeċiedu jekk għandniex ngħidu l-verità jew le.
Il-Verità u l-Gideb —Rivalità Fundamentali
Fil-bidu taʼ l-istorja tal-bniedem, kollox kien ibbażat fuq il-verità. Ma kienx hemm qerq dwar il-fatti, ħadd ma mmanipula jew irrappreżenta ħażin il-verità. Ġeħova, il-Ħallieq, hu “Alla tas-sewwa.” Il-kelma tiegħu hi verità; hu ma jistax jigdeb, u hu jikkundanna l-gideb u l-giddibin.—Salm 31:6 (31:5, NW); Ġwanni 17:17; Titu 1:2.
Ladarba nafu dan, kif beda l-gideb? Ġesù Kristu pprovda tweġiba awtentika meta qal lill-opponenti reliġjużi tiegħu, li kienu qed jipprovaw joqtluh: “Intom minn missierkom ix-Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom. Dan kien qattiel meta beda, u ma żammx sħiħ fil-verità, għax il-verità mhix fih. Meta jigdeb, jitkellem skond il-karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-gidba.” (Ġwanni 8:44) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù kien qed jirreferi għall-ġrajja fil-ġnien taʼ l-Għeden meta Satana ġiegħel lill-ewwel koppja umana tkun diżubbidjenti lejn Alla, u b’hekk sfaw vittmi tad-dnub u l-mewt.—Ġenesi 3:1-5; Rumani 5:12.
Kliem Ġesù jidentifika b’mod ċar lil Satana bħala “missier il-gidba,” il-wieħed li oriġina l-gideb u l-qerq. Satana għadu minn taʼ quddiem f’li jippromwovi l-gideb u, fil-fatt, qed “iqarraq bl-art abitata kollha.” Hu responsabbli bil-kbir għall-ħsara li l-gideb, li hu mifrux maʼ kullimkien illum, ikkaġuna lill-bnedmin.—Rivelazzjoni 12:9.
Ir-rivalità fundamentali bejn il-verità u l-gideb, li beda Satana x-Xitan, għadha tiddomina bla kontroll sa llum. Tistaʼ ssibha f’kull livell tas-soċjetà umana u teffettwa lil kull individwu. Il-mod kif jgħix individwu jġibu fuq naħa jew oħra tal-kwistjoni. Dawk fuq in-naħa t’Alla jibbażaw ħajjithom fuq il-verità tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Kulmin ma jsegwix it-triq tal-verità, kemm jekk jaf u kemm jekk le, jaqaʼ f’idejn Satana għaliex “id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.”—1 Ġwanni 5:19; Mattew 7:13, 14.
Għala Għandna t-Tendenza li Nigdbu?
Il-fatt li “d-dinja kollha” tinsab fil-qawwa taʼ Satana jurina għala ħafna nies jigdbu. Imma għandna mnejn nistaqsu, ‘Satana, “missier il-gidba,” għala għamel dan?’ Satana kien jaf li Ġeħova hu s-Sovran bi dritt fuq dak kollu li ħalaq Hu, inkluż l-ewwel koppja umana. Madankollu, Satana xtaq għalih innifsu din il-pożizzjoni għolja u unika, xi ħaġa li ma kienx intitolat għaliha. Minħabba r-regħba u l-ambizzjoni egoistika, hu għamel skema biex bla ma kellu l-jedd, jieħu taħt idejh post Ġeħova. Biex jikseb dan, Satana uża l-gideb u l-qerq.—1 Timotju 3:6.
Xi ngħidu għal-lum? Ma taqbilx li r-regħba u l-ambizzjoni egoistika għadhom tassew il-motivazzjonijiet li jqanqlu lil ħafna nies biex jigdbu? In-negozji egoistiċi, il-politika korrotta, u r-reliġjon falza huma invażati bil-qerq, il-gideb, il-manipulazzjoni, u l-frodi. Għala? M’huwiex minħabba li spiss in-nies huma mqanqlin mir-regħba u l-ambizzjoni biex javanzaw jew jirsistu għall-għana, il-qawwa, jew għal xi pożizzjoni li ma jkunux intitolati għaliha? Ħakkiem għaref, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem, wissa: “Kastig ikollu min irid jistagħna malajr.” (Proverbji 28:20) U l-appostlu Pawlu kiteb: “L-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.” (1 Timotju 6:10) Żgur li l-istess jistaʼ jingħad dwar ix-xewqa esaġerata għall-qawwa u l-pożizzjoni.
Fattur ieħor wara l-gideb hu l-biżaʼ—biżaʼ mill-konsegwenzi jew minn dak li jistaʼ jaħseb ħaddieħor jekk tingħad il-verità. Huwa sempliċement naturali li n-nies jixtiequ jintgħoġbu jew ikunu aċċettati minn oħrajn. Madankollu, ix-xewqa tagħhom tistaʼ tqanqalhom jgħawġu l-verità, anki jekk biss ftit, sabiex jgħattu n-nuqqasijiet, jaħbu dettalji li ma jagħmlulhomx gieħ, jew sempliċement biex iħallu impressjoni tajba. B’mod xieraq, Salamun kiteb: “Min jibżaʼ mill-bniedem jaqaʼ fi xkiel; imma min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.”—Proverbji 29:25.
Lealtà Lejn l-Alla tal-Verità
X’qal Manfred meta l-membru esekuttiv tal-kumpanija talbu spjegazzjoni? Manfred qal il-verità. Hu qal: “L-għalliem spiċċa l-lezzjoni kmieni llum, allura ġejt lura għax-xogħol. Dwar l-oħrajn, ma nistax inwieġeb għalihom. Forsi tistaʼ tistaqsihom personalment.”
Manfred setaʼ tah tweġiba makakka li tqarraq bih, u b’hekk jitħabbeb maʼ l-istudenti l-oħrajn. Imma hu kellu raġunijiet tajbin biex iżomm lealment mal-verità. Manfred hu wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. L-onestà tiegħu ppreservat il-kuxjenza nadifa tiegħu. Minħabba fiha hu rebaħ il-fiduċja tal-wieħed li jimpjegah. Bħala parti mit-taħriġ tiegħu, Manfred ġie inkarigat jaħdem fid-dipartiment tal-ġojjellerija, fejn normalment ma kinux jaħdmu dawk li jkunu qed jiġu mħarrġin. Xi 15-il sena wara, meta Manfred ġie mlaħħaq għal pożizzjoni taʼ iktar responsabbiltà fil-kumpanija, l-istess membru esekuttiv ċempillu biex jifraħlu u jfakkru fil-ġrajja meta hu kien żamm mal-verità.
Ladarba Ġeħova hu l-Alla tal-verità, kulmin jixtieq ikollu relazzjoni mill-qrib miegħu għandu ‘jwarrab il-gideb’ u ‘jgħid il-verità.’ Qaddej t’Alla għandu jħobb il-verità. Raġel għaref kiteb: “Xhud tajjeb ma jgħidx il-falz.” Imma x’inhi gidba?—Efesin 4:25; Proverbji 14:5.
X’Inhi Gidba?
Kull gidba hija stqarrija li m’hijiex minnha, imma mhux kull stqarrija li m’hijiex minnha hija gidba. Għala le? Dizzjunarju wieħed jispjega l-gideb bħala “stqarrija taʼ xi ħaġa li min jgħidha jkun jaf jew jemmen li m’hijiex vera imma jgħidha bl-iskop li jqarraq.” Iva, il-gideb jinkludi l-intenzjoni li tqarraq b’xi ħadd. Għalhekk, min jgħid xi ħaġa li ma tkunx minnha imma mhux intenzjonalment—bħal per eżempju jagħti fatti jew figuri mhux korretti bi żball —m’huwiex l-istess bħal meta jgħid gidba.
Iktar minn hekk, irridu nikkunsidraw jekk min qed jitlob l-informazzjoni huwiex intitolat li jkollu tweġiba kompluta. Per eżempju, ejja ngħidu li Manfred ġie mistoqsi l-istess mistoqsijiet minn membru esekuttiv taʼ kumpanija oħra. Kien Manfred se jkun obbligat li jgħidlu kollox? Le, hux tassew. Ladarba l-membru esekuttiv m’għandu ebda dritt għal informazzjoni bħal din, Manfred ma kien se jkollu ebda obbligu li jipprovdihielu. M’għandniex xi ngħidu, anki f’dan il-każ, kien ikun ħażin li kieku kellu jigdeb.
Ġesù Kristu liema eżempju ħalla f’dan ir-rigward? Darba minnhom, Ġesù kien qed jiddiskuti maʼ xi wħud li ma kinux taʼ l-istess twemmin li wrew interess fil-pjanijiet taʼ l-ivvjaġġar tiegħu. Huma tawh il-parir, “Itlaq minn hawnhekk u mur il-Lhudija.” Ġesù kif wiġibhom? “Itilgħu intom għall-festa [f’Ġerusalemm]; jien għadni m’iniex tielaʼ għal din il-festa, għax il-waqt tiegħi għadu ma wasalx għalkollox.” Ftit wara, Ġesù fil-fatt mar Ġerusalemm għall-festa. Għala kien wiġibhom b’dak il-mod? Huma ma kellhomx jedd li jkunu jafu fejn kien se jkun. Allura waqt li Ġesù ma qal ebda gidba, hu tahom risposta li ma kinitx kompluta għalkollox sabiex jillimita l-ħsara li setgħu jagħmlu lilu jew lis-segwaċi tiegħu. Din ma kinitx gidba għaliex l-appostlu Pietru kiteb dwar Ġesù: “Hu m’għamel ebda dnub, u ma nstabx qerq f’fommu.”—Ġwanni 7:1-13; 1 Pietru 2:22.
Xi ngħidu għal Pietru nnifsu? Fil-lejl taʼ l-arrest taʼ Ġesù, ma kienx Pietru gideb tliet darbiet u ċaħad li kien jaf lil Ġesù? Iva, Pietru ċeda għall-biżaʼ mill-bniedem u gideb. Imma hu mill-ewwel “beka biki taʼ mrar” u nidem, u d-dnub tiegħu nħafer. Iktar minn hekk, hu tgħallem mill-iżball tiegħu. Xi jiem wara, hu tkellem fil-pubbliku dwar Ġesù u b’determinazzjoni rrifjuta li jieqaf meta ġie mhedded mill-awtoritajiet Lhud f’Ġerusalemm. Żgur li l-waqgħa temporanja taʼ Pietru u l-fatt li malajr reġaʼ qam fuq saqajh għandu jkun taʼ inkuraġġiment għalina lkoll, li faċli nħossuna maħkumin f’mument taʼ dgħjufija u naqgħu fi kliemna u f’għemilna.—Mattew 26:69-75; Atti 4:18-20; 5:27-32; Ġakbu 3:2.
Il-Verità Se Tiġi Stabbilita għal Dejjem
“Kliem is-sewwa jżomm sħiħ għal dejjem, imma l-ilsien giddieb għomru qasir,” jispjega Proverbji 12:19. Iva, il-kliem li hu veru jibqaʼ għal żmien twil u huwa permanenti. U r-relazzjonijiet tal-bnedmin ikunu iktar stabbli u sodisfaċenti meta n-nies ikunu lesti li jgħidu l-verità u jaġixxu fi qbil magħha. Tabilħaqq, il-verità ġġib barkiet immedjati. Dawn jinkludu kuxjenza nadifa, reputazzjoni tajba, u relazzjonijiet b’saħħithom fiż-żwieġ, fil-familja, u bejn il-ħbieb, saħansitra fin-negozju.
Mill-banda l-oħra, il-gideb maż-żmien jinqabad. Ilsien giddieb jistaʼ jqarraq għal xi żmien, imma l-qerq fl-aħħar mill-aħħar joħroġ fil-beraħ. Iktar minn hekk, Ġeħova, l-Alla tal-verità, għandu żmien stabbilit sakemm se jittollera l-qerq u lil dawk li jinkuraġġixxu l-gideb. Il-Bibbja twiegħed li Ġeħova se jelimina l-influwenza taʼ Satana x-Xitan, missier il-gidba, li qed iqarraq bl-art abitata kollha. Ġeħova dalwaqt se jneħħi għalkollox il-gideb u l-giddibin.—Rivelazzjoni 21:8.
X’serħan se nħossu meta finalment “kliem is-sewwa” se jkun stabbilit fis-sod għal dejjem!
[Nota taʼ taħt]
a Mhux ismu veru.
[Kumment f’paġna 5]
Ir-regħba u l-ambizzjoni egoistika huma l-motivi li jqanqlu lin-nies biex jigdbu
[Kumment f’paġna 6]
Kull gidba hija stqarrija li m’hijiex minnha, imma mhux kull stqarrija li m’hijiex minnha hija gidba
[Stampa f’paġna 6]
X’nitgħallmu mill-fatt li Pietru ċaħad lil Kristu?
[Stampa f’paġna 7]
Min jgħid il-verità jkollu relazzjonijiet stabbli u sodisfaċenti