Bijografija
Fir-Rotta lejn Dinja Ġdida
Kif rakkontata minn Jack Pramberg
Ftit ’il barra minn Arboga, raħal żgħir u pittoresk fil-qalba taʼ l-Isvezja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom uffiċċju tal-fergħa fejn jaħdmu iktar minn 80 volontier. Dan huwa fejn ngħixu u naħdmu jien u marti Karin. Kif spiċċajna f’dan il-post?
LEJN tmiem is-seklu 19, tfajla Svediża taʼ 15-il sena immigrat lejn l-Istati Uniti. F’post fejn jingħata kenn lill-immigranti fil-belt taʼ New York, hi ltaqgħet maʼ baħri Svediż. Dan wassal għal relazzjoni romantika, żwieġ, u t-twelid taʼ iben—jien. Dan seħħ fil-Bronx, fi New York, l-Istati Uniti, fl-1916, matul l-ewwel gwerra dinjija.
Ftit wara dan, aħna morna noqogħdu Brooklyn, ftit blokok ’il bogħod minn Brooklyn Heights. Iktar tard, missieri qalli li jien u hu konna mexxejna fuq l-ilma mudell żgħir taʼ vapur għall-ewwel darba ħdejn il-Pont taʼ Brooklyn, li kien jidher ċar mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Mur għidli kemm l-attivitajiet f’dan il-post kienu se jeffettwawli ħajti!
Fl-1918, spiċċat l-ewwel gwerra dinjija, u għal ftit taż-żmien, il-qtil bla sens li seħħ madwar l-Ewropa waqaf. Is-suldati rritornaw lejn pajjiżhom biex jiffaċċjaw għadu ġdid—il-qgħad u l-faqar. Missieri ħass li jkun aħjar għalina jekk nirritornaw lejn l-Isvezja, u fl-1923 hekk għamilna. Fl-aħħar spiċċajna ngħixu Erikstad, raħal żgħir ħdejn stazzjon tal-ferrovija, fir-reġjun taʼ Dalsland. Hawnhekk missieri fetaħ ħanut taʼ l-inġinerija, u kien hawn li trabbejt u mort l-iskola.
Tinżeraʼ Żerriegħa
In-negozju taʼ missieri ma rnexxiex. Allura fil-bidu tas-snin 30, hu reġaʼ sar baħri. Spiċċajna waħedna—ommi inkwetata ħafna u jien nieħu ħsieb il-ħanut. Darba minnhom, ommi żaret liz-ziju tiegħi Johan. Inkwetata għall-aħħar dwar il-kundizzjonijiet tad-dinja, hi staqsietu: “Johan, tgħid id-dinja dejjem se tkun f’dan l-istat?”
“Le Ruth,” qalilha hu. Hu kompla billi spjegalha dwar il-wegħda t’Alla li jtemm il-ħażen u jġib ħakma tas-sewwa fuq l-art permezz taʼ Saltna b’Ġesù Kristu bħala Sultan. (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]; Danjel 2:44) Hu spjega li s-Saltna li Ġesù għallimna nitolbu għaliha hija l-ħakma ġusta, jew gvern ġust, li se ġġib art magħmula ġenna.—Mattew 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:3, 4.
Dawn il-wegħdi tal-Bibbja mill-ewwel messew qalb ommi. Hi u ġejja d-dar, irringrazzjat lil Alla maʼ kull pass li għamlet. Però, la jien u lanqas missieri ma ħadna pjaċir li ommi bdiet tinteressa ruħha fir-reliġjon. Sa dan iż-żmien, f’nofs is-snin tletin, jien mort ngħix fi Trollhättan fil-punent taʼ l-Isvezja, fejn bdejt naħdem f’ħanut kbir fejn jagħmlu x-xogħol taʼ l-idejn. Wara żmien qasir, ommi flimkien maʼ missieri, li kien għadu kif ġie lura mix-xogħol tiegħu bħala baħri, ġew jgħixu fl-istess post. Allura l-familja tagħna reġgħet ngħaqdet.
Biex tissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħha, ommi fittxet lix-Xhieda taʼ Ġeħova f’dawk l-inħawi. Dak iż-żmien kienu jiltaqgħu fid-djar taʼ xulxin, sewwasew bħalma kienu jagħmlu l-Kristjani tal-bidu. (Filemon 1, 2) Darba minnhom, kien imiss lil ommi biex tiftaħ darha għal-laqgħa. B’qalbha ttaqtaq, staqsiet lil missieri jekk setgħetx tistieden lil sħabha d-dar. Hu wiġibha, “Sħabek huma sħabi.”
B’dan il-mod, darna nfetħet għall-mistidnin. Hekk kif bdew deħlin in-nies mill-bieb jien ħriġt ’il barra. Madankollu, ma domtx wisq ma bdejt nibqaʼ hemm. Il-kordjalità tax-Xhieda u l-irraġunar realistiku u sempliċi tagħhom neħħa l-preġudizzju kollu li kelli f’moħħi. F’qalbi bdiet tinbet żerriegħa—tama għall-futur.
Inbaħħar
Naħseb li jien uritt mingħand missieri x-xewqa li nkun baħri, għaliex jien ukoll sirt baħri. Jien bdejt ukoll insir dejjem iktar attent għall-bżonn spiritwali tiegħi. Meta konna nidħlu f’xi port, dejjem ipprovajt nikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova. F’Amsterdam, l-Olanda, jien mort f’uffiċċju postali biex nistaqsi dwar fejn stajt insibhom. Wara diskussjoni, ngħatajt indirizz u mort fil-post minnufih. Tifla t’għaxar snin laqgħetni fil-bieb. Jien kont stranġier, imma mill-ewwel ħassejt rabta magħha u mal-familja tagħha—kienet esperjenza tal-fratellanza internazzjonali meraviljuża!
Għalkemm ma konniex nitkellmu l-istess lingwa, meta l-familja ħarġet kalendarju u skeda tal-ferrovija u bdiet tpinġi mappa, jien fhimt li kien se jkun hemm assemblea f’raħal fil-qrib bl-isem taʼ Haarlem. Jien attendejt, u minkejja li ma stajtx nifhem kelma, tassew ħadt pjaċir. Meta rajt lix-Xhieda jqassmu l-inviti għat-taħdita pubblika tal-Ħadd, ħassejt li ridt nieħu sehem. Allura ġbart l-inviti li rmew in-nies u rġajt qassamthom.
Darba waqafna Buenos Aires, l-Arġentina, u hemmhekk sibt l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Ġewwa kien hemm uffiċċju u maħżen. Kien hemm mara taħdem is-suf bil-qiegħda wara bank, u tifla żgħira, x’aktarx bintha, li kienet qed tilgħab bil-pupa. Kien tard bil-lejl, u kien hemm raġel li beda jieħu xi kotba minn fuq xkaffa, inkluż il-ktieb Creation bl-Isvediż. Malli rajt l-uċuħ hienja tagħhom li jilqgħuk, jien kont naf li rrid insir parti minn dan il-grupp taʼ nies.
Fil-vjaġġ lura lejn id-dar, il-bastiment tagħna ġabar l-ekwipaġġ t’ajruplan militari Kanadiż li kien ikkraxxja ’l barra mill-kosta taʼ Newfoundland. Ftit ġranet wara, konna ħdejn l-Iskozja, fejn dgħajsa navali Ingliża arrestatna. Ħaduna Kirkwall fuq il-Gżejjer Orkney biex jispezzjonawna. Kienet bdiet it-tieni gwerra dinjija, u t-truppi Nazisti taʼ Hitler kienu invadew il-Polonja f’Settembru taʼ l-1939. Wara ftit ġranet, ġejna meħlusin, u rnexxielna naslu lura lejn l-Isvezja mingħajr inkwiet.
Jien mhux biss ġejt lura d-dar fiżikament, imma issa stajt ukoll niffoka fuq ir-relazzjoni tiegħi m’Alla. Issa ridt tassew nagħmel parti mill-poplu t’Alla u ma ridtx nabbanduna l-laqgħat li stajt nattendi magħhom. (Ebrej 10:24, 25) Nifraħ meta niftakar li bħala baħri dejjem kont nagħti xiehda lil baħrin oħrajn, u naf li wieħed minnhom sar Xhud ukoll.
Forma taʼ Servizz Speċjali
Fil-bidu tas-snin 40, jien żort l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Stokkolma. Laqagħni Johan H. Eneroth, li dak iż-żmien kien qed imexxi l-indokrar tax-xogħol taʼ l-ippridkar fl-Isvezja. Meta għedtlu li ridt nieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar full-time bħala ministru pijunier, hu ħares fiss lejja u staqsieni, “Temmen int li din hija l-organizzazzjoni t’Alla?”
“Iva,” wiġibtu jien. Dan wassal għall-magħmudija tiegħi fit-22 taʼ Ġunju, 1940, u jien bdejt naqdi fl-uffiċċju tal-fergħa f’dak l-ambjent mill-isbaħ maʼ ħaddiema sħabi li huma tant eżemplari. Konna nqattgħu tmiem il-ġimgħa fil-ministeru. Fis-sajf, spiss konna nitilqu bir-roti lejn territorji mbegħdin u konna nqattgħu s-Sibtijiet u l-Ħdud kollha kemm huma fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u konna nqattgħu l-lejl reqdin fuq munzell tiben.
Madankollu, l-iktar li konna nippridkaw kien minn dar għal dar fi Stokkolma u madwarha. Darba minnhom rajt raġel li kien fil-kantina, mitluf jaħdem bil-ħeffa fuq il-bojler tiegħu. Allura xammart il-kmiem u bdejt ngħinu. Meta rnexxielna nwaqqfu l-ilma milli jqattar, ir-raġel ħares lejja bi gratitudni u qalli: “Naħseb li int għal xi ħaġa oħra tinsab hawn. Mela ejja nitilgħu sa fuq biex naħslu idejna u nieħdu belaʼ kafè.” Hekk għamilna, u waqt li ħadna l-kafè jien tajtu xiehda. Maż-żmien, hu sar ħu Kristjan.
Minkejja li uffiċjalment il-pajjiż kien newtrali, l-Isvediżi xorta ġew effettwati mill-gwerra. Għadd li dejjem jikber taʼ rġiel ġew ingaġġati bil-lieva, inkluż jien. Meta kont nirrifjuta li nieħu sehem f’eżerċizzji taʼ taħriġ militari, jien kont niġi mitfugħ il-ħabs għal perijodi qosra. Iktar tard ngħatatli s-sentenza biex naħdem f’kamp tax-xogħol. Xhieda żgħażagħ spiss kienu jittieħdu quddiem l-imħallfin, u aħna kellna l-opportunità li nagħtu xiehda dwar is-Saltna t’Alla. Dan wettaq il-profezija taʼ Ġesù: “Iressqukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tingħata xiehda lilhom u lill-ġnus.”—Mattew 10:18.
Ħajti Tinbidel
Fl-1945, il-gwerra ġiet fi tmiemha fl-Ewropa. Iktar tard fl-istess sena, Nathan H. Knorr, li dak iż-żmien kien qed jieħu t-tmexxija fix-xogħol taʼ madwar id-dinja, żarna minn Brooklyn, flimkien mas-segretarju tiegħu, Milton Henschel. Iż-żjara tagħhom uriet li kienet waħda tassew importanti għall-organizzar mill-ġdid tax-xogħol taʼ l-ippridkar fl-Isvezja—u għalija personalment. Meta smajt dwar iċ-ċans li nattendi l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), jien applikajt mill-ewwel.
Is-sena taʼ wara, jien kont bil-qiegħda fi klassi taʼ l-iskola, li dak iż-żmien kienet issir ħdejn South Lansing, New York. Matul il-kors taʼ ħames xhur, jien ngħatajt taħriġ li kabbar l-apprezzament tiegħi għall-Bibbja u għall-organizzazzjoni t’Alla. Irrealizzajt li dawk li jieħdu t-tmexxija fix-xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja kienu dħulin u kienu juru konsiderazzjoni. Huma ħadmu iebes magħna. (Mattew 24:14) Għalkemm dan ma ssorprendinix, jien fraħt li stajt nara dan b’għajnejja stess.
Malajr wasal il-mument—fid-9 taʼ Frar, 1947—biex tiggradwa t-tmien klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad. Ħuna Knorr ħabbar il-pajjiżi li fihom kienu se jintbagħtu l-istudenti. Malli wasal għalija, hu qal, “Ħuna Pramberg se jmur lura l-Isvezja biex jaqdi lil ħutu hemmhekk.” Ikolli nammetti li ma ħassejtnix daqshekk mimli ħeġġa dwar il-fatt li kont sejjer lura pajjiżi.
Niffaċċja Sfida Kbira
Meta mort lura l-Isvezja, sirt naf dwar xogħol ġdid li kien se jibda f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja—ix-xogħol tad-distrett. Jien ġejt maħtur biex naqdi bħala l-ewwel indokratur tad-distrett fl-Isvezja, u l-inkarigu tiegħi kien li nkopri l-pajjiż kollu. Għamilt arranġamenti u indokrajt dawk li bdew jissejħu assembleat tas-circuit, li bdew isiru fil-bliet u l-irħula madwar l-Isvezja kollha. Ladarba dan l-arranġament kien ġdid għalkollox, ma tantx ngħatajt istruzzjonijiet. Jien u ħuna Eneroth poġġejna bil-qiegħda u ħejjejna programm bl-aħjar mod li stajna. Jien kont imwerwer meta ngħatajt l-inkarigu u tħannint maʼ Ġeħova ħafna u ħafna drabi permezz tat-talb. Kelli l-privileġġ li naqdi fix-xogħol tad-distrett għal 15-il sena.
Dak iż-żmien, kien diffiċli ssib postijiet adattati għal-laqgħat. Kellna ngħaddu bi swali taż-żfin u swali bħal dawn li spiss ma kienx ikollhom sistema tajba biex iżżomm il-bini sħun u kultant kienu jkunu ġew traskurati. Eżempju tipiku taʼ dan kienet assemblea f’Rökiö, il-Finlandja. Is-sala kienet ċentru qadim tal-komunità li kien ilu ftit li ġie abbandunat. Kien hemm maltempata bil-borra, u t-temperatura kienet t’20 grad Celsius taħt iż-żero. Għalhekk, qabbadna n-nar f’żewġ heaters kbar ħafna magħmulin minn kontenituri taż-żejt. Però, ma ndunajniex li l-għasafar kienu bnew xi bejtiet fiċ-ċumnija. Id-duħħan fgana! Madankollu, imkebbin fil-kowtijiet u b’għajnejna jaħarquna, ilkoll kemm aħna bqajna bil-qiegħda. Dan sempliċement għamel dik l-assemblea tassew taʼ min jiftakarha.
Fost l-istruzzjonijiet biex norganizzaw assembleat tas-circuit taʼ tlett ijiem kien hemm id-direzzjoni li nipprovdu l-ikel għad-delegati. Għall-ewwel ma kellniex tagħmir u esperjenza biex nagħmlu ħaġa bħal din. Imma kellna aħwa meraviljużi li daħlu għall-biċċa xogħol diffiċli bil-ferħ. Fil-jum taʼ qabel l-assemblea, kont tarahom milwijin iqaxxru l-patata fil-borom waqt li jirrakkontaw l-esperjenzi u jieħdu pjaċir flimkien. F’dawn l-okkażjonijiet inbdew ħafna ħbiberiji dejjiema hekk kif l-aħwa ħadmu iebes flimkien.
Aspett ieħor taʼ xogħolna dak iż-żmien kien il-mixi fit-toroq bil-kartelluni li jirreklamaw l-assembleat tas-circuit. Konna nimxu wara xulxin mar-raħal kollu, biex nistiednu lir-residenti għat-taħdita pubblika. In-nies b’mod ġenerali spiss kienu juruna qalb tajba u rispett. Darba minnhom fir-raħal taʼ Finspång, it-triq kienet mimlija ħaddiema li bdew ħerġin minn fabbrika. F’daqqa waħda, wieħed minnhom għajjat: “Araw sħabi, dawn huma n-nies li Hitler ma rnexxilux jegħlibhom!”
Ġrajja Sinifikanti f’Ħajti
Ħajti bħala ministru li jivvjaġġa dalwaqt kienet se tinbidel wara li ltqajt maʼ Karin, tfajla meraviljuża. It-tnejn li aħna ġejna mistidnin nattendu l-konvenzjoni internazzjonali f’Yankee Stadium, fil-belt taʼ New York, f’Lulju taʼ l-1953. F’dan il-post, bejn is-sezzjonijiet taʼ nhar it-Tnejn, 20 taʼ Lulju, Milton Henschel għamel iċ-ċerimonja tat-tieġ tagħna. Din kienet ġrajja mhux tas-soltu f’dan il-post popolari għad-dinja tal-baseball. Wara li qdejna flimkien fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar sa l-1962, jien u Karin ġejna mistidnin ningħaqdu mal-familja Betel taʼ l-Isvezja. Għall-ewwel kont naħdem fid-Dipartiment tar-Rivisti. Imbagħad, minħabba t-taħriġ li ħadt bħala mekkanik, ġejt inkarigat nieħu ħsieb l-istamperiji u makkinarji oħrajn li kellha l-fergħa. Karin għamlet diversi snin taħdem fil-ħasil tal-ħwejjeġ. Issa ilha żmien twil taqdi fid-Dipartiment tal-Proofreading.
X’ħajja mimlija ġrajjiet eċċitanti, sinifikanti, u li ġabulna ħafna hena gawdejna fl-54 sena u fuqhom li qattajna flimkien fis-servizz taʼ Ġeħova bħala koppja miżżewġa! Ġeħova tassew bierek l-organizzazzjoni tiegħu taʼ qaddejja kollhom imħabba li jaħdmu iebes. Lura fl-1940 meta bdejt naqdi fil-fergħa, kien hemm biss 1,500 Xhud fl-Isvezja. Imma issa hemm iktar minn 22,000. It-tkabbir kien saħansitra akbar f’partijiet oħrajn tad-dinja, u b’hekk madwar id-dinja issa nammontaw għal iktar minn sitt miljuni u nofs.
Huwa l-ispirtu taʼ Ġeħova li qed jappoġġa x-xogħol tagħna u bħallikieku qed jonfoħ fl-ilqugħ tagħna biex imexxina. Bl-għajnejn tal-fidi, aħna nittawlu lejn il-baħar imqalleb taʼ l-umanità, imma ma nibżgħux. Eżatt quddiemna fir-rotta tagħna, naraw ċar id-dinja l-ġdida t’Alla. Jien u Karin nirringrazzjaw ’l Alla għat-tjubija kollha tiegħu u nitolbu kuljum għas-saħħa biex inżommu l-integrità tagħna u biex fl-aħħar mill-aħħar nilħqu l-mira tagħna—l-approvazzjoni t’Alla u l-ħajja taʼ dejjem!—Mattew 24:13.
[Stampa f’paġna 12]
F’ħoġor ommi
[Stampa f’paġna 13]
Il-post fejn jien u missieri mexxejna fuq l-ilma mudell żgħir taʼ vapur fil-bidu tas-snin 20
[Stampa f’paġna 15]
Maʼ Herman Henschel (missier Milton) f’Gilgħad, fl-1946
[Stampi f’paġna 16]
Aħna żżewwiġna f’Yankee Stadium fl-20 taʼ Lulju, 1953