In-Nies Madwar id-Dinja Qed Jingħaqdu—Kif?
KIEKU int kif tiddefinixxiha l-kelma “għaqda”? Għal xi wħud, il-kelma sempliċement tfisser in-nuqqas taʼ ġlied jew tilwim. Per eżempju, jekk żewġ nazzjonijiet jew iktar jiffirmaw trattat u jaqblu dwar il-paċi, jistaʼ jingħad li huma magħqudin. Imma huwa verament minnu dan? Mhux bilfors.
Ikkunsidra dan: Matul l-istorja, saru eluf taʼ trattati taʼ paċi, iżda ma ġewx rispettati. Għala? Ħafna drabi dan jiġri minħabba li l-mexxejja tad-dinja huma iktar konċernati dwar is-supremazija tagħhom infushom milli dwar il-paċi u l-għaqda. Ukoll, xi nazzjonijiet jibżgħu dwar x’jistaʼ jiġri kieku l-qawwa militari tagħhom ma jirnexxilhiex tkun taʼ l-istess livell taʼ nazzjonijiet oħrajn.
Għalhekk, il-fatt li żewġ nazzjonijiet m’humiex qegħdin fi gwerra ma jfissirx li huma magħqudin fil-paċi. Jistaʼ jkun li żewġt irġiel bl-ixkubetta f’idejhom ippontata lejn xulxin qegħdin fil-paċi sempliċement minħabba li ħadd minnhom ma spara? Tkun bluha kieku wieħed jaħseb hekk! Madankollu din hija sitwazzjoni li ħafna nazzjonijiet illum isibu ruħhom fiha. Minħabba li l-fiduċja kulma jmur dejjem tonqos, żdied il-biżaʼ li xi darba jew oħra se jintużaw l-armi. X’sar sabiex jiġi evitat diżastru taʼ dan it-tip?
Biżaʼ minn Armi Nukleari —Theddida għall-Għaqda
Ħafna wħud jafdaw fit-Trattat għall-Kontroll taʼ l-Armi Nukleari (Nuclear Non-Proliferation Treaty [NPT]). Dan it-trattat li ġie approvat fl-1968 jipprojbixxi l-iżvilupp t’armi nukleari f’pajjiżi li m’għandhomx armi u jillimita t-tqassim tagħhom f’pajjiżi li għandhom l-armi. L-iskop taʼ l-NPT, li issa ġie approvat minn iktar minn 180 nazzjon, hu li eventwalment l-armi jitneħħew għalkollox.
Għalkemm dan l-iskop jidher nobbli, xi kritiċi jqisu lill-NPT bħala xejn iktar milli attentat biex ma jħallux lil dawk il-pajjiżi li m’għandhomx armi jiżviluppawhom. Għalhekk, hemm il-biżaʼ li xi wħud li ffirmaw it-trattat jistaʼ jerġaʼ jibdielhom. Tabilħaqq, xi nazzjonijiet iqisuha bħala xi ħaġa inġusta ferm li ma jitħallewx jiżviluppaw armi li fl-opinjoni tagħhom ikunu jistgħu jgħinuhom biex jipproteġu lilhom infushom.
Dak li jagħmel is-sitwazzjoni iktar komplikata—u saħansitra jżid ir-riskju tal-periklu—huwa l-fatt li l-ebda nazzjon m’huwa projbit milli jiżviluppa enerġija nukleari. Dan ġiegħel lil xi wħud jibżgħu li nazzjonijiet li suppost qegħdin jużaw l-enerġija nukleari għal skopijiet taʼ paċi jistgħu jkunu qed jiżviluppaw armi nukleari bil-moħbi.
Saħansitra nazzjonijiet li diġà għandhom armi nukleari għandhom mnejn li jinjoraw l-NPT. Il-kritiċi jgħidu li tkun bluha li wieħed jippretendi li nazzjonijiet li għandhom ħażna ġmielha t’armi jeħilsu mill-ħażna tagħhom jew għallinqas inaqqsuha. Skond sors wieħed, “sabiex dan jitwettaq . . . jinħtieġ ċertu livell taʼ ħbiberija u fiduċja bejn pajjiżi li bħalissa qed jopponu lil xulxin [li huwa diffiċli li temmen li] dan jistaʼ jiġri.”
L-isforzi tal-bniedem biex ikun hawn l-għaqda—minkejja kemm ikunu sinċieri—sfaw fix-xejn. Dan m’huwiex sorprendenti għall-istudenti tal-Bibbja, għax il-Kelma t’Alla tgħid: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Bla tlaqliq, il-Bibbja tgħid: “Hemm min jaħseb li triqtu dritta, mbagħad tmiemha jwasslu għall-mewt.” (Proverbji 16:25) L-isforzi tal-gvernijiet umani sabiex iġibu l-għaqda huma limitati. Xorta waħda aħna għandna tama.
Is-Sors taʼ l-Għaqda Vera
Il-Bibbja tinkludi l-wegħda t’Alla li d-dinja se tkun magħquda imma mhux bl-isforzi tal-bniedem. Il-Ħallieq, li l-iskop tiegħu kien li l-bnedmin tad-dinja kollha jgħixu fil-paċi, se jwettaq dak li l-bniedem ma jistax iwettaq. Xi wħud isibuha diffiċli biex jemmnuh dan. Madankollu, mill-bidunett, l-iskop t’Alla għall-bnedmin kien li jgħixu fil-paċi u fl-armonija.a Fil-Bibbja ħafna skritturi jagħtu evidenza li l-iskop t’Alla għadu li jġib ir-razza umana f’għaqda. Ikkunsidra biss ftit eżempji:
• “Ejjew, araw x’għamel il-Mulej, għemejjel taʼ l-għaġeb fuq l-art. Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, jaħraq it-tarka bin-nar.”—SALM 46:9, 10 (46:8, 9, New World Translation).
• “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”—ISAIJA 11:9.
• “Jeqred il-mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ, u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha: għax il-Mulej tkellem.”—ISAIJA 25:8.
• “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.”—2 PIETRU 3:13.
• “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—RIVELAZZJONI 21:4.
Dawn il-wegħdi huma taʼ min joqgħod fuqhom. Għala? Għaliex bħala l-Ħallieq, Alla Ġeħova għandu l-qawwa u l-abbiltà biex iġib l-għaqda fost l-umanità. (Luqa 18:27) Ukoll, hu għandu x-xewqa li jagħmel dan. Fil-fatt, il-Bibbja ssejjaħlu “l-iskop li [Alla] għoġbu jfassal . . . [biex] jiġbor kollox flimkien fil-Kristu, kulma hemm fis-smewwiet u kulma hemm fuq l-art.”—Efesin 1:8-10.
Il-wegħda t’Alla t’“art ġdida” fejn se “tgħammar il-ġustizzja” m’hijiex biss xewqa. (2 Pietru 3:13) Rigward dak li wiegħed, Alla Ġeħova jgħid: “Kelmti . . . ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.
Magħqudin Permezz tal-Kelma t’Alla
Kif issemma fl-artiklu taʼ qabel, spiss ir-reliġjon firditha l-umanità iktar milli għaqqditha. Dan jirrikjedi attenzjoni serja min-naħa tagħna, għax jekk aħna naċċettaw li hemm Ħallieq, m’huwiex raġunevoli allura li nistennew li l-aduraturi tiegħu jkunu fil-paċi u fl-għaqda bejniethom? Tabilħaqq!
Ir-reliġjon qed tifred lill-umanità, iżda dan m’għandux jirrifletti fuq Alla Ġeħova u l-Kelma tiegħu. Minflok, hija kundanna għar-reliġjonijiet li jippromwovu skemi magħmulin mill-bniedem biex iġibu l-għaqda minflok ma jappoġġaw l-iskop t’Alla. Ġesù sejjaħ lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu “ipokriti” u qalilhom: “Sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, meta qal, ‘Dan il-poplu jonorani b’xofftejh, iżda qalbu mbiegħda minni. Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-kmandi tal-bnedmin.’”—Mattew 15:7-9.
B’kuntrast, il-qima vera tgħaqqad lin-nies. Il-profeta Isaija bassar: “Għad jiġri fl-aħħar jiem li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, u tintrefa ’l fuq mill-għoljiet, lejha għad jiġru l-ġnus kollha. Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus, u jaqtaʼ s-sentenza bejn ħafna popli; u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—Isaija 2:2, 4.
Illum, f’iktar minn 230 pajjiż, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed iwieġbu għall-istruzzjonijiet provduti minn Alla Ġeħova dwar l-għaqda. X’inhi l-bażi taʼ l-għaqda li hemm bejniethom? L-appostlu Pawlu kiteb: “Ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14) Il-kelma Griega li Pawlu uża għal “rabta” tistaʼ tirreferi għal ligamenti tal-ġisem tal-bniedem. Ċerti ligamenti huma b’saħħithom daqs ħabel, u għandhom żewġ funzjonijiet importanti. Huma jżommu l-organi tal-ġisem f’posthom, u l-għadam flimkien.
Dan huwa simili għall-imħabba. Din hija iktar minn sempliċi kwalità li żżomm lin-nies lura milli joqtlu lil xulxin. Imħabba bħal taʼ Kristu tippermetti li individwi taʼ sfondi differenti jgħammru flimkien fil-paċi. Per eżempju, l-imħabba tippermetti lin-nies jgħixu fi qbil maʼ dik li hi magħrufa bħala r-Regola tad-Deheb. Kif inhu mniżżel f’Mattew 7:12, Ġesù Kristu qal: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” Dan il-prinċipju għen lil ħafna wħud jegħlbu l-preġudizzju.
“Imħabba Bejnietkom”
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma determinati li jagħtu prova tagħhom infushom li huma dixxipli taʼ Kristu billi josservaw dak li qal Ġesù: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Imħabba bħal din intweriet b’mod rimarkevoli fi żminijiet taʼ inkwiet razzjali u politiku. Per eżempju, matul il-ġenoċidju fl-Irwanda fl-1994, ix-Xhieda taʼ Ġeħova wrew l-imħabba tagħhom lejn xulxin. Ix-Xhieda mit-tribù Ħutu rriskjaw ħajjithom stess sabiex jipproteġu lill-aħwa Tutsi!
M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex realistiku li tistenna li n-nazzjonijiet tad-dinja jiżviluppaw tant imħabba għall-proxxmu li ġġib l-għaqda fid-dinja. Skond il-Bibbja, dan se jwettqu Alla fiż-żmien stabbilit tiegħu. Madankollu, saħansitra issa, in-nies jistgħu jilbsu l-imħabba u jġibu l-għaqda.
Is-sena l-oħra, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu iktar minn biljun siegħa jżuru lin-nies u jitkellmu magħhom dwar il-Bibbja u l-valur li għandha fi żmienna. Għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla għaqqad lil miljuni taʼ nies, fosthom uħud li qabel kellhom mibegħda għal xulxin. Dan jinkludi lill-Għarab u l-Lhud, l-Armeni u t-Torok, il-Ġermaniżi u r-Russi, biex insemmu biss ftit.
Tixtieq titgħallem iktar dwar il-benefiċċji taʼ l-għaqda li ssemmi l-Kelma t’Alla, il-Bibbja? Jekk tixtieq, ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova lokalment, jew ikteb fl-indirizz adattat imniżżel f’paġna 2.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar l-iskop t’Alla għall-umanità, ara kapitlu 3 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 4]
Saru eluf taʼ trattati taʼ paċi, iżda ma ġewx rispettati
[Kumment f’paġna 7]
L-applikar tal-prinċipji tal-Bibbja wettaq dak li l-gvernijiet umani ma setgħux iwettqu
[Stampa f’paġna 5]
Il-Kelma t’Alla tidderiġina lejn is-Sors taʼ l-għaqda vera
[Stampa f’paġna 7]
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova mit-tribujiet Ħutu u Tutsi jibnu post għall-qima flimkien