Oktru fl-Għarfien Eżatt bl-“Akbar Ħeġġa”
IL-QADDEJJA kollha taʼ Ġeħova jfittxu li jkollhom l-approvazzjoni tiegħu. Peress li nixtiequ li jkollna din l-approvazzjoni, aħna ħerqanin li ntejbu l-kwalità tal-fidi tagħna u li nagħtu servizz sagru biż-żelu. Madankollu, l-appostlu Pawlu jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn periklu li jistaʼ jkun hemm, periklu li effettwa lil xi Lhud fi żmienu: “Għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-għarfien eżatt.” (Rum. 10:2) Jidher ċar li l-fidi tagħna f’Ġeħova u l-qima tagħna lejh m’għandhomx ikunu bbażati fuq sempliċi emozzjoni. Għandna bżonn għarfien eżatt dwar il-Ħallieq tagħna u r-rieda tiegħu.
Xi mkien ieħor fil-kitbiet tiegħu, Pawlu għamel konnessjoni bejn il-kondotta li japprova Alla u l-fatt li niksbu l-għarfien bil-ħeġġa. Hu talab biex is-segwaċi taʼ Kristu ‘jimtlew bl-għarfien eżatt’ dwar ir-rieda t’Alla sabiex ‘b’hekk ikunu jistgħu jimxu kif jixraq lil Ġeħova bl-għan li jogħġbuh għalkollox hekk kif ikomplu jagħtu l-frott f’kull għemil tajjeb u joktru fl-għarfien eżatt dwar Alla.’ (Kol. 1:9, 10) Għala għandna daqshekk bżonn kbir għall-“għarfien eżatt”? U għala għandna noktru f’dan l-għarfien?
Fattur Importanti għall-Fidi
L-għarfien eżatt dwar Alla u dwar ir-rieda tiegħu, bħalma hu rivelat fil-Bibbja, huwa l-bażi tal-fidi tagħna. Mingħajr dan l-għarfien taʼ min jorbot fuqu, il-fidi tagħna f’Ġeħova tkun bħall-karti tal-logħob mibnijin fuq xulxin li maʼ l-inqas żiffa jaqgħu kollha fuq xulxin. Pawlu jinkuraġġina biex nagħtu servizz sagru lil Alla bil-“qawwa tar-raġuni” tagħna u biex ‘inġeddu moħħna.’ (Rum. 12:1, 2) Studju regulari tal-Bibbja jistaʼ jgħinna f’dan ir-rigward.
Ewa, pijuniera regulari fil-Polonja, tammetti: ‘Kieku ma kontx nistudja regolarment il-Kelma t’Alla, kieku ma kontx nibqaʼ noktor fl-għarfien eżatt dwar Ġeħova. L-identità Kristjana tiegħi malajr kienet tispiċċa fix-xejn, u l-fidi tiegħi f’Alla kienet tiddgħajjef, u dan kien iwassalni biex nitlef l-iktar ħaġa prezzjuża li għandi—ir-relazzjoni tiegħi m’Alla.’ Jalla dan qatt ma jiġri lilna! Ikkunsidra l-eżempju taʼ raġel li kotor fl-għarfien eżatt dwar Ġeħova, u b’hekk gawda l-approvazzjoni Tiegħu.
“Kemm Inħobbha l-Liġi Tiegħek!”
L-għanja poetika mniżżla bħala Salm 119 fil-Bibbji tagħna turi kif iħossu s-salmista dwar il-liġijiet, it-tfakkiriet, l-ordnijiet, il-kmandi, u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji taʼ Ġeħova. Is-salmista kiteb: “L-istatuti tiegħek se ngħożżhom. . . . It-tfakkiriet tiegħek ngħożżhom ukoll.” Hu kiteb ukoll: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu moħħni fiha.”—Salm 119:16, 24, 47, 48, 77, 97.
L-espressjonijiet “ngħożżhom” u “moħħni fiha” jissuġġerixxu meditazzjoni fuq il-Kelma t’Alla, fil-fatt, li xi ħadd jieħu gost b’din il-meditazzjoni. Dawn l-espressjonijiet jenfasizzaw l-imħabba ovvja li kellu s-salmista għall-istudju tal-liġi divina. Din l-imħabba ma kinitx ġejja minn sempliċi emozzjoni li kienet qiegħda tfur f’qalb is-salmista. Pjuttost, hu kellu xewqa sinċiera li ‘jkun moħħu’ fil-liġi, biex jikseb id-dehen dwar il-kliem taʼ Ġeħova. Mill-attitudni tiegħu nistgħu naraw li hu ried isir jaf lil Alla u r-rieda tiegħu bir-reqqa kemm jistaʼ jkun.
Jidher ċar li l-imħabba li kellu s-salmista għall-Kelma t’Alla kienet ġejja mill-fond taʼ qalbu. Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Għandi jien ukoll imħabba profonda għall-Kelma t’Alla? Nitgħaxxaq jien meta naqra u nanalizza silta mill-Bibbja kuljum? Nagħmel sforz kuxjenzjuż biex naqra l-Kelma t’Alla, u nitlob lil Ġeħova qabel nibda naqra?’ Kemm ‘noktru fl-għarfien eżatt dwar Alla’ jiddependi minn kemm nistgħu nwieġbu iva għal dawn il-mistoqsijiet.
Ewa tgħid: “Jien il-ħin kollu nipprova ntejjeb il-kwalità taʼ l-istudju persunali tiegħi. Mindu ħareġ il-browxer ‘See the Good Land’ (‘Ara l-Art Tajba’), użajtu kważi kull darba li għamilt l-istudju. Qed nipprova dejjem iżjed infittex fl-Insight on the Scriptures u f’kotba oħrajn taʼ referenza skond ma jkolli bżonn.”
Ikkunsidra wkoll l-eżempji taʼ Wojciech u Małgorzata, li għandhom ħafna responsabbiltajiet tal-familja. Kif jirnexxilhom idaħħlu l-istudju persunali tal-Bibbja fl-iskeda tagħhom? “Aħna nipprovaw nagħmlu l-ħin biex nistudjaw il-Kelma t’Alla individwalment skond kif inkunu nistgħu. Imbagħad, matul l-istudju tal-familja tagħna u fil-konversazzjonijiet tagħna taʼ kuljum, naqsmu flimkien dawk il-punti li nkunu sibniehom interessanti jew inkuraġġanti.” Studju persunali fil-fond iġibilhom ħafna ferħ u jgħinhom ‘joktru fl-għarfien eżatt.’
Studja b’Moħħ Miftuħ
Bħala Kristjani, aħna nemmnu li hija r-rieda t’Alla “li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:3, 4) Dan il-fatt jenfasizza l-valur tal-qari tal-Bibbja u taʼ li wieħed jistinka biex ‘jifhimha.’ (Mt. 15:10) Għajnuna waħda biex tagħmel dan hi li tistudja b’moħħ miftuħ. Din kienet l-attitudni li wrew in-nies taʼ Berea tal-qedem meta Pawlu qasam l-aħbar tajba magħhom: “Laqgħu l-kelma bl-akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.”—Atti 17:11.
Timita int l-eżempju tan-nies taʼ Berea billi jkollok il-ħeġġa u żżomm moħħok ħieles minn affarijiet li m’humiex neċessarji u li jaljenawk waqt li tkun qed tistudja l-Bibbja? Kristjan jistaʼ jipprova jimita lin-nies taʼ Berea, anki jekk qabel hu ma kienx iqis l-istudju daqstant pjaċevoli. Barra minn hekk, xi nies għandhom it-tendenza li jaqraw u jistudjaw inqas iktar ma jikbru fl-età, imma Kristjan m’għandux jagħmel hekk. Hi x’inhi l-età tiegħek, huwa possibbli li taħdem biex tevita l-affarijiet li jaljenawk. U hekk kif tkun qed taqra, tistaʼ bil-ħeġġa kollha tfittex informazzjoni li tistaʼ taqsamha m’oħrajn. Per eżempju, jekk int raġel miżżewweġ tistaʼ tagħmilha mira li tgħid lil martek jew lil xi ħabib Kristjan dwar dak li tkun qrajt jew tgħallimt matul il-ħin li qattajt tistudja? Jekk tagħmel dan se tiġi megħjun b’mod effettiv biex iżżomm f’moħħok u f’qalbek dawn l-affarijiet u fl-istess ħin dan ikollu effett pożittiv fuq oħrajn.
Rigward il-ħin li tqattaʼ tistudja, segwi l-eżempju t’Esdra, il-qaddej t’Alla taʼ żmien il-qedem li “ħejja qalbu biex ifittex fil-liġi taʼ Ġeħova.” (Esd. 7:10) Dan kif tistaʼ tagħmlu? Tistaʼ toħloq atmosfera li tgħinek tistudja. Imbagħad oqgħod bil-qiegħda u itlob lil Ġeħova għad-direzzjoni u l-għerf tiegħu. (Ġak. 1:5) Staqsi lilek innifsek, ‘X’nistenna li nitgħallem jien matul dan l-istudju?’ Meta tkun qed taqra, oqgħod attent għall-ideat prinċipali. Forsi tkun trid tieħu xi nota taʼ dawn jew timmarka l-partijiet li tkun trid tiftakar l-iktar. Ikkunsidra kif tistaʼ tuża dan il-materjal fix-xogħol taʼ l-ippridkar, meta tkun se tieħu xi deċiżjoni, jew meta tinkuraġġixxi lil sħabek taʼ l-istess twemmin. Meta tkun wasalt biex tispiċċa l-istudju tiegħek, agħmel reviżjoni fil-qosor taʼ dak li tkun studjajt. Dan se jgħinek iżżomm f’moħħok dak li tgħallimt.
Ewa tiddeskrivi l-mod kif tistudja: “Waqt li nkun qed naqra l-Bibbja nuża r-referenzi marġinali, il-Watch Tower Publications Index, u l-Watchtower Library fuq is-CD-ROM. Nagħmel in-noti għalija biex inkun nistaʼ nużahom meta nkun fil-ministeru.”
Xi wħud ilhom is-snin jieħdu gost jistudjaw fil-fond u saru medhijin f’affarijiet spiritwali. (Prov. 2:1-5) Xorta waħda, huma għandhom ħafna responsabbiltajiet u jsibuha diffiċli biex iwarrbu ħin għall-istudju persunali. Jekk dan jgħodd għalik, liema aġġustament tistaʼ tagħmel fl-iskeda tiegħek?
Kif Nistaʼ Nsib il-Ħin?
X’aktarx li taqbel li huwa iktar faċli li ssib il-ħin biex tagħmel affarijiet li tieħu gost tagħmel. Ħafna sabu li bħala għajnuna biex ikunu medhijin fl-istudju persunali jkun tajjeb li jagħmlu mira realistika, bħal li jaqraw il-Bibbja kollha. Veru, għandu mnejn jidher diffiċli ħafna li taqra ġenealoġiji twal, jew deskrizzjonijiet dettaljati tat-tempju l-antik, jew profeziji komplikati li jidhru li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-ħajja taʼ kuljum. Ipprova ħu passi prattiċi sabiex tilħaq il-mira tiegħek. Per eżempju, qabel ma teżamina silta mill-Bibbja li tidher diffiċli, tistaʼ taqra dwar l-isfond storiku jew l-applikar prattiku tagħha. Informazzjoni bħal din tistaʼ tinstab fil-ktieb “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” li hu disponibbli bi kważi 50 lingwa.
Il-qari tal-Bibbja se jimmotivak iktar jekk tuża l-immaġinazzjoni tiegħek. Dan jistaʼ jgħinek toħloq f’moħħok stampa tal-karattri u l-ġrajjiet involuti. Jekk tapplika biss ftit minn dawn is-suġġerimenti, x’aktarx li s-sessjonijiet taʼ studju tiegħek se jkunu iktar pjaċevoli u premjanti. Barra minn hekk, se jkollok iktar ħeġġa biex issib il-ħin għalihom. Se jkun iktar faċli li żżomm id-drawwa li taqra l-Bibbja kuljum.
Filwaqt li s-suġġerimenti t’hawn fuq jistgħu jgħinuna individwalment, familja li tkun imħabbta ħafna x’tistaʼ tagħmel? Għala ma toqogħdux bil-qiegħda flimkien u tiddiskutu b’mod rilassat il-benefiċċji li jistaʼ jkollu studju tal-familja? Minn din id-diskussjoni jistgħu joħorġu ideat prattiċi, bħal li tqumu ftit minuti qabel kuljum jew f’ċerti ġranet sabiex tikkunsidraw silta mill-Bibbja. Jew forsi d-diskussjoni tagħkom turi li għandkom bżonn taġġustaw l-iskeda tal-familja. Per eżempju, xi familji sabu li hu prattiku li jiddiskutu t-test tal-jum jew li jaqraw silta mill-Bibbja wara l-ikla tal-familja. Qabel ma xi ħadd minnhom jibda jiżbarazza l-mejda jew jitlaq biex jagħmel xi ħaġa oħra, il-membri tal-familja jqattgħu minn 10 sa 15-il minuta jiddiskutu l-Iskrittura jew jagħmlu l-qari tal-Bibbja li jkollhom skond l-iskeda. Għall-ewwel, dan għandu mnejn ikun xi ftit taʼ sfida, imma wara ftit jistaʼ jsir xi ħaġa normali għall-familja u anki pjaċevoli ħafna.
Wojciech u Małgorzata jispjegaw x’għen lill-familja tagħhom: “Fl-imgħoddi, il-ħin tagħna konna nqattgħuh f’attivitajiet mhux importanti u insinifikanti. Iddeċidejna li nnaqqsu l-ħin li konna nqattgħu nibagħtu l-e-mails. Naqqasna wkoll il-ħin li nqattgħu fil-passatempi tagħna u stabbilejna speċifikament ġurnata u ħin għall-istudju fil-fond.” Din il-familja żgur li ma jiddispjaċihiex li għamlet dawn l-aġġustamenti, u int tistaʼ ssib li l-familja tiegħek ukoll se tibbenefika bl-istess mod.
Verament Jiswa li Toktor fl-Għarfien Eżatt!
Studju fil-fond tal-Kelma t’Alla jistaʼ jagħti l-“frott f’kull għemil tajjeb.” (Kol. 1:10) Hekk kif dan iseħħ f’ħajtek, kulħadd ikun jistaʼ jara li qed tavanza. Se tkun persuna spiritwali li tifhem bis-sħiħ il-veritajiet tal-Bibbja. Id-deċiżjonijiet tiegħek se jkunu iktar bilanċjati u l-għajnuna li tagħti lil oħrajn tagħtiha iktar bis-sengħa, u ma tkunx estrema bħal dik mogħtija minn dawk li ma jkunux informati tajjeb. Fuq kollox, int se tersaq eqreb lejn Ġeħova. Se jkollok apprezzament iktar profond għall-kwalitajiet tiegħu, u dan ikun jidher meta tkun qed titkellem dwaru m’oħrajn.—1 Tim. 4:15; Ġak. 4:8.
Għandek kemm għandek età jew esperjenza, agħmel kull sforz biex tkompli ssib l-għaxqa tiegħek fil-Kelma t’Alla u tibqaʼ tistudjaha fil-fond b’moħħ miftuħ. Tistaʼ tkun fiduċjuż li Ġeħova mhux se jinsa l-isforzi tiegħek. (Ebr. 6:10) Hu se jitfaʼ fuqek il-barkiet għonja tiegħu.
[Kaxxa f’paġna 13]
META ‘NOKTRU FL-GĦARFIEN EŻATT’. . .
Insaħħu l-fidi tagħna f’Alla u nimxu kif jixraq lil Ġeħova.—Kol. 1:9, 10
Niksbu d-dehen, u b’hekk inkunu kapaċi nużaw id-dixxerniment u nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin.—Salm 119:99
Nieħdu gost ħafna ngħinu lil oħrajn jersqu qrib lejn Ġeħova.—Mt. 28:19, 20
[Stampa f’paġna 14]
Jistaʼ jkun taʼ sfida li toħloq atmosfera li tgħinek tistudja, imma dan hu pjaċevoli
[Stampa f’paġna 15]
Xi familji jaqraw silta mill-Bibbja wara l-ikel