LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 9/15 pp. 16-20
  • Żommu “Ħabel bi Tlieta” fiż-Żwieġ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żommu “Ħabel bi Tlieta” fiż-Żwieġ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żommu lil Ġeħova fiż-​Żwieġ Tagħkom
  • Meta Jqumu d-​Diffikultajiet
  • Iktar Barkiet
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 9/15 pp. 16-20

Żommu “Ħabel bi Tlieta” fiż-​Żwieġ

“Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.”—EKK. 4:12.

1. Min għaqqad lill-​ewwel koppja umana fiż-​żwieġ?

WARA li ħalaq il-​pjanti u l-​annimali, Alla Ġeħova sawwar lill-​ewwel bniedem, Adam. Iktar tard, Alla ġiegħel lil Adam jorqod raqda fonda, u Hu uża waħda mill-​kustilji taʼ Adam biex jagħmillu għajnuna perfetta għalih. Malli raha, Adam qal: “Sa fl-​aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.” (Ġen. 1:27; 2:18, 21-23) Ġeħova wera l-​approvazzjoni tiegħu fuq il-​ħolqien taʼ l-​ewwel mara, billi għaqqad lill-​ewwel koppja umana fiż-​żwieġ u lissen il-​barka tiegħu fuqhom.—Ġen. 1:28; 2:24.

2. Satana kif irnexxielu joħloq firda bejn Adam u Eva?

2 B’sogħba, din l-​istituzzjoni divina taż-​żwieġ ma damitx ma ġiet attakkata. Kif? Spirtu mill-​agħar, li beda jissejjaħ Satana, qarraq b’Eva u hi kielet mill-​unika siġra li kienet projbita għall-​koppja. Imbagħad Adam ngħaqad maʼ martu fid-​diżubbidjenza, u b’hekk huma kienu qed jirribellaw kontra dik li bi dritt kienet il-​ħakma t’Alla u d-​direzzjoni tajba tiegħu. (Ġen. 3:1-7) Meta Ġeħova staqsa lill-​koppja x’kienu għamlu, sar ovvju li diġà kien hemm tensjoni fir-​relazzjoni taʼ bejniethom. Adam waħħal f’martu, u qal: “Il-​mara li tajtni biex tkun miegħi tatni l-​frott mis-​siġra u kiltu.”—Ġen. 3:11-13.

3. Xi Lhud liema idea żbaljata żviluppaw?

3 Minn dakinhar ’il quddiem, Satana uża diversi metodi makakki biex joħloq in-​nuqqas taʼ qbil fiż-​żwieġ. Per eżempju, xi drabi uża lill-​mexxejja reliġjużi biex jippromwovi ideat mhux Skritturali dwar iż-​żwieġ. Xi mexxejja reliġjużi Lhud ċekknu l-​livelli t’Alla billi ħallew lill-​irġiel jiddivorzjaw lin-​nisa tagħhom minħabba affarijiet żgħar, bħal per eżempju, għax ikunu tefgħu ħafna melħ fl-​ikel. Imma Ġesù enfasizza: “Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”—Mt. 19:9.

4. L-​istituzzjoni taż-​żwieġ kif qed tiġi attakkata llum?

4 Satana għadu jipprova jkisser ir-​rabta taż-​żwieġ. Żwiġijiet bejn l-​omosesswali, koppji li jgħixu flimkien bla ma jiżżewġu, u divorzji li jinkisbu faċilment juru li qed ikollu suċċess kbir f’dan il-​qasam. (Aqra Ebrej 13:4.) Bħala Kristjani, x’għandna nagħmlu biex nevitaw li niġu influwenzati mill-​idea żbaljata dwar iż-​żwieġ li tant hija popolari llum? Ejja nikkunsidraw xi karatteristiki taʼ żwieġ hieni li jirnexxi.

Żommu lil Ġeħova fiż-​Żwieġ Tagħkom

5. Xi tfisser l-​espressjoni “ħabel bi tlieta” meta tirreferi għaż-​żwieġ?

5 Biex żwieġ jirnexxi, jeħtieġ li Ġeħova jkun parti mir-​relazzjoni taʼ bejn il-​koppja. Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.” (Ekk. 4:12) “Ħabel bi tlieta” hija espressjoni figurattiva. Meta din it-​tixbiha tiġi applikata għaż-​żwieġ tinkludi r-​raġel u l-​mara, l-​ewwel żewġ qfieli, li huma minsuġin mal-​qafla ċentrali, Alla Ġeħova. Meta koppja tkun magħquda m’Alla se jkollha s-​saħħa spiritwali meħtieġa biex tkampa mal-​problemi, u dan huwa l-​fattur importanti biex koppja tikseb l-​akbar hena fiż-​żwieġ.

6, 7. (a) Il-​Kristjani x’jistgħu jagħmlu biex ikunu ċerti li Alla qiegħed fiż-​żwieġ tagħhom? (b) Waħda oħt x’tapprezza dwar żewġha?

6 Imma x’tistaʼ tagħmel koppja miżżewġa biex huma jkunu ċerti li ż-​żwieġ tagħhom hu bħal dan il-​ħabel bi tlieta? Is-​salmista David kanta: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-​liġi tiegħek qiegħda fil-​ġewwieni tiegħi.” (Salm 40:8) Bl-​istess mod, l-​imħabba tagħna għal Alla tqanqalna biex naqduh b’qalb sħiħa. B’hekk, kemm il-​mara u kemm ir-​raġel għandhom jikkultivaw relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Ġeħova u jsibu l-​għaxqa tagħhom f’li jagħmlu r-​rieda tiegħu. L-​imseħbin fiż-​żwieġ għandhom ukoll jagħmlu ħilithom kollha biex isaħħu l-​imħabba taʼ xulxin lejn Alla.—Prov. 27:17.

7 Jekk il-​liġi t’Alla qiegħda verament fil-​ġewwieni tagħna, se nuru kwalitajiet bħalma huma l-​fidi, it-​tama, u l-​imħabba, u dawn se jgħinuna nsaħħu r-​rabta taż-​żwieġ. (1 Kor. 13:13) Waħda Kristjana jisimha Sandra, li ilha miżżewġa 50 sena, tgħid: “L-​iktar li napprezza fir-​raġel tiegħi huma l-​gwida u l-​pariri spiritwali tiegħu u l-​imħabba li għandu għal Ġeħova, li hi iktar qawwija mill-​imħabba tiegħu lejja.” Irġiel, jistgħu kummenti bħal dawn jingħadu dwarkom?

8. X’hemm bżonn biex ‘niġu premjati tajjeb’ fiż-​żwieġ?

8 Bħala koppja, huma l-​affarijiet spiritwali u l-​interessi tas-​Saltna l-​iktar affarijiet importanti f’ħajjitkom? Barra minn hekk, tqisu verament lil xulxin bħala mseħbin fix-​xogħol taʼ Ġeħova? (Ġen. 2:24) L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Tnejn aħjar minn wieħed, għax jiġu premjati tajjeb għax-​xogħol iebes tagħhom.” (Ekk. 4:9) Tabilħaqq, raġel u martu jridu jaħdmu iebes sabiex “jiġu premjati tajjeb” b’unjoni mimlija mħabba u dejjiema li għandha l-​barka t’Alla.

9. (a) L-​irġiel miżżewġin liema responsabbiltajiet għandhom? (b) Skond Kolossin 3:19, raġel kif għandu jittrattaha lil martu?

9 Indikazzjoni waħda dwar jekk Alla huwiex fi żwieġ hi l-​isforz li jagħmlu sew ir-​raġel u sew il-​mara biex jgħixu fi qbil maʼ dak li Hu jeħtieġ minnhom. Primarjament huma l-​irġiel li għandhom l-​obbligu li jipprovdu l-​bżonnijiet materjali u spiritwali taʼ dawk taʼ darhom. (1 Tim. 5:8) Dawn huma inkuraġġiti wkoll biex juru konsiderazzjoni għall-​bżonnijiet emozzjonali taʼ marthom. F’Kolossin 3:19, naqraw: “Intom irġiel miżżewġin, ibqgħu ħobbu lin-​nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” Wieħed studjuż tal-​Bibbja spjega li l-​espressjoni “ħorox magħhom” tinvolvi “li tuża kliem aħrax, jew li tagħti daqqiet, u li ċċaħħadhom mill-​affezzjoni, mill-​ħarsien, mill-​provvedimenti, mill-​protezzjoni, u mill-​għajnuna li jkollhom bżonn.” Jidher ċar li mġiba bħal din ma tkunx xierqa f’dar Kristjana. Meta raġel jeżerċita bi mħabba l-​istat tiegħu taʼ kap, martu tkun lesta li tissottometti ruħha lejh.

10. In-​nisa Kristjani liema attitudni għandhom juru?

10 Nisa Kristjani li jfittxu li jżommu lil Ġeħova fiż-​żwieġ tagħhom iridu jgħixu fi qbil maʼ dak li jeħtieġ Alla minnhom. L-​appostlu Pawlu kiteb: “In-​nisa ħa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-​Mulej, għax ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni.” (Efes. 5:22, 23) Satana qarraq b’Eva, billi ppromwova l-​gidba li l-​indipendenza minn Alla kienet se ġġib hena dejjiemi. B’mod ċar, l-​ispirtu taʼ indipendenza bħalissa qed jidher f’ħafna żwiġijiet. Madankollu, in-​nisa li jħobbu lil Alla ma jiddejqux juru sottomissjoni lejn il-​kap tagħhom li jħobbhom. Huma jiftakru li Ġeħova ħatar lil Eva biex tkun “għajnuna” għal żewġha, u din kienet ovvjament meqjusa bħala pożizzjoni onorabbli f’għajnejn Alla. (Ġen. 2:18) Mara Kristjana li tkun lesta li tikkoopera maʼ dan l-​arranġament hija verament “kuruna” għal żewġha.—Prov. 12:4.

11. Wieħed ħu x’qal li għen liż-​żwieġ tiegħu?

11 Għajnuna oħra biex tnejn miżżewġin iżommu lil Alla fiż-​żwieġ tagħhom hi li jistudjaw il-​Kelma t’Alla flimkien. Gerald, li ilu miżżewweġ 55 sena u li ż-​żwieġ tiegħu hu hieni, jgħid: “L-​iktar ingredjent vitali fi żwieġ li jirnexxi hu li koppja taqra u tistudja l-​Bibbja flimkien.” Hu jżid: “Meta tnejn miżżewġin jagħmlu l-​affarijiet flimkien, speċjalment l-​affarijiet spiritwali, huma se jersqu eqreb lejn xulxin u lejn Ġeħova.” L-​istudju tal-​Bibbja flimkien jgħin biex il-​membri tal-​familja jżommu l-​livelli taʼ Ġeħova ċari f’moħħhom, isaħħaħ ir-​relazzjoni tagħhom Miegħu, u jgħinhom ikomplu jagħmlu progress.

12, 13. (a) Għala huwa tant importanti li koppja titlob flimkien? (b) Liema attivitajiet spiritwali oħrajn isaħħu ż-​żwieġ?

12 Koppji li għandhom żwieġ hieni jitolbu wkoll flimkien. Meta r-​raġel ‘iferraʼ qalbu’ u jitlob speċifikament skond iċ-​ċirkustanzi partikulari tagħhom, ir-​rabta taż-​żwieġ żgur li tissaħħaħ. (Salm 62:8) Per eżempju, kemm ikun iktar faċli li twarrbu xi nuqqas taʼ qbil taʼ bejnietkom wara li flimkien tkunu tlabtu lil Dak li Jistaʼ Kollox għall-​gwida u d-​direzzjoni! (Mt. 6:14, 15) Fi qbil mat-​talba li tkunu tlabtu, kemm ikun xieraq li t-​tnejn li intom tkunu determinati li tgħinu lil xulxin u ‘tkomplu tissaportu lil xulxin u taħfru lil xulxin mill-​qalb.’ (Kol. 3:13) Żommu f’moħħkom li t-​talb juri li qed tistrieħu fuq Alla. Is-​Sultan David qal: “Għajnejn il-​ħlejjaq kollha jħarsu lejk mimlijin tama.” (Salm 145:15) Meta nduru lejn Alla bit-​talb mimlijin tama, ikollna inqas ansjetajiet għax nafu li ‘hu jimpurtah minna.’—1 Pt. 5:7.

13 Fattur importanti ieħor biex inżommu lil Ġeħova fiż-​żwieġ tagħna huwa li nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u naħdmu flimkien fil-​ministeru. Fil-​laqgħat tagħna, il-​koppji jitgħallmu kif jiġġieldu kontra l-​atti makakki li qed juża Satana biex jifred il-​familji. (Efes. 6:11) U raġel u mara miżżewġin li jaħdmu regolarment flimkien fil-​ministeru jitgħallmu jsiru ‘sodi [u] ma jitħarrkux.’—1 Kor. 15:58.

Meta Jqumu d-​Diffikultajiet

14. Liema fatturi jistgħu jikkontribwixxu għall-​istress fiż-​żwieġ?

14 M’għandniex xi ngħidu, is-​suġġerimenti li semmejna forsi m’humiex affarijiet ġodda, imma għala ma tiddiskutuhomx apertament bejnietkom? Araw jekk hemmx xi aspett fiż-​żwieġ tagħkom li jeħtieġ iktar attenzjoni. Madankollu, il-​Bibbja tirrikonoxxi li anki dawk li għandhom lil Alla fiż-​żwieġ tagħhom “ikollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Kor. 7:28) Minħabba l-​imperfezzjoni umana, l-​influwenza ħażina taʼ din id-​dinja bla liġi, u n-​nases tax-​Xitan, anki l-​qaddejja leali t’Alla jistaʼ jkollhom stress kbir fiż-​żwiġijiet tagħhom. (2 Kor. 2:11) Imma Ġeħova jgħinna nkampaw maʼ stress bħal dan. Iva, dan huwa possibbli. Ir-​raġel leali Ġob tilef il-​bhejjem, il-​qaddejja, u t-​tfal tiegħu. Madankollu, il-​Bibbja tgħid: “F’dan kollu Ġob ma dinibx u ma qalx li Alla għamel xi ħaġa mhix xierqa.”—Ġob 1:13-22.

15. In-​nies kif jistgħu jirreaġixxu minħabba l-​istress, u l-​koppji miżżewġin kif l-​aħjar li jittrattaw reazzjonijiet bħal dawn?

15 Mill-​banda l-​oħra, mart Ġob qaltlu: “Għadek iżżomm sod l-​integrità tiegħek? Isħet lil Alla u mut!” (Ġob 2:9) Tabilħaqq, meta tiġri xi traġedja jew ikun hemm ċirkustanzi diffiċli, il-​konfużjoni emozzjonali li dawn jikkaġunaw tistaʼ ġġiegħel lil dak li jkun biex ma jibqax jirraġuna. “Il-​moħqrija tistaʼ ġġiegħel lill-​għaref jaġixxi taʼ miġnun,” jgħid ir-​raġel għaref. (Ekk. 7:7) Jekk minħabba xi tbatija jew “moħqrija” l-​parti l-​oħra b’rabja tibda tgħidlek kliem li jweġġaʼ, ipprova żomm il-​kalma. Jekk twieġeb bl-​istess mod, xi ħadd minnkom, jew it-​tnejn li intom, jistaʼ jgħid xi ħaġa li tgħarraq is-​sitwazzjoni. (Aqra Salm 37:8.) Għalhekk, injora kwalunkwe “diskors bla ħsieb” li jkun ġej minħabba l-​frustrazzjoni jew l-​iskuraġġiment.—Ġob 6:3.

16. (a) Il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 7:1-5 kif japplika għaż-​żwieġ? (b) Il-​bilanċ għala huwa tant importanti fiż-​żwieġ?

16 L-​imseħbin fiż-​żwieġ jeħtieġ li jkollhom stennijiet realistiċi. Xi ħadd minnhom forsi jinnota xi drawwiet strambi fil-​parti l-​oħra u jirraġuna, ‘Jien nistaʼ nġegħelha tinbidel.’ Bl-​imħabba u bil-​paċenzja, tkun tistaʼ tgħin lill-​parti l-​oħra biex titjieb bil-​mod il-​mod. Imma tinsiex li Ġesù xebbah lil min ikun pront biex jara n-​nuqqasijiet żgħar f’ħaddieħor maʼ xi ħadd li jara t-​“tibna” f’għajn ħuh imma ma jindunax bit-​“travu” li jkollu f’għajnu stess. Ġesù ħeġġiġna: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati.” (Aqra Mattew 7:1-5.) Dan ma jfissirx li għandna ninjoraw id-​difetti serji. Robert, li ilu miżżewweġ kważi 40 sena, qal: “Biex l-​imseħbin fiż-​żwieġ ikellmu lil xulxin apertament u bis-​sinċerità u jkunu lesti li jaċċettaw l-​osservazzjonijiet validi taʼ xulxin, forsi jkollhom bżonn ibiddlu l-​attitudni tagħhom.” Għalhekk, kun bilanċjat. Minflok ma toqgħod tinkwieta dwar il-​kwalitajiet li tixtieq tara fil-​parti l-​oħra, tgħallem apprezza u gawdi l-​kwalitajiet pożittivi li l-​parti l-​oħra għandha issa.—Ekk. 9:9.

17, 18. Meta jiżdied l-​inkwiet, fejn nistgħu nduru għall-​għajnuna?

17 Il-​provi jistgħu jiġu meta jinbidlu ċ-​ċirkustanzi fil-​ħajja. Raġel u martu għandhom mnejn jiffaċċjaw ċerti sfidi meta jkollhom it-​tfal. Xi ħadd minnhom jew mit-​tfal jistaʼ jimrad serjament. Il-​ġenituri anzjani jistaʼ jkollhom bżonn kura speċjali. It-​tfal kbar jistgħu jitilqu ’l bogħod mid-​dar. Bidliet oħrajn jistgħu jiġu minħabba li dak li jkun ikollu jieħu ħsieb xi privileġġi u responsabbiltajiet teokratiċi. Dawn il-​bidliet kollha jistgħu jġibu magħhom ċertu ammont taʼ stress u ansjetà f’xi relazzjoni.

18 Jekk il-​pressjonijiet fiż-​żwieġ tiegħek iġegħluk tħossok li wasalt sal-​punt li ma tiflaħx iżjed, x’tistaʼ tagħmel? (Prov. 24:10) Taqtax qalbek! Dak li Satana jixtieq l-​iktar hu li xi ħadd mill-​qaddejja t’Alla jabbanduna l-​qima pura. U min jaf kemm ikun iktar ferħan jekk tkun koppja li tagħmel dan. Għaldaqstant, agħmel ħiltek kollha biex tkun żgur li ż-​żwieġ tiegħek jibqaʼ ħabel bi tlieta. Il-​Bibbja fiha ħafna rakkonti taʼ wħud li baqgħu leali minkejja l-​provi ħorox li ffaċċjaw. Per eżempju, darba minnhom, David fetaħ qalbu maʼ Ġeħova, u qallu: “Ħenn għalija, O Alla, għax il-​bniedem mortali . . . jaħqarni.” (Salm 56:1) Qatt ħassejtek maħqur minn xi “bniedem mortali”? Sew jekk l-​istress li tħoss ikun ġej mill-​bogħod u sew jekk minn xi ħadd qrib tiegħek, ftakar: David sab is-​saħħa biex jissaporti, u hekk tistaʼ tagħmel int. “Jien staqsejt lil Ġeħova, u hu wiġibni,” qal David. “Mill-​biżaʼ kollu tiegħi ħelisni.”—Salm 34:4.

Iktar Barkiet

19. B’liema mod nistgħu aħna ma nħallux l-​attakki taʼ Satana jagħmlulna l-​ħsara?

19 F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, l-​imseħbin fiż-​żwieġ għandhom bżonn ‘jibqgħu jfarrġu lil xulxin u jibnu lil xulxin.’ (1 Tess. 5:11) Tinsiex, Satana jsostni li l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova hija bbażata fuq l-​egoiżmu. Hu se juża kwalunkwe mezz possibbli, inkluż li jipprova jħarbat iż-​żwieġ, biex ikissrilna l-​integrità tagħna lejn Alla. Biex ma nħallux l-​attakki taʼ Satana jagħmlulna l-​ħsara, jeħtieġ li npoġġu l-​fiduċja sħiħa tagħna f’Ġeħova. (Prov. 3:5, 6) Pawlu kiteb: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”—Flp. 4:13.

20. Liema barkiet jiġu meta nżommu lil Alla fiż-​żwieġ tagħna?

20 Il-​barkiet li jiġu meta jkollna lil Alla fiż-​żwieġ tagħna huma ħafna. Dan ċertament li kien minnu fil-​każ taʼ Joel u martu, li ilhom 51 sena miżżewġin. Hu jgħid: “Nirringrazzja lil Ġeħova l-​ħin kollu għal marti u għall-​ħbiberija hienja tagħna. Hija s-​sieħba ideali.” X’inhu s-​sigriet tagħhom? “Aħna dejjem għamilna l-​aħjar tagħna biex nittrattaw lil xulxin b’qalb tajba, bil-​paċenzja, u bl-​imħabba.” Ħadd minna ma se jagħmel dan b’mod perfett f’din is-​sistema. Madankollu, ejja naħdmu iebes biex napplikaw il-​prinċipji Bibliċi u nżommu lil Ġeħova fiż-​żwieġ tagħna. Jekk nagħmlu dan, imbagħad iż-​żwieġ tagħna se jkun bħal “ħabel bi tlieta [li] ma jinqatax malajr fi tnejn.”—Ekk. 4:12.

Tiftakar Int?

• Xi jfisser li jkollok lil Ġeħova fiż-​żwieġ tiegħek?

• L-​imseħbin fiż-​żwieġ x’għandhom jagħmlu meta jqumu d-​diffikultajiet?

• Kif nafu jekk Alla huwiex fi żwieġ jew le?

[Stampi f’paġna 18]

Koppji miżżewġin li jitolbu flimkien ikollhom l-​għajnuna biex jiffaċċjaw sitwazzjonijiet taʼ sfida

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja