Għoti taʼ Xiehda fis-Suq
META kien fil-belt t’Ateni, l-appostlu Pawlu kien imur kuljum is-suq sabiex jippriedka l-aħbar tajba dwar Ġesù. (Atti 17:17) Pawlu għażel is-suq minħabba li kien iċ-ċentru fejn kienu jinġabru n-nies t’Ateni.
Madwar 2,000 sena wara, il-poplu taʼ Ġeħova għadu juża s-suq sabiex ixerred il-messaġġ tas-Saltna t’Alla. Għala? Minħabba li hemmhekk jistgħu jinstabu ħafna nies. Illum, is-suq jistaʼ jkun xi ċentru jew kumpless taʼ ħwienet. Wara li jiksbu permess mill-maniġer jew is-sid, xi Xhieda jużaw mejda jew stand żgħir sabiex jagħmlu wirja taʼ letteratura Biblika.
Per eżempju, f’ċentru tal-ħwienet fi New Jersey, l-Istati Uniti, ġiet irranġata wirja attraenti taʼ letteratura bit-tema “Inżommu l-Valuri tal-Familja—Kif?” X’kien ir-riżultat? F’ġurnata waħda tqassmu 153 ktieb b’sitt lingwi.
Waħda mara li avviċinat l-istand tal-letteratura semgħet b’attenzjoni l-ispjegazzjoni li bdiet tagħti waħda mix-Xhieda. Il-mara qablet li huwa importanti li Alla jkun fil-ħajja tagħna u tal-familja tagħna. Hi ħadet dawn il-pubblikazzjonijiet: Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir, Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, u Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom.
Kmieni wara nofsinhar għadda raġel minn quddiem l-istand tal-letteratura hekk kif kien se jidħol fil-ħanut taʼ ħdejn l-istand. Għajnejh marru fuq il-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu. L-oħt li kienet maġenb l-istand innotat il-kurżità fuq wiċċu. Hi staqsietu, “Hawn xi ktieb li jinteressak?” Wera li iva u pponta lejn il-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu. Hi tatu l-ktieb, li kien diġà ħareġ idu għalih. Hu qal li għandu tlett itfal. Hekk kif kompliet il-konversazzjoni, hu qal li darba fil-ġimgħa hu joqgħod jiddiskuti magħhom. Iż-żewġt itfal kbar tiegħu huma adoloxxenti. Filwaqt li ta daqqa t’għajn il-ktieb, hu qal li setaʼ faċilment jużah bħala gwida għal ftit mid-diskussjonijiet mal-familja tiegħu. Il-pubblikatriċi ġibditlu wkoll l-attenzjoni lejn il-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, u assiguratu li hu u martu kienu se jsibu pariri verament t’għajnuna fuq kif għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-familja. Ir-raġel kien grat għal dan is-suġġeriment, ta donazzjoni, u aċċetta l-offerta li xi ħadd imur iżurhom.
Ix-Xhieda kif ħassewhom dwar il-ġurnata li qattgħu jagħtu xiehda fiċ-ċentru tal-ħwienet? “Personalment ħadt pjaċir ħafna f’dan il-qasam taʼ l-ippridkar,” qalet waħda oħt. “Kienet esperjenza verament sabiħa għalija!” Oħt oħra qalet: “Ġeħova jgħid li l-aħbar tajba trid tiġi pridkata sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art. Illum, f’Paramus, New Jersey, din l-aħbar tajba laħqet lil nies taʼ lingwi differenti. Kien tassew taʼ l-għaġeb li kont parti minn dan l-arranġament. Dawk kollha li ħadu sehem fih kienu ferħanin. Ħadd minna ma kellu aptit jitlaq fi tmiem il-ġurnata.”
Tistaʼ int tippriedka l-aħbar tajba b’modi differenti? Il-metodu primarju tagħna hu dak li mmorru minn dar għal dar. (Atti 20:20) Madankollu, qatt ikkunsidrajt li tagħti xiehda fis-suq jew fiċ-ċentru tal-ħwienet?