Ġakobb Apprezza l-Valuri Spiritwali
IL-ĦAJJA taʼ Ġakobb hi mimlija inkwiet u gwaj. Ħuh it-tewmi tant hu rrabjat għalih li jrid joqtlu u dan iġiegħel lil Ġakobb jaħrab. Minflok ma jieħu t-tfajla li jħobb, hu jiġi ngannat biex l-ewwel jiżżewweġ lil ħaddieħor u jispiċċa b’erbaʼ nisa u bil-ħafna problemi tagħhom. (Ġenesi 30:1-13) Għal 20 sena sħaħ hu jaħdem għal raġel li jipprofitta ruħu minnu. Jissara m’anġlu u jsofri dannu permanenti. Bintu tiġi stuprata, uliedu s-subien jagħmlu massakru, u hu jibki t-telfa traġika taʼ ibnu u l-mara favorita tiegħu. Imġiegħel biex jitlaq minn pajjiżu fi xjuħitu minħabba l-ġuħ, hu jammetti li jiemu kienu “ftit u ħżiena.” (Ġenesi 47:9) Minkejja dan kollu, Ġakobb hu bniedem spiritwali li jafda f’Alla. Hija l-fiduċja tiegħu għalxejn? Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu meta nikkunsidraw sempliċement ftit mill-esperjenzi taʼ Ġakobb?
Differenti Ħafna minn Ħuh
Ir-raġuni taʼ l-inkwiet li kellu maʼ ħuh kienet li Ġakobb kien japprezza l-affarijiet spiritwali, filwaqt li Għesaw kien jiddisprezzahom. Ġakobb kien interessat fil-wegħda tal-patt li saret m’Abraham u ddedika ħajtu biex jieħu ħsieb il-familja li Alla kien għażel bħala werrieta taʼ din il-wegħda. Kien għalhekk li Jehovah ‘ħabbu.’ Ġakobb kien “bla ħtija,” espressjoni li tfisser eċċellenza morali. B’kuntrast, Għesaw tant ma kienx jimpurtah mill-wirt spiritwali tiegħu, li biegħu għal ħmerija. Meta Ġakobb, bl-approvazzjoni t’Alla, talab dak li bi dritt kien tiegħu u kiseb il-barka li kienet intenzjonata għal ħuh, Għesaw telagħlu bl-ikrah u ried jivvendika ruħu minnu. Ġakobb imbagħad ħalla warajh dak kollu li kien iħobb, imma dak li ġara wara żgur li għenu jirbaħ l-iskuraġġiment li setaʼ kellu.—Malakija 1:2, 3; Ġenesi 25:27-34, NW; 27:1-45.
F’ħolma, Alla wera lil Ġakobb xi anġli telgħin u neżlin fuq sellum, speċi taʼ taraġ tal-ġebel, bejn is-sema u l-art u stqarr li hu kien se jipproteġi lil Ġakobb u lil nislu. “Jitbierku bik u bin-nisel tiegħek it-tribujiet kollha taʼ l-art. Arani, jien miegħek u nħarsek kull fejn tmur, u nerġaʼ nġibek f’din l-art, għax jien ma nitilqekx qabel ma ntemm kull ma għedtlek.”—Ġenesi 28:10-15.
Xi kliem li jqawwi l-qalb! Jehovah ikkonferma li kien se jbierek spiritwalment lill-familja taʼ Ġakobb bil-wegħdi li ngħataw lil Abraham u lil Iżakk. Ġakobb sar konxju li l-anġli jistgħu jgħinu lil dawk li jkollhom l-approvazzjoni t’Alla, u ġie żgurat li kien se jkollu l-protezzjoni divina. B’rikonoxximent u gratitudni, Ġakobb ħalef li jibqaʼ leali lejn Jehovah.—Ġenesi 28:16-22.
Ġakobb bl-ebda mod ma ħataf il-wirt t’Għesaw. Qabel ma twieldu s-subien, Jehovah qal li “l-kbir jaqdi liż-żgħir.” (Ġenesi 25:23) Xi ħadd għandu mnejn jistaqsi: ‘Ma kienx ikun iktar faċli kieku Alla ġiegħel lil Ġakobb jitwieled l-ewwel?’ Dak li seħħ wara għallem veritajiet importanti. Alla ma jagħtix barkiet lil dawk li jippretendu li għandhom dritt għalihom, imma ċertament li juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ dawk li jagħżel hu. Il-primoġenitura b’hekk għaddiet għal għand Ġakobb, u mhux għand ħuh, li xejn ma kien japprezzaha. Bl-istess mod, peress li l-Lhud naturali bħala ġens urew l-istess attitudni taʼ Għesaw, minflokhom intgħażel Iżrael spiritwali. (Rumani 9:6-16, 24) Relazzjonijiet tajbin maʼ Jehovah illum qatt ma se jinkisbu billi wieħed sempliċement jirithom, anki jekk wieħed ikun twieled ġo familja jew ambjent li fih ikun hemm il-biżaʼ t’Alla. Dawk kollha li jridu li jkollhom il-barka t’Alla jridu jistinkaw biex jogħġbu lil Alla, billi verament japprezzaw l-affarijiet spiritwali.
Milqugħ minn Laban
Malli wasal Fiddien-aram biex ifittex mara minn fost qrabatu, Ġakobb iltaqaʼ maʼ kuġintu Rakel, bint Laban, ħdejn bir u neħħa l-ġebla tqila li kienet tgħatti l-bir biex hi setgħet tisqi lill-annimali li kienet qed tirgħa.a Rakel telqet sparata lejn id-dar biex tħabbar il-wasla taʼ Ġakobb, u Laban ħaffef biex jiltaqaʼ miegħu. Jekk Laban kellu f’moħħu r-rikkezzi li l-familja tiegħu kienet irċiviet qabel mingħand il-qaddej t’Abraham, baqaʼ diżappuntat, għax Ġakobb ma kien ġab xejn miegħu. Imma mid-dehra Laban kien ra xi ħaġa li setaʼ jipprofitta ruħu minnha—ħaddiem ħabriek.—Ġenesi 28:1-5; 29:1-14.
Ġakobb irrakkonta l-istorja tiegħu. Ma nafux jekk semmiex il-makakkerija li uża biex jakkwista l-primoġenitura, imma wara li semaʼ “dawn il-ħwejjeġ kollha,” Laban qal: “Tassew int għadmi u laħmi.” Wieħed studjuż qal li din il-frażi tistaʼ tittieħed bħala stedina mill-qalb lil Ġakobb biex joqgħod għandu jew inkella stqarrija taʼ Laban li fiha ammetta li kien fi dmir jipproteġi lil Ġakobb peress li kien jiġi minnu. Kien x’kien il-każ, Laban ma damx ma ħaseb kif jistaʼ jipprofitta ruħu minn neputih.
Laban dakinhar qal xi ħaġa li kienet il-bidu tal-kustjonijiet kollha matul l-20 sena taʼ wara. “Għax int ħija, se taħdimli b’xejn?” staqsa hu. “Għidli x’għandu jkun ħlasek.” Għalkemm Laban lagħabha taʼ ziju ġeneruż, hu kien qed jibdel din ir-relazzjoni tal-familja f’kuntratt taʼ xogħol. Ladarba Ġakobb kien iħobb lil Rakel, hu wieġeb: “Naħdimlek għal sebaʼ snin għal Rakel, bintek iż-żgħira.”—Ġenesi 29:15-20.
Il-kelma taż-żwieġ kienet effettwata mill-ħlas tal-prezz taʼ l-għarusa lill-familja tagħha. Il-Liġi Mosajka iktar tard stabbiliet is-somma taʼ 50 xekel tal-fidda bħala l-prezz għat-tfajliet verġni li xi ħadd ikun isseduċiehom. L-istudjuż Gordon Wenham jemmen li din kienet “l-iktar għotja li tistaʼ tintalab għaż-żwieġ” imma li l-biċċa l-kbira mill-għotjiet kienu “ferm inqas.” (Dewteronomju 22:28, 29) Ġakobb ma setax jirranġa għall-ħlas. Hu offra lil Laban biex jaħdimlu għal sebaʼ snin. “Peress li l-ħaddiema każwali kienu jirċievu bejn nofs xekel u xekel fix-xahar fi żmien Babilonja tal-qedem” (minn 42 sa 84 xekel f’sebaʼ snin sħaħ), ikompli Wenham, “Ġakobb kien qed joffri lil Laban somma mhux ħażin bħala għotja għaż-żwieġ sabiex ikun jistaʼ jieħu lil Rakel bħala martu.” Laban aċċetta fil-pront.—Ġenesi 29:19.
Sebaʼ snin kienu qishom “ftit jiem” għal Ġakobb daqskemm kien iħobbha lil Rakel. Hekk kif għalaq iż-żmien, hu mar biex jieħu lill-għarusa tiegħu, li kellha wiċċha mgħotti b’velu, u b’xejn ma ssuspetta bil-qerq taʼ Laban. Immaġina x-xokk li ħa l-għada fil-għodu meta induna li ma kienx raqad maʼ Rakel, imma m’oħtha Lija! Ġakobb staqsa: “X’inhu dan li għamiltli? Għal Rakel qgħadt naħdem miegħek. Għala qarraqt bija?” Laban wieġbu: “Għax f’dawn l-inħawi ma jagħmlux hekk, li jagħtu ż-żgħira qabel il-kbira. Temm il-ġimgħa maʼ din, u nagħtik lil dik ukoll, bi ħlas tax-xogħol li tagħmilli għal sebaʼ snin oħra.” (Ġenesi 29:20-27) Peress li ma setax jiddefendi ruħu u beda jħossu maqbud f’nassa, Ġakobb ma setaʼ jagħmel xejn ħlief li jaċċetta dawk il-kundizzjonijiet, ladarba hu ried jieħu lil Rakel.
Kontra s-sebaʼ snin taʼ qabel, is-sebaʼ snin li ġew wara xejn ma kienu sbieħ. Ġakobb kif setaʼ jinsa l-mod kiefer li daħaq bih Laban? U xi ngħidu għal Lija, li kienet kompliċi f’dan kollu? M’għandniex xi ngħidu, Laban xejn ma kien jimpurtah mill-futur mimli inkwiet li hu kien daħħal lil Lija u lil Rakel fih. Kien jimpurtah biss kemm se jiggwadanja hu. Minbarra r-riżentiment daħlet ukoll l-għira għax Lija welldet erbaʼ subien wara xulxin, filwaqt li Rakel baqgħet bla tfal. Imbagħad Rakel, iddisprata għax tant xtaqet it-tfal, waslet biex toffri lill-qaddejja tagħha lil Ġakobb sabiex ikollha t-tfal minflokha, u Lija biex tpattihielha għamlet l-istess. Ġakobb sab ruħu b’4 nisa, 12-il tifel, u kollox minbarra familja ferħana. Madankollu, Jehovah kien qed jagħmel lil Ġakobb ġens qawwi.—Ġenesi 29:28–30:24.
Imbierek minn Jehovah
Minkejja l-provi, Ġakobb ra li Alla kien miegħu kif kien wiegħdu. Anki Laban kien qed jarah dan, għaliex il-ftit annimali li kellu qabel il-wasla taʼ Ġakobb żdiedu ħafna mindu neputih kien qed jiħodlu ħsieb l-imrieħel. Laban ma xtaqux jitlaq lil Ġakobb, u għalhekk talbu biex jgħidlu xi ħlas ried biex ikompli jaħdem miegħu. Għal dan Ġakobb talbu jagħtih l-annimali taʼ kulur mhux tas-soltu li kienu twieldu fil-merħliet taʼ Laban. Jingħad li f’dawk l-inħawi, in-nagħaġ ġeneralment kienu bojod u l-mogħoż suwed jew kannella skuri; ftit biss kienu mżewqin. Għalhekk, billi ħaseb li kien se jiggwadanja, Laban aċċetta u kien pront ħa lill-annimali li kellhom it-tbajjaʼ mhux tas-soltu ftit ’il bogħod biex ma jkunx hemm kuntatt mal-merħliet li kien qed jieħu ħsiebhom Ġakobb. Ovvjament, hu ħaseb li Ġakobb ma tantx kien se jiggwadanja minn dan il-ftehim, żgur li mhux l-20 fil-mija mill-gidjien u l-ħrief li jkunu għadhom kif twieldu u li r-rgħajja tal-qedem kienu mdorrijin jirċievu bħala ħlas. Imma Laban kien żbaljat, għax Jehovah kien maʼ Ġakobb.—Ġenesi 30:25-36.
Permezz tal-gwida t’Alla, Ġakobb għammar annimali b’saħħithom bil-kuluri li xtaq hu. (Ġenesi 30:37-42) L-ideat li kellu taʼ kif jgħammar l-annimali ma kinux korretti. Minkejja dan, “xjentifikament, ir-riżultati meħtieġa jistgħu jinkisbu bil-proċess suċċessiv taʼ tgħammir taʼ . . . annimali taʼ kulur wieħed li jkollhom ġeni reċessivi biex jipproduċu t-tikek,” jispjega l-istudjuż Nahum Sarna, u “dawn l-annimali tistaʼ tagħrafhom minħabba . . . l-enerġija ibrida [tagħhom].”
Meta Laban innota r-riżultati, hu pprova jirranġa l-ftehim dwar liema annimali kienu taʼ neputih—imżewqa, imtektka, imtebbgħa, jew imnaqqxa. Hu kien moħħu f’kemm se jaqlaʼ hu nnifsu, u kien għalxejn li Laban biddel il-kuntratt kemm-il darba, għax Jehovah ra li Ġakobb dejjem mar minn fuq. Laban setaʼ biss jheżżeż snienu. Ġakobb ma damx ma kellu ħafna rikkezzi, imrieħel, qaddejja, iġmla, u ħmir, mhux bil-ħila tiegħu, imma għaliex Jehovah kien miegħu. Iktar tard hu spjega lil Rakel u lil Lija: “Missierkom qarraq bija u bidilli ħlasi għaxar darbiet, iżda Alla ma ħalliehx jagħmilli d-deni. . . . Alla kien jieħu mill-merħla taʼ missierkom, u jagħtihom lili.” Jehovah aċċerta wkoll lil Ġakobb li Hu kien qed jara dak kollu li Laban kien qed jagħmel u Ġakobb ma kellux għalfejn jinkwieta. “Erġaʼ lura lejn artek u lejn nislek,” qallu Alla, “u jien nagħtik ir-riżq.”—Ġenesi 31:1-13; 32:10 (32:9, NW).
Wara li fl-aħħar irnexxielu jeħles minn dak il-qarrieq taʼ Laban, Ġakobb irħielha lejn pajjiżu. Għalkemm kienu għaddew 20 sena, hu kien għadu jibżaʼ minn Għesaw, u iktar u iktar meta semaʼ li Għesaw kien ġej b’erbaʼ mitt raġel. Ġakobb x’setaʼ jagħmel? Taʼ bniedem spiritwali li dejjem kien, hu aġixxa bil-fidi. Hu talab, filwaqt li rrikonoxxa li ma kienx denju tal-ġenerożità taʼ Jehovah u appella lil Alla fuq il-bażi tal-wegħdi Tiegħu biex hu u l-familja tiegħu jinħelsu minn taħt idejn Għesaw.—Ġenesi 32:3-13 (32:2-12, NW).
Imbagħad ġrat xi ħaġa mhix mistennija. Wieħed stranġier, li wara sar magħruf li kien anġlu, issara maʼ Ġakobb bil-lejl u sempliċement messlu l-għaksa taʼ koxxtu u din tfekket. Ġakobb ma riedx jitlaq lill-anġlu qabel ma dan bierku. Il-profeta Hosegħa iktar tard qal li Ġakobb “beka u talbu l-ħniena.” (Hosegħa 12:3-5 [12:2-4, NW]; Ġenesi 32:25-30 [32:24-29, NW]) Ġakobb kien jaf li meta kienu jidhru l-anġli, dan kellu x’jaqsam mat-twettiq tal-patt t’Abraham permezz tan-nisel tiegħu. Kien għalhekk li tħabat kemm felaħ fit-taqbida u kiseb il-barka. F’dan iż-żmien, Alla biddillu ismu għal Iżrael, li jfisser “Wieħed li Jissara (Jippersevera) m’Alla,” jew inkella “Alla Jissara.”
Lest Int li Titqabad?
It-taqbida maʼ l-anġlu u l-laqgħa maʼ Għesaw ma kinux luniċi kriżijiet li Ġakobb kellu jegħleb. Iżda l-ġrajjiet li huma kunsidrati hawnhekk juru x’tip taʼ bniedem kien. Filwaqt li Għesaw lanqas kellu l-ħila jbati ftit tal-ġuħ biex jibqaʼ jżomm il-primoġenitura tiegħu, Ġakobb tqabad ħajtu kollha biex jikseb il-barkiet, saħansitra kellu jitqabad m’anġlu. Bħalma wiegħed Alla, Ġakobb irċieva l-gwida u l-protezzjoni divina, u sar il-proġenitur taʼ ġens kbir u l-antenat tal-Messija.—Mattew 1:2, 16.
Lest int li titħabat biex tikseb il-favur taʼ Jehovah, titqabad għalih, f’sens figurattiv? Il-ħajja llum hija mimlija diffikultajiet u sfidi għal dawk li jridu jagħmlu r-rieda t’Alla, u xi drabi jkollna nissieltu biex nieħdu deċiżjonijiet xierqa. Madankollu, l-eżempju mill-aqwa taʼ Ġakobb joffrilna inċentiv qawwi biex inżommu sod it-tama għall-premju li Jehovah ipoġġilna quddiemna.
[Nota taʼ taħt]
a Din il-laqgħa kienet tixbah ferm lil dik taʼ meta Rebekka, omm Ġakobb, kienet sqiet l-iġmla taʼ Eligħeżer. Imbagħad Rebekka marret tiġri lejn id-dar bl-aħbar tal-wasla taʼ l-istranġier. Malli kien ra l-affarijiet tad-deheb li oħtu kienet qalgħet bħala rigal, Laban mar jiġri biex jilqaʼ lil Eligħeżer.—Ġenesi 24:28-31, 53.
[Stampi f’paġna 31]
Ħajtu kollha Ġakobb issielet biex jikseb il-barkiet