Mistoqsijiet mill-Qarrejja
X’ried ifisser Ġesù meta qal li l-ilsir leali tiegħu kellu jkun “għaqli”?
Ġesù qajjem il-mistoqsija: “Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq in-nies taʼ daru, biex jagħtihom l-ikel fiż-żmien xieraq?” (Mattew 24:45) L-“ilsir” li jipprovdi l-“ikel” spiritwali huwa l-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin bl-ispirtu. Ġesù għala sejħilhom għaqlin?a
L-aqwa mod kif aħna nistgħu nifhmu x’ried forsi jgħid biha l-kelma “għaqli” hu mit-tagħlim taʼ Ġesù stess. Per eżempju, meta tkellem dwar “l-ilsir leali u għaqli,” Ġesù qal il-parabbola taʼ l-għaxar xebbiet li kienu qegħdin għassa għall-wasla taʼ l-għarus. Ix-xebbiet ifakkruna fil-Kristjani midlukin qabel l-1914 li kienu qed jistennew bil-ħerqa l-wasla taʼ l-Għarus il-kbir, Ġesù Kristu. Ħamsa mill-għaxar xebbiet ma kellhomx biżżejjed żejt meta wasal l-għarus, u huma tilfu l-festa tat-tieġ. Il-ħamsa l-oħra wrew li kienu għaqlin. Huma ħadu magħhom provvista biżżejjed taʼ żejt, u b’hekk setgħu jkomplu jitfgħu d-dawl meta wasal l-għarus u tħallew jattendu l-festa.—Mattew 25:10-12.
Meta Ġesù ngħata l-awtorità tas-Saltna tiegħu fl-1914, ħafna mill-Kristjani midlukin kienu qed jistennew li jingħaqdu miegħu minnufih fis-sema. Madankollu, kien hemm iktar xogħol x’jagħmlu fuq l-art u xi wħud ma kinux imħejjijin għalih. Bħax-xebbiet li ma kinux għaqlin, huma ma kinux saħħew lilhom infushom spiritwalment minn qabel, u għalhekk huma ma kinux lesti biex ikomplu bħala dawwala. Però, ħafna minnhom kienu aġixxew b’mod għaqli—billi aġixxew bl-għerf u ħasbu bil-quddiem—u kienu msaħħin spiritwalment. Meta saru jafu li kien hemm iktar xogħol xi jsir, bil-ferħ huma ħejjew ruħhom biex iwettquh. Għalhekk, taw prova li huma “l-ilsir leali u għaqli.”
Ikkunsidra wkoll il-mod kif Ġesù uża l-kelma “għaqli” f’Mattew 7:24. Ġesù qal: “Kulmin jismaʼ kliemi u jagħmlu jkun jixbah lil raġel għaqli, li bena daru fuq il-blat.” Ir-raġel għaqli jibni fuq is-sod, billi jżomm f’moħħu li tistaʼ tinqalaʼ maltempata. B’kuntrast, ir-raġel iblah jibni fuq ir-ramel u jitlef daru. Għalhekk, segwaċi għaqli taʼ Ġesù huwa wieħed li jara minn qabel il-konsegwenzi ħżiena li jiġu meta wieħed isegwi l-għerf tal-bniedem. Id-dixxerniment u r-raġunevolezza tiegħu jwassluh biex jibbaża l-fidi, l-azzjonijiet, u t-tagħlim tiegħu b’mod sod fuq dak li għallem Ġesù. “L-ilsir leali u għaqli” jaġixxi b’mod simili.
Innota wkoll l-użu tal-kelma tradotta “għaqli” f’ħafna verżjonijiet taʼ l-Iskrittura Ebrajka. Per eżempju, il-Fargħun ħatar lil Ġużeppi fuq il-provvista taʼ ikel taʼ l-Eġittu. Dan kien parti mill-arranġament taʼ Ġeħova biex jipprovdi l-ikel għall-poplu tiegħu. Għala ntgħażel Ġużeppi? Il-Fargħun qallu: “M’hemm ħadd għaqli u għaref daqsek” (NW). (Ġenesi 41:33-39; 45:5) B’mod simili, il-Bibbja tgħid li Abigajl kienet “taʼ għaqal kbir.” Hi pprovdiet l-ikel għal David, il-midluk taʼ Ġeħova, u għall-irġiel tiegħu. (1 Samwel 25:3, 11, 18) Ġużeppi u Abigajl setgħu jissejħu għaqlin għax huma għarfu r-rieda t’Alla, u aġixxew billi ħasbu bil-quddiem u użaw ir-raġunevolezza.
Għalhekk, meta Ġesù ddeskriva lill-ilsir leali bħala għaqli, hu indika li dawk li qed jirrappreżentaw lil dan l-ilsir kellhom juru dixxerniment, jaħsbu bil-quddiem, u jużaw ir-raġunevolezza minħabba li jibbażaw il-fidi, l-azzjonijiet, u t-tagħlim tagħhom fuq il-verità tal-Kelma t’Alla.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kelma “għaqli” hija t-traduzzjoni tal-kelma Griega fronimos. Il-ktieb Word Studies in the New Testament taʼ M. R. Vincent, jgħid li din il-kelma ħafna drabi tirreferi għall-għerf prattiku u l-prudenza.