X’Tip taʼ Persuna Tixtieq Tkun?
IL-KAP tal-pulizija taʼ raħal fil-Filippini staqsa lil waħda pijuniera, “X’għamilt biex għent lil dan ir-raġel ibiddel il-kondotta tiegħu?” Waqt li pponta lejn turrun karti li kellu fuq l-iskrivanija tiegħu, hu żied jgħid: “Kont taf li dawn kollha huma każi ġudizzjarji li saru kontrih fil-passat? Int serraħtna minn biċċa wġigħ taʼ ras, waħda mill-ħafna, li għandna f’dan ir-raħal.” Ir-raġel li kienu qed jitkellmu dwaru kien raġel sakranazz u vjolenti li dejjem kien jaqlaʼ l-inkwiet. X’qanqlu jagħmel daqstant bidliet kbar f’ħajtu? Kien il-messaġġ imnebbaħ tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
Ħafna ħadu bis-serjetà l-parir taʼ l-appostlu Pawlu biex ‘jinżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kienu jġibu ruħhom qabel u jilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla.’ (Efes. 4:22-24) Kemm jekk il-bidliet li għandna bżonn nagħmlu huma kbar u kemm jekk huma żgħar, li wieħed jilbes il-personalità l-ġdida huwa parti milli jħaddan il-Kristjanità.
Madankollu, li nagħmlu bidliet u nagħmlu progress sal-punt li nikkwalifikaw għall-magħmudija huwa biss il-bidu. Meta nippreżentaw ruħna għat-tagħdis fl-ilma, aħna nkunu qisna biċċa injama li tkun ġiet imnaqqxa f’forma bażika. Tkun tistaʼ tagħraf x’se jkun l-oġġett, imma jkun fadal ħafna xogħol xi jsir. L-iskultur ikun għad fadallu jżid dettalji żgħar sabiex dan l-oġġett ikun jidher sabiħ. Sal-magħmudija, aħna jkollna l-kwalitajiet bażiċi li huma meħtiġin sabiex inkunu qaddejja t’Alla. Madankollu, il-personalità l-ġdida tagħna tkun għadha fl-ewwel stadji tagħha. Għandna nkomplu ntejbuha billi nagħmlu xi aġġustamenti.
Anki Pawlu ra l-bżonn li jagħmel xi titjib. Hu ammetta: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.” (Rum. 7:21) Pawlu żgur li kien konxju taʼ dak li kien u taʼ dak li xtaq li jkun. U xi ngħidu għalina? Aħna wkoll għandna bżonn nistaqsu lilna nfusna: ‘X’hemm fija? X’tip taʼ persuna jien? U x’tip taʼ persuna nixtieq inkun?’
X’Hemm “Fija”?
Meta nirranġaw xi dar antika, m’huwiex biżżejjed li nbajdu barra jekk ġewwa jkun hemm travi mikulin. Jekk ninjoraw id-difetti fl-istruttura nkunu sempliċement qed nistiednu l-inkwiet iktar tard. B’mod simili, li sempliċement nidhru li aħna tajbin m’huwiex biżżejjed. Irridu naslu sal-qalba tal-personalità tagħna u nirrikonoxxu l-problemi li għandna bżonn insolvu. Inkella, il-karatteristiki tal-personalità l-qadima se jerġgħu jitfaċċaw. Mela, huwa importanti li neżaminaw lilna nfusna. (2 Kor. 13:5) Jeħtieġ li nidentifikaw liema huma l-karatteristiki li m’humiex mixtiqin u nikkoreġuhom. Ġeħova tana l-għajnuna li għandna bżonn biex jirnexxilna nagħmlu dan.
Pawlu kiteb: “Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.” (Ebr. 4:12) Il-messaġġ tal-Kelma miktuba t’Alla, il-Bibbja, jistaʼ jkollu influwenza qawwija f’ħajjitna. Jinfed fil-fond ġewwa fina—f’sens figurattiv sal-mudullun li hu fl-iktar partijiet ġewwinin taʼ l-għadam. Jirrivela l-ħsibijiet u l-motivi tagħna, billi jikxef dak li aħna verament minn ġewwa meta mqabbel maʼ dak li nidhru li aħna minn barra jew dak li naħsbu li aħna. Kemm tgħinna l-Kelma t’Alla biex inkunu nistgħu nirrikonoxxu l-problemi tagħna!
Meta nirranġaw dar qadima, għandu mnejn ma jkunx biżżejjed li nibdlu l-affarijiet li jkollhom il-ħsara. Jekk inkunu nafu x’kien li wassal għall-problemi nkunu nistgħu nieħdu passi li jevitaw li jerġgħu jinqalgħu l-istess problemi. Bl-istess mod, sabiex niġu megħjunin irrażżnu d-dgħjufijiet tagħna rridu mhux biss nidentifikaw liema huma l-karatteristiki negattivi imma wkoll naraw xi kkaġunahom jew xi kkontribwixxa għalihom. Hemm diversi fatturi li jsawru l-personalità tagħna. Fosthom hemm l-istat soċjali u s-sitwazzjoni ekonomika, l-ambjent, il-kultura, il-ġenituri, il-ħbieb, u l-isfond reliġjuż tagħna. Anki l-programmi televiżivi u l-films li naraw, kif ukoll forom oħrajn taʼ divertiment, iħallu l-effett tagħhom. Meta nirrikonoxxu x’inhuma l-affarijiet li jkollhom influwenza negattiva fuq il-personalità tagħna nkunu f’pożizzjoni aħjar biex innaqqsu l-effett tagħhom.
Wara li nagħmlu eżami tagħna nfusna, għandu mnejn niġu ttantati ngħidu, ‘Imma jien hekk magħmul.’ Dan hu rraġunar żbaljat. Billi kien qed jirreferi għal dawk fil-kongregazzjoni taʼ Korintu li kienu żienja, omosesswali, sakranazzi, u nies bħal dawn, Pawlu qal: “Hekk kienu xi wħud minnkom. Imma ġejtu maħsulin . . . bl-ispirtu t’Alla tagħna.” (1 Kor. 6:9-11) Bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, aħna wkoll jistaʼ jirnexxilna nagħmlu l-bidliet neċessarji.
Ikkunsidra l-każ taʼ raġel jismu Marcos,a li jgħix fil-Filippini. Meta beda jitkellem dwar it-trobbija tiegħu, Marcos qal: “Il-ġenituri tiegħi kienu dejjem jargumentaw. Kien għalhekk li rribellajt meta kelli 19-il sena.” Marcos sar magħruf għal-logħob taʼ l-ażżard u s-serq, xi drabi anki serq bl-armi. Hu u xi oħrajn kienu saħansitra se jaħtfu ajruplan, imma dan il-pjan qatt ma seħħ. Marcos baqaʼ bl-istess prattiki ħżiena wara li żżewweġ. Eventwalment tilef kollox minħabba l-logħob taʼ l-ażżard. Ftit wara, Marcos ngħaqad maʼ martu fl-istudju tal-Bibbja li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jikkonduċu magħha. Għall-ewwel, hu ma ħassux denju li jsir Xhud. Madankollu, minħabba li applika dak li kien qed jitgħallem u attenda l-laqgħat, Marcos ġie megħjun jabbanduna l-mod kif kien jgħix qabel. Issa hu Kristjan mgħammed li jieħu sehem b’mod regulari f’li jgħallem lil oħrajn kif huma wkoll jistgħu jinbidlu.
X’Tixtieq Tkun?
X’bidliet għandu mnejn ikollna bżonn nagħmlu sabiex intejbu l-kwalitajiet Kristjani tagħna? Pawlu jagħti dan il-parir lill-Kristjani: “Qisu li twarrbuhom kollha, il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tgħajjir, u l-kliem oxxen minn fommkom. Tigdbux lil xulxin. Inżgħu l-personalità l-qadima bid-drawwiet tagħha.” L-appostlu jkompli: “Ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz taʼ l-għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha.”—Kol. 3:8-10.
Mela, il-mira primarja tagħna hi li nwarrbu l-personalità l-qadima u nilbsu l-ġdida. Liema kwalitajiet għandna bżonn nikkultivaw sabiex jirnexxilna nagħmlu dan? Pawlu jgħid: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-affarijiet kollha, ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:12-14) Jekk nistinkaw b’mod kuxjenzjuż biex nikkultivaw dawn il-kwalitajiet se niġu megħjunin biex ‘nintgħoġbu iktar, sew quddiem Ġeħova u sew quddiem il-bnedmin.’ (1 Sam. 2:26) Meta kien fuq l-art, Ġesù wera b’mod li jispikka kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. Billi nistudjaw u nimitaw l-eżempju tiegħu, aħna nistgħu nsiru iktar bħal Kristu bħala wħud li ‘jimitaw lil Alla.’—Efes. 5:1, 2.
Mod ieħor biex insiru nafu liema bidliet għandu mnejn ikollna bżonn nagħmlu hu billi nistudjaw il-karatteristiki fil-personalità taʼ karattri Bibliċi, u nikkunsidraw liema kwalitajiet kellhom li kienu sbieħ u liema ma kinux. Per eżempju, aħseb f’Ġużeppi, bin il-patrijarka Ġakobb. Minkejja l-inġustizzji li esperjenza, Ġużeppi żamm attitudni pożittiva u sbuħija ġewwinija. (Ġen. 45:1-15) Min-naħa l-oħra, Absalom, bin is-Sultan David, għamel taʼ bir-ruħu li kien konċernat ħafna dwar in-nies u kien imfaħħar għal sbuħitu. Madankollu, fir-realtà kien traditur u qattiel. (2 Sam. 13:28, 29; 14:25; 15:1-12) La li wieħed jagħmel taʼ bir-ruħu li hu tajjeb u lanqas is-sbuħija fiżika ma jagħmlu lil dak li jkun verament attraenti.
Nistgħu Nirnexxu
Sabiex ninbidlu għall-aħjar u nkunu sbieħ f’għajnejn Alla jeħtieġ li nagħtu attenzjoni lill-persuna li aħna minn ġewwa. (1 Pt. 3:3, 4) Sabiex inkunu nistgħu nagħmlu bidliet fil-personalità tagħna rridu nidentifikaw liema huma l-karatteristiki negattivi tagħna u l-fatturi li jikkaġunawhom jew jikkontribwixxu għalihom, kif ukoll nikkultivaw kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. Nistgħu aħna nkunu fiduċjużi li l-isforzi tagħna biex nagħmlu titjib bħal dan se jkollhom suċċess?
Iva, bl-għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu nagħmlu l-bidliet meħtiġin. Bħas-salmista, nistgħu nitolbu: “Oħloq fija qalb pura, O Alla, u poġġi ġewwa fija spirtu ġdid, wieħed sod.” (Salm 51:10) Nistgħu nitolbu għall-ispirtu t’Alla biex jaġixxi ġewwa fina, u dan se jkabbar ix-xewqa tagħna biex ngħixu iktar fi qbil mar-rieda tiegħu. Tabilħaqq, jistaʼ jirnexxilna nsiru isbaħ f’għajnejn Ġeħova!
[Nota taʼ taħt]
a Mhux ismu veru.
[Stampa f’paġna 4]
Huwa biżżejjed li nbajdu minn barra din id-dar imtertqa mill-maltemp?
[Stampa f’paġna 5]
Saret il-personalità tiegħek bħal taʼ Kristu?