Tfittex Int Teżori Moħbija?
“Jalla l-qalb tajba mhix mistħoqqa u l-paċi jiżdidulkom b’għarfien eżatt t’Alla u taʼ Ġesù l-Mulej tagħna.”—2 PIETRU 1:2.
1, 2. Liema fatturi jagħmlu d-deheb taʼ valur għoli?
ID-DEHEB għala jiswa tant flus? Mhux għajr metall artab, madankollu l-valur tiegħu jitlaʼ għal mijiet taʼ dollari kull uqija. Veru, jistaʼ jinħadem faċilment u jifforma f’ornament attraenti fil-għamla taʼ xi ċurkett jew brazzuletta. (1 Timotew 2:9; Ġakbu 2:2) Iżda, jekk tkun mitluf f’xi deżert, mejjet bil-ġuħ u bil-għatx, ma tistax tieklu jew tixorbu. F’dik iċ-ċirkostanza ħobża jew platt ross b’xarba ilma jkunu jiswew bil-wisq iżjed mid-deheb.
2 Għala, mela, id-deheb għandu tant valur għoli? Ħaġa waħda hi għax hu rari u diffiċli biex jinkiseb. Per eżempju, meta l-minjiera tad-deheb Empire fit-tramuntana tal-California għalqet fl-1957 għax ma baqgħetx tagħti profitt, il-ħaddiema tal-minjiera kienu qed iħaffru f’fond vertikali taʼ iktar minn 5,OOO pied iżda kellhom jinżlu żewġ mili djagonalment biex isibu d-deheb. Sa dak il-punt, il-prezz għoli tad-deheb kien jagħmel taʼ siwi l-isforz kbir biex jibqgħu jfittxu għalih.
3. Liema teżor nistgħu nfittxu?
3 Aħna, iżda, nistgħu nħaffru għal xi ħaġa bil-wisq iżjed taʼ valur mid-deheb. X’inhi? Il-għaref Sultan Salamun ta tweġiba xi 3,OOO sena ilu: “Jekk, iktar minn hekk, int issejjaħ għall-fehma nfisha u int tagħti leħnek għad-dehen innifsu, jekk int tibqaʼ tfittex għalih bħal kieku għall-fidda, u bħal kieku għal teżori moħbija int tibqaʼ tfittex għalih, f’dak il-każ int se tifhem il-biżaʼ taʼJehovah, u int se ssib il-għarfien innifsu t’Alla.” Immaġina bnedmin insinjifikanti jistgħu jsibu “l-għarfien innifsu t’Alla”!—Proverbji 2:3-5.a
Għala Lkoll Ninħtieġu Għarfien Eżatt
4. L-għarfien eżatt taʼ Kristjan x’għandu jinkludi?
4 Minn żmien Kristu, dak il-għarfien essenzjali kiber biex jinkludi ħafna iżjed milli kien hemm disponibbli għal irġiel u nisa Ebrej lejali tal-qedem. Bħalma esprimieha Pawlu: “Biex dak Alla tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jistaʼ jagħtikom spirtu taʼ ferħ u taʼ rivelazzjoni fil-għarfien eżatt tiegħu; billi l-għajnejn taʼ qalbkom ġew imdawlin, biex tistgħu tkunu tafu x’inhi t-tama li għaliha sejħilkom, x’inhuma r-rikkezzi glorjużi li hu jżomm bħala wirt għall-qaddisin.”−Efesin 1:17, 18.
5. Il-midlukin għala għandhom jagħtu attenzjoni kontinwa lill-għarfien tagħhom dwar ir-rieda t’Alla?
5 Lura f’dak iż-żmien, dan kien parir dirett għall-aħwa qaddisin u midlukin taʼ Kristu, u għadu hekk illum. Bħala l-parti sekondarja taż-“żerriegħa” tal-wegħda, uħud bħal dawn huma miri speċjali għal twaqqiegħ spiritwali minn Satana. (Galatin 3:26-29; Efesin 6:11, 12) Uħud midlukin, b’mod speċjali, iridu jagħmlu s-sejħa tagħhom ċerta billi ma jittraskurawx il-għotja b’xejn tal-ħniena mhix mistħoqqa t’Alla. Huwa għalhekk li huma jridu kontinwament isaħħu r-riżorsi spiritwali tagħhom billi jġeddu l-għarfien eżatt tagħhom dwar ir-rieda u l-Kelma t’Alla.—Efesin 3:7; Ebrej 6:4-6; 2 Pietru 1:9-12.
6. (a) Għala Ikoll kemm aħna ninħtieġu għarfien eżatt, minkejja jekk għandniex it-tama għas-sema jew għall-art? (b) X’inhu meħtieġ biex takkwista għarfien eżatt?
6 Xi ngħidu dwar dawk li t-tama tagħhom hi ħajja taʼ dejjem fuq
l-art? Il-għarfien eżatt għala hu vitali għalihom? Għaliex m’hemmx xi gradi differenti għall-integrità Kristjana, bħal li kieku hemm xi livell ogħla għall-midlukin, li għandhom it-tama għas-sema, minn dak għan-ngħaġ oħra, li għandhom it-tama għall-art. (Ġwann 1O:16; 2 Pietru 3:13) Prinċipji Kristjani japplikaw ugwalment għal kulħadd. Minħabba f’dan, ilkoll kemm aħna għandna bżonn niċċarġjaw mill-ġdid il-batteriji spiritwali tagħna bil-għarfien eżatt fuq bażi regulari. Iżda ħin u sforz huma nvoluti. Aħna rridu nieħdu sehem fi tħaffir spiritwali, bħal li kieku għal teżori moħbija.—Salm 105:4, 5.
Nixtru l-Ħin Biex Inħaffru
7. (a) X’diffikultajiet jeżistu li jistgħu jżommuna lura milli nakkwistaw għarfien eżatt? (b) X’jistgħu jkunu l-konsegwenzi taʼ traskuraġni spiritwali?
7 Il-biċċa l-kbira tan-nies illum igħixu
ħajja mgħaġġla, u bħala Kristjani aħna nidhru li għandna iżjed x’nagħmlu minn oħrajn bl-iskedi tagħna għal-laqgħat tal-Bibbja, servizz tal-għalqa, xogħol sekulari, xogħol tad-dar, xogħol tal-iskola, u affarijiet oħra. Iżda, bħalma nsibu ħin kuljum biex nieklu, bl-istess mod irridu nwarrbu ħin biex nitimgħu lil moħħna u lill-ispiritwalità tagħna. Ma kinetx sempliċement xi rimarka vojta li għamel Ġesù meta kkwota Dewteronomju 8:3: “Hu miktub, ‘Il-bniedem irid igħix mhux fuq il-ħobż biss, iżda fuq kull ħaġa mitkellma li toħroġ minn fomm Jehovah.’” (Mattew 4:4) Jekk nittraskuraw l-ispiritwalità tagħna, aħna nittraskuraw il-valuri spiritwali tagħna u t-tama tagħna għall-futur. Imbagħad nistgħu nibdew niżolqu u nitħarrku. Għalhekk kif nistgħu nagħmlu l-ħin għal studju persunali u regulari tal-Bibbja?
8. Liema parir Skritturali jagħtina perspettiva xierqa rigward studju persunali?
8 Il-kliem tal-appostlu Pawlu kien xieraq ħafna: “Żommu għassa stretta li kif timxu ma hux bla għaqal imma bħal persuni għaqlin, billi tixtru ż-żmien opportun għalikom infuskom, għaliex il-jiem huma mill-agħar. Minħabba f’dan ieqfu milli ssiru bla raġuni, imma ibqgħu araw x’inhi r-rieda taʼ Jehovah.” Aħna nistgħu naraw x’inhi r-rieda taʼ Jehovah biss jekk nagħtu kas tal-Kelma tiegħu permezz tal-istudju persunali tagħna. U dak ifisser li aħna rridu ‘nixtru ż-żmien opportun’ jew‘nagħmlu l-aħjar użu mill-ħin tagħna.’—Efesin 5:15-17; Phillips.
9. Fejn nistgħu qed nitilfu l-ħin li jistaʼ jinfeda għal studju persunali? Agħti xi esperjenzi persunali.
9 Jekk nanalizzaw l-attivitajiet tagħna li m’humiex essenzjali taʼ kuljum, kif insibu li nqattgħu l-biċċa l-kbira mill-ħin liberu tagħna? Huwa quddiem is-sett tat-televiżjoni? Dak l-apparat li jippnotizza jistaʼ jisirqilna xejn anqas minn tnejn sa’ ħames sigħat kull fil-għaxija minn ħajjitna! Kemm-il siegħa kuljum tqattaʼ int personalment tara t-televiżjoni? Taʼ spiss, dak li jiġi ppreżentat, bl-enfasi tiegħu fuq il-vjolenza u s-sess, hu degradanti. U taʼ spiss huwa mfassal biex jappella għax-“xewqa tal-laħam u x-xewqa tal-għajnejn u li wieħed jiffanfra bil-mezzi tal-ħajja.” (1 Ġwann 2:15-17) Iżda, ħafna jonqoshom il-kontroll fuqhom infushom biex jitfu t-televiżjoni. Iva, din l-invenzjoni moderna tistaʼ taħlilna l-iktar oġġett prezzjuż tagħna, il-ħin.
10. Għala hu daqstant importanti llum li nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal?
10 Jekk inkunu onesti magħna nfusna, nagħrfu li normalment huwa possibbli li nifdu xi ħin għal attivitajiet essenzjali bħalma hu l-istudju tal-Bibbja. U studju persunali tal-Bibbja li jwassal għal għarfien eżatt huwa essenzjali għal Kristjan f’dawn iż-żminijiet kritiċi. Iżda, b’iktar minn 41,000 uħud li ġew maqtugħin mis-sħubija fl-1988, huwa ċar li ħafna aħwa rġiel u nisa ttraskuraw l-ispiritwalità tagħhom. Li nilbsu u nżommu “l-libsa tal-ħadid sħiħa mingħand Alla” mhux sempliċement xi eżerċizzju taʼ kafkaf. Saħansitra bħal fil-każ taʼ suldat liebes armar litterali, huwa dover taʼ kuljum.—Efesin 6:10-18; Rumani 1:28-32; 2 Timotew 3:1.
11. Liema eżempju tforni l-familja Betel f’li tkun organizzata għal studju tal-familja?
11 Madwar id-dinja l-iktar minn 9,000 membri tal-95 familji Betel fl-uffiċċji tal-fergħat tal-Watch Tower Society ikollhom l-istudju tal-familja kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija. Huma jistudjaw it-Torri tal-Għassa bi tħejjija għal-laqgħat taʼ tmiem il-ġimgħa, u f’ħafna okkażjonijiet ikollhom ukoll xi taħdita fuq il-Bibbja jew xi sessjoni bħala klassi għall-membri ġodda tal-familja. Iva, nhar taʼ Tnejn tinżamm il-lejla taʼ studju tal-familja Betel madwar id-dinja. Meta hu l-perijodu taʼ studju persunali jew tal-familja tiegħek?—Ebrej 10:24, 25.
Għodod u Kif Tużahom
12. Liema huma xi ftit mill-fatturi taʼ studju li jispikkaw fin-New World Translation of the Holy Scriptures—With References?
12 Bħalma ħaddiem tal-minjieri għandu għodod għas-sengħa tiegħu, l-istess aħna għandna għodod li bihom inħaffru fil-minjiera tad-deheb tal-Kelma t’Alla. Ikkunsidra, per eżempju, lin-New World Translation of the Holy Scriptures—With References. Fil-preżent hija ppubblikata bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Ġappuniż, bil-Portugiż, u bl-Ispanjol. Għalhekk, il-biċċa l-kbira mix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom disponibbli għodda meraviljuża biex jakkwistaw għarfien eżatt tal-veru Alla. Din l-edizzjoni tal-Bibbja tinkludi eluf taʼ referenzi marġinali u noti taʼ taħt abbundanti. Għandha wkoll appendiċi taʼ 36 paġna b’informazzjoni dettaljata dwar varjetà taʼ mistoqsijiet Bibliċi importanti.b
13. Liema fatti interessanti huma ppreżentati rigward l-użu taʼ “għarfien” u “għarfien eżatt” fl-Iskrittura Ebrajka u fl-Iskrittura Griega?
13 Fuq wara, ir-Reference Bible għandha lista taʼ kliem prinċipali, “Bible Words Indexed.” Kif nistgħu nużaw dan? Jekk tiċċekkja l-kopja tiegħek għall-espressjoni “accurate knowledge” (“għarfien eżatt”), int se ssib għaxar testi fil-lista. Iżda l-ebda wieħed minn dawn ma hu mill-Iskrittura Ebrajka. Ifisser dan li l-Iskrittura Ebrajka ma tenfasizzax il-ħtieġa għal għarfien bħal dan? Le. Għax taħt il-kelma “knowledge” (“għarfien”), hemm 24 referenza, inklużi 18 mill-Iskrittura Ebrajka. Madankollu, il-lingwa Ebrajka m’għandhiex kelma speċjali għal “għarfien eżatt.” Mela, kif se tara mir-referenzi, hija xi drabi tenfasizza l-bżonn għal iktar minn sempliċi għarfien ġenerali billi tgħaqqad “għarfien” maʼ kelmiet bħal “dehen” (“discernment,” “insight”) jew titkellem dwar il-għarfien bħala li hu “abbundanti.”−Danjel 1:4; 12:4; Ġeremija 3:15.
14. X’punti interessanti hemm fl-Insight on the Scriptures taħt “għarfien”?
14 Kif tgħallimna fl-artiklu taʼ qabel, il-Grieg Bibliku kien iġorr differenza sottili bejn iż-żewġ gradi taʼ għarfien. U jekk inħaffru, aħna rridu nafu iżjed dwar id-differenza bejn dawn iż-żewġ espressjonijiet hekk kif japplikaw għall-Kristjani. Għala l-għarfien, gno’sis, u l-għarfien eżatt, e·pi’gno·sis, huma essenzjali għall-Kristjani? Fejn nistgħu nsibu t-tweġiba? Fl-enċiklopedija Biblika Insight on the Scriptures. X’kamra taʼ teżor huma dawn il-volumi! Fittex għat-titlu “Għarfien.” Hemm se ssib artiklu komplet dwar it-termini li qed nikkunsidraw u dwar l-attributi relatati għerf, fehma, dehen, u abbiltà tal-ħsieb. U sibna dan id-“deheb” kollu, din l-informazzjoni, sempliċement billi wżajna ftit għajnuniet taʼ studju Bibliku! Iżda hemm iżjed.—Salm 19:9, 10.
15. X’għodod oħra taʼ riċerka għandna, u kif jistgħu jintużaw?
15 Jekk irridu nsegwu studju iżjed estensiv dwar il-“għarfien” u termini relatati, nistgħu nużaw l-Indiċi tal-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower Society, li huma disponibbli f’għadd taʼ lingwi. U bħalma segwejna t-tema taʼ għarfien, int tistaʼ ssegwi l-istess proċedura għal mijiet taʼ suġġetti oħra. Immaġina x’għana taʼ informazzjoni taħt isem Jehovah! X’abbundanza taʼ għarfien eżatt hemm dwar il-Mulej Sovran tal-univers!—Salm 68:19, 20; Atti 4:24.
16. X’tgħid l-Iskrittura rigward tfittix?
16 Permezz taʼ dawn u għajnuniet taʼ studju oħra ppubblikati mill-Watch Tower Bible and Tract Society, xi ġmiel taʼ “teżori moħbija” nistgħu nsibu! Tridu int id-“deheb”? Tqisu int bħala li hu taʼ siwi? Se tagħmel il-ħin biex tħaffer għalih?—Proverbji 2:1-5.
Min Jieħu l-Inizzjattiva fit-Tħaffir Spiritwali?
17. X’għandna nagħmlu biex nakkwistaw għarfien dwar Alla u Kristu?
17 X’inhu l-muftieħ biex jinkiseb dan il-għarfien prezzjuż dwar Alla u Kristu? Il-motivazzjoni—xenqa biex ikollok qagħda approvata maʼ Jehovah u Ibnu u xewqa biex tirċievi r-rigal taʼ ħajja taʼ dejjem. Ġesù poġġieha hekk: “Ibqgħu staqsu, u se jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u se ssibu; ibqgħu ħabbtu, u se jinfetħilkom. Għax kulmin jistaqsi jirċievi, u kulmin ifittex isib, u lil kulmin iħabbat se jinfetaħlu.” Iżda nnota l-kundizzjoni. Ġesù qal,‘Ibqgħu staqsu, fittxu, u ħabbtu.’ Mhix xi ħaġa taʼ darba. It-tfitxija għal għarfien trid tkun persistenti.—Mattew 5:6; 7:7, 8.
18. Ġo familja, min għandu jieħu l-inizzjattiva f’li jfittex għarfien eżatt, u għala?
18 Ġo familja Kristjana, min għandu jieħu l-inizzjattiva f’li jħaffer għal għarfien eżatt? Pawlu jwieġeb: “Intom, missirijiet, toqogħdux iddejqu lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u r-regolar mentali taʼ Jehovah.” Iva, il-ġenituri, b’mod speċjali l-missier, għandhom jieħdu l-inizzjattiva f’li juru apprezzament għal valuri spiritwali. U dak ifakkarna għal darb’oħra dwar il-bżonn għal arranġament regulari li l-familja tistaʼ tistenna u tfittex għalih bil-ħerqa.—Efesin 6:4.
19. Perijodi taʼ studju mal-familja kif jistgħu jintgħamlu interessanti? X’inhi l-esperjenza tal-familja tiegħek?
19 Perijodi taʼ studju mal-familja jistgħu jintgħamlu interessanti. Per eżempju, jekk għandek it-tfal, għala ma ġġagħalhomx jagħżlu tema u mbagħad tqabbadhom jagħmlu riċerka f’pubblikazzjonijiet differenti skond l-età u l-abbiltà tagħhom. Imbagħad wara xi nofs siegħa, inġabru flimkien u araw kull wieħed x’ikun sab fuq is-suġġett magħżul. Jekk għandkom Concordance, wieħed żgħir jistaʼ jgħodd kemm-il darba ċerta kelma tidher fl-Iskrittura Ebrajka u fl-Iskrittura Griega. Forsi tfajjel akbar jistaʼ jfittex xi ġemmi mill-volumi tal-Insight. Il-ġenituri jafu sa fejn kapaċi jaslu wliedhom u l-firxa tal-attenzjoni tagħhom u għandhom jibnu s-sessjoni madwar dawn il-fatturi. Kun flessibbli u uri apprezzament. Inkuraġġixxi lill-familja tiegħek fit-tħaffir spiritwali tagħhom—u żomm il-mottiv xieraq.
Thaffir bil-Mottiv Xieraq
20. Liema mottiv żbaljat għandna nevitaw fl-istudju persunali tagħna?
20 Il-modestja hija virtù Kristjana. (Proverbji 11:2; 1 Timotew 2:9) Għandna, mela, nistudjaw biex niftaħru b’dak li tgħallimna? Jew għandna nagħmlu wirja pubblika tal-għarfien tagħna u forsi nimbarazzaw lil oħrajn għax huma injoranti? Jew għandna nipproklamaw l-interpretazzjonijiet u l-ispekulazzjonijiet tagħna stess? Pawlu wissa: “Għax permezz tal-ħniena mhix mistħoqqa mogħtija lili jiena ngħid lil kull wieħed li hemm fostkom biex ma jaħsibx fuqu nnifsu iktar milli hu meħtieġ li jaħseb; imma jaħseb biex ikollu moħħ f’siktu, kull wieħed bħalma Alla qassamlu qies tal-fidi.”−Rumani 12:3.
21, 22. Kif għandu jeffettwana l-għarfien eżatt tagħna?
21 Sforz ħerqan u li napplikaw il-għarfien eżatt jistaʼ jwassal għal fidi, virtù, rażna tagħna nfusna, sabar fit-tul, devozzjoni lejn Alla, affezzjoni lejn ħutna, u mħabba. Pietru wera l-importanza taʼ dawn meta kiteb: “Għax jekk dawn l-affarijiet jeżistu fikom u jfuru, mhux se jħallukom tkunu bla xogħol jew bla frott dwar il-għarfien eżatt tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.”—2 Pietru 1:2-8.
22 Il-għarfien tagħna għandu jeffettwa lill-qalb. Għandu jqanqalna biex nuru mħabba lejn Alla u lejn għajrna u biex insiru Kristjani produttivi fil-kondotta u fil-ministeru tagħna. Dan se jirriżulta f’għaqda u fehma iktar bis-sħiħ tal-eżempju taʼ Kristu. (Efesin 4:13) Xi premju mill-aħjar talli nfittxu teżori moħbija!
[Noti taʼ taħt]
a Taʼ interess, fi Proverbji 2:5 l-espressjoni “l-għarfien innifsu t’Alla” tidher fis-Settwaġinta Griega bħala epi’gno·sis, jew “għarfien eżatt,” wieħed mit-tmien postijiet fejn dik il-kelma Griega tintuża fis-Settwaġinta.
b Għal spjegazzjoni dettaljata dwar kif tibbenefika bl-iktar mod possibbli mir-Reference Bible, ara The Watchtower tal-1 taʼ Novembru, 1985, paġni 27-30.
Mistoqsijiet Biex Tirrifletti Fuqhom
◻ Skond is-Sultan Salamun, x’inhu iżjed taʼ valur minn teżori moħbija?
◻ Għarfien eżatt għala huwa vitali għall-midiukin u għan-ngħaġ l-oħra?
◻ Kif nistgħu nixtru l-ħin għal studju persunali?
◻ Liema għodod speċjali għandna biex inħaffru għal għarfien eżatt?
◻ Min għandu jieħu l-inizzjattiva fl-istudju mal-familja, u b’liema mottiv għandna nistudjaw?