Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu
Għala x-Xhieda taʼ Ġeħova Ma Jmorrux għall-Gwerra?
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova, jgħixu fejn jgħixu, għandhom storja twila li turi li ma jiħdux sehem fi gwerer bejn nazzjonijiet jew fi ġlied fl-istess nazzjon. “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jżommu newtralità stretta fi żmien taʼ gwerra,” innotat l-Australian Encyclopædia 50 sena ilu.
Raġuni ewlenija għala x-Xhieda joqogħdu lura milli jieħdu sehem fil-gwerer hi li l-ġlied f’dawn il-gwerer imur kontra l-kuxjenza Kristjana tagħhom. Il-kuxjenza tagħhom ġiet imħarrġa mill-kmandamenti u mill-eżempju tal-Mulej Ġesù Kristu. Hu dderieġa lis-segwaċi tiegħu biex iħobbu l-proxxmu tagħhom. Hu kkmanda wkoll: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom.” (Luqa 6:27; Mattew 22:39) Meta wieħed mid-dixxipli tiegħu pprova jiddefendih b’sejf, Ġesù qallu: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mattew 26:52) Għalhekk, bil-kliem u bl-eżempju, hu wera b’mod ċar li s-segwaċi tiegħu m’għandhomx jużaw l-armi għall-gwerer.
Raġuni oħra għala x-Xhieda taʼ Ġeħova ma jmorrux għall-gwerra hi għaliex huma membri kredenti taʼ komunità globali. Il-gwerra ġġelled ħu kontra ieħor, u dan ikun kontra dak li kkmandahom Ġesù biex ikollhom ‘imħabba bejniethom.’—Ġwanni 13:35.
Il-prinċipji msemmijin hawn fuq rigward l-imħabba m’humiex biss xi ħaġa li x-Xhieda taʼ Ġeħova jitkellmu fuqhom imma minflok huma jgħixu skond dawn il-prinċipji. Bħala eżempju, ikkunsidra l-pożizzjoni tagħhom matul it-tieni gwerra dinjija, mill-1939 sa l-1945. Fl-Istati Uniti, iktar minn 4,300 Xhud taʼ Ġeħova ġew mitfugħin f’ħabsijiet federali talli rrifjutaw li jiġġieldu fil-gwerra. Fil-Britannja, iktar minn 1,500, inkluż iktar minn 300 mara, ġew mitfugħin il-ħabs talli rrifjutaw li jagħmlu xogħol konness mal-gwerra. Fil-Ġermanja Nazista, iktar minn 270 Xhud ngħataw il-mewt bl-ordni taʼ l-Istat talli rrifjutaw li jiġġieldu. Taħt ir-reġim Nazista, iktar minn 10,000 Xhud ġew mitfugħin f’ħabsijiet jew f’kampijiet tal-konċentrament. Ix-Xhieda fil-Ġappun ukoll batew ħafna. Kull individwu li tilef il-maħbubin tiegħu fil-ġlied tat-tieni gwerra dinjija—jew, jekk niġu f’dan, f’kull gwerra oħra li ġiet wara—jistaʼ jkun żgur li lanqas wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova ma kien responsabbli għal dawn l-imwiet.
Il-ħarsa tax-Xhieda taʼ Ġeħova lejn il-gwerra hi espressa b’mod ċar fl-aħħar kliem taʼ Wolfgang Kusserow. Fl-1942, in-Nazisti qatgħu ras dan ir-raġel Ġermaniż t’20 sena għax irrifjuta li jmur għall-gwerra. (Isaija 2:4) Hu qal quddiem it-tribunal militari: “Jien trabbejt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, fi qbil mal-kelma t’Alla misjuba fl-Iskrittura Mqaddsa. L-akbar u l-iktar liġi qaddisa li hu ta lill-umanità hi: ‘Għandek tħobb lil Alla tiegħek iktar minn kollox u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ Kmandamenti oħrajn jgħidu: ‘La toqtolx.’ Ġiegħel il-Ħallieq tagħna li dan kollu jinkiteb għas-siġar?”—Marku 12:29-31; Eżodu 20:13.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu li Ġeħova biss, Dak Alla li Jistaʼ Kollox, se jġib paċi permanenti fuq l-art. Huma jistennew lilu biex iwettaq il-wegħda tiegħu li “jwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.”—Salm 46:9.