LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 12/15 pp. 6-10
  • “Titilfux Malajr ir-Raġuni Tagħkom”!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Titilfux Malajr ir-Raġuni Tagħkom”!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TWISSIJIET F’WAQTHOM
  • AGĦŻEL LIL SĦABEK BL-​GĦAQAL
  • “IBQGĦU FIT-​TRADIZZJONIJIET”
  • PROTEZZJONI KONTRA LI NITILFU R-​RAĠUNI
  • Punti Prinċipali mill-Ittri lit-Tessalonikin u lil Timotju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Kun Preparat għall-Jum taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Komplu “Ibnu lil Xulxin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Hu “Rraġuna Magħhom mill-Iskrittura”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 12/15 pp. 6-10

Titilfux Malajr ir-​Raġuni Tagħkom”!

“Aħwa, . . . nitolbukom biex ma titilfux malajr ir-​raġuni tagħkom.”—2 TESS. 2:1, 2.

PUNTI X’NIKKUNSIDRAW

  • L-​ittri taʼ Pawlu lit-​Tessalonikin kien fihom liema twissijiet f’waqthom?

  • X’jistaʼ jgħinna biex ma niġux imqarrqin?

  • L-​ippritkar żeluż tas-​Saltna kif inhu taʼ protezzjoni għalina?

1, 2. Il-​qerq għala hu komuni ferm, u llum liema tip taʼ qerq naraw? (Ara l-​ewwel stampa.)

L-​IMBROLJI, l-​inganni, u l-​qerq huma komuni ferm f’din is-​sistema. Dan m’għandux għalfejn jissorprendina. Il-​Bibbja tagħmilha ċara li Satana x-​Xitan hu espert f’li jqarraq bin-​nies, u hu l-​ħakkiem taʼ din is-​sistema. (1 Tim. 2:14; 1 Ġw. 5:19) Hekk kif nersqu lejn it-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar, ir-​rabja taʼ Satana qed tiżdied għaliex hu baqagħlu biss “żmien qasir.” (Riv. 12:12) Għalhekk, nistgħu nistennew li dawk li huma influwenzati mix-​Xitan isiru iktar u iktar diżonesti, speċjalment lejn dawk li jippromwovu l-​qima vera.

2 Meta l-​mezzi tax-​xandir isemmu lill-​qaddejja taʼ Ġeħova u t-​twemmin tagħhom, kultant jirrapportaw biss nofs veritajiet jew saħansitra jgħidu gideb sfaċċat. Titli fil-​gazzetti, dokumentarji fuq it-​televixin, u paġni fuq l-​Internet jintużaw biex ixerrdu stejjer foloz. Xi nies jiddiżappuntaw ruħhom jew saħansitra jirrabjaw għaliex jemmnu dan il-​gideb mingħajr ma l-​ewwel jiċċekkjaw il-​fatti.

3. X’jistaʼ jgħinna biex ma niġux imqarrqin?

3 Għall-​grazzja t’Alla, aħna nistgħu niddefendu ruħna mill-​gideb taʼ Satana. Biex tgħinna ħalli ma niġux imqarrqin għandna l-​Bibbja, li “tiswa biex . . . tikkoreġi.” (2 Tim. 3:16) Hu sinifikanti li mill-​kitbiet tal-​appostlu Pawlu nitgħallmu li xi Kristjani f’Tessalonika tal-​ewwel seklu ġew żvijati għax aċċettaw dak li ma kienx veru. Hu ħeġġiġhom ‘biex ma jitilfux malajr ir-​raġuni tagħhom.’ (2 Tess. 2:1, 2) Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mit-​twissija kollha mħabba taʼ Pawlu, u kif nistgħu napplikawhom għas-​sitwazzjoni tagħna?

TWISSIJIET F’WAQTHOM

4. Il-​Kristjani f’Tessalonika kif ġew imwissijin dwar il-​miġja taʼ “jum Ġeħova,” u aħna kif qed niġu mwissijin?

4 Fl-​ewwel ittra tiegħu lill-​kongregazzjoni f’Tessalonika, Pawlu wissieha dwar il-​miġja taʼ “jum Ġeħova.” Hu ma riedx li ħutu jkunu fid-​dlam u mhux preparati. Minflok, ħeġġiġhom bħala “wlied id-​dawl” biex ‘jibqgħu mqajmin u f’sensihom.’ (Aqra l-​1 Tessalonikin 5:1-​6.) Illum, aħna nistennew il-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Din se tkun il-​bidu tal-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova. B’ħajr lil Alla, aħna nifhmu kif Ġeħova se jwettaq l-​iskop tiegħu. Ukoll, permezz tal-​kongregazzjoni, nirċievu regolarment tfakkiriet f’waqthom li jgħinuna nibqgħu f’sensina. Jekk dawn it-​twissijiet ripetuti nisimgħuhom bir-​reqqa, nistgħu nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex naqdu lil Alla “bil-​qawwa tar-​raġuni” tagħna.—Rum. 12:1.

Pawlu kiteb ittri li taw twissijiet f’waqthom lill-​Kristjani (Ara paragrafi 4, 5)

5, 6. (a) Fit-​tieni ittra tiegħu lit-​Tessalonikin, Pawlu dwar xiex tkellem? (b) Alla x’se jagħmel dalwaqt permezz taʼ Ġesù, u x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

5 Ftit wara li bagħat l-​ewwel ittra tiegħu lill-​Kristjani Tessalonikin, Pawlu bagħtilhom it-​tieni ittra. F’din l-​ittra ġibed l-​attenzjoni lejn it-​tribulazzjoni li kienet ġejja meta l-​Mulej Ġesù kellu jwettaq ġudizzju divin fuq “dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-​aħbar tajba.” (2 Tess. 1:6-​8) Dak li issa hu kapitlu 2 taʼ din l-​ittra jirrivela li xi wħud f’dik il-​kongregazzjoni kienu ‘eċċitaw ruħhom’ dwar jum Ġeħova sal-​punt li kienu jemmnu li l-​wasla tiegħu kienet imminenti. (Aqra t-​2 Tessalonikin 2:1, 2.) Dawn il-​Kristjani tal-​bidu kellhom biss fehma limitata dwar it-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova. Pawlu dan ammettieh meta iktar tard kiteb dan li ġej dwar il-​profezija: “L-​għarfien li għandna hu limitat u l-​ipprofetizzar tagħna hu limitat; imma meta jasal dak li hu sħiħ, dak li hu limitat jinġieb fix-​xejn.” (1 Kor. 13:9, 10) Imma t-​twissijiet imnebbħin miktubin minn Pawlu, l-​appostlu Pietru, u aħwa leali oħrajn taʼ dak iż-​żmien setgħu jarmawhom biex iżommu l-​fidi tagħhom.

6 Biex jikkoreġi l-​affarijiet, Pawlu ġie mnebbaħ ħalli jispjega li apostasija kbira u “l-​bniedem bla liġi” kellhom jidhru qabel jum Ġeħova.a Wara dan, fiż-​żmien magħżul minn Alla, il-​Mulej Ġesù kellu ‘jġib fix-​xejn’ lil dawk kollha li jkunu ġew imqarrqin. L-​appostlu spjega r-​raġuni għal dan il-​ġudizzju fuqhom; kien għax “m’aċċettawx l-​imħabba għall-​verità.” (2 Tess. 2:3, 8-​10) Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Kemm inħobbha l-​verità? Nistudja jien din ir-​rivista u pubblikazzjonijiet oħrajn provduti għan-​nies t’Alla mad-​dinja kollha sabiex inżomm ruħi aġġornat mal-​fehma preżenti tat-​tagħlim tal-​Bibbja?’

AGĦŻEL LIL SĦABEK BL-​GĦAQAL

7, 8. (a) Il-​Kristjani tal-​bidu maʼ liema perikli kellhom jissieltu? (b) Illum, x’inhu taʼ periklu speċjalment għall-​Kristjani veri?

7 Irridu nammettu li l-​Kristjani kellhom jiffaċċjaw perikli oħrajn minbarra dawk mill-​apostati u t-​tagħlim tagħhom. Pawlu kiteb lil Timotju li “l-​imħabba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.” L-​appostlu indika li “billi rawmu din l-​imħabba, xi wħud ġew żvijati mill-​fidi u ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.” (1 Tim. 6:10) “L-​għemejjel tal-​laħam” ukoll dejjem kellhom ikunu taʼ periklu.—Gal. 5:19-​21.

8 Iżda, int tistaʼ tapprezza għala Pawlu kellu jwissi b’mod sod lit-​Tessalonikin dwar kemm kienu taʼ theddida serja dawk l-​irġiel li f’post ieħor sejħilhom “appostli foloz.” Fosthom kien hemm irġiel li qalu “affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.” (2 Kor. 11:4, 13; Atti 20:30) Ġesù iktar tard faħħar lill-​kongregazzjoni f’Efesu għax ma setgħux ‘iġerrgħu lill-​ħżiena.’ Dawn l-​Efesin ‘għarblu’ lil individwi li attwalment kienu appostli foloz, fil-​fatt, giddibin. (Riv. 2:2) Huwa taʼ interess li fit-​tieni ittra tiegħu lit-​Tessalonikin, Pawlu ta din it-​twissija: “Issa qed nordnawlkom, aħwa, f’isem il-​Mulej Ġesù Kristu, biex twarrbu minn kull ħu li hu miexi bid-​diżordni.” Imbagħad semma speċifikament lill-​Kristjani li ‘ma ridux jaħdmu.’ (2 Tess. 3:6, 10) Mela jekk kellhom jevitaw lil xi ħadd li kien għażżien u li ma riedx jaħdem, kemm iktar kellhom jevitaw lil xi ħadd li beda jġib ruħu bħal apostata! Iva, sħubija mill-​qrib maʼ individwi bħal dawn lura f’dak iż-​żmien kienet speċjalment perikoluża u riedet tiġi evitata—u dan hu veru wkoll illum.—Prov. 13:20.

9. Għala għandna noqogħdu attenti jekk xi ħadd jibda jaqtaʼ dwar affarijiet li mhumiex spjegati fil-​Bibbja jew jikkritika lill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

9 Qed noqorbu lejn it-​tribulazzjoni l-​kbira u t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar. Għalhekk, dawk it-​twissijiet imnebbħin li ngħataw fl-​ewwel seklu huma iktar sinifikanti. Aħna żgur li ma rridux ‘nitilfu l-​iskop’ tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova u nitilfu ċ-​ċans taʼ ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-​sema u kemm jekk fuq l-​art. (2 Kor. 6:1) Għandna noqogħdu attenti ferm jekk xi ħadd li jattendi l-​laqgħat tagħna jipprova jħajjarna naqtgħu dwar affarijiet li mhumiex spjegati fil-​Bibbja jew biex nikkritikaw lill-​anzjani u lil oħrajn li jaqdu lil Alla.—2 Tess. 3:13-​15.

“IBQGĦU FIT-​TRADIZZJONIJIET”

10. Il-​Kristjani f’Tessalonika ġew imħeġġin biex iżommu maʼ liema tradizzjonijiet?

10 Pawlu ħeġġeġ lil ħutu f’Tessalonika biex ‘iżommu sod’ u biex ikomplu jagħmlu dak li kienu tgħallmu. (Aqra t-​2 Tessalonikin 2:15.) X’kienu “t-​tradizzjonijiet” li kienu ġew mgħallmin? Ċertament li mhux dawk li tħaddan ir-​reliġjon falza u li jiġu mgħallmin bħallikieku huma taʼ valur daqs dak li nsibu fl-​Iskrittura. Minflok, Pawlu kien qed jirreferi għat-​tagħlim li hu u oħrajn kienu rċivew mingħand Ġesù kif ukoll dak li Alla qanqal lill-​appostlu biex jikteb, u li ħafna minnu sar parti mill-​Iskrittura mnebbħa. Pawlu faħħar lil ħutu fil-​kongregazzjoni f’Korintu għax, bħalma kiteb, “f’kollox tiftakru fija u qed iżżommu sod mat-​tradizzjonijiet eżatt kif għaddejthomlkom.” (1 Kor. 11:2) Dan it-​tagħlim ġie minn sors taʼ min jorbot fuqu u tabilħaqq setaʼ jiġi fdat.

11. Xi wħud b’liema modi jistgħu jiġu effettwati mill-​qerq?

11 Meta kien qed jikteb lill-​Ebrej, Pawlu ġibed l-​attenzjoni lejn żewġ modi kif Kristjan jistaʼ jitlef il-​fidi u ma jibqax sod. (Aqra Ebrej 2:1; 3:12.) Hu tkellem dwar li “ninġarru mal-​kurrent” u li ‘nitbiegħdu.’ Għall-​ewwel, lanqas biss tinduna li dgħajsa tkun qed tinġarr mal-​kurrent. Bil-​mod il-​mod, id-​distanza bejn id-​dgħajsa u x-​xatt tiżdied. Mill-​banda l-​oħra, ir-​raġel li jimbotta d-​dgħajsa tiegħu minn max-​xatt ikun qed ibegħedha bl-​azzjonijiet tiegħu stess. Iż-​żewġ eżempji juru dak li jistaʼ jiġri jekk xi ħadd iħalli lilu nnifsu jiġi mqarraq u jħalli l-​fiduċja tiegħu fil-​verità tiddgħajjef.

12. X’jistaʼ jagħmel ħsara lill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

12 Xi wħud mit-​Tessalonikin forsi ħallew lilhom infushom jiġu mqarrqin. U xi ngħidu għal-​lum? Ħafna attivitajiet jistgħu jiħdulna ħafna mill-​ħin. Aħseb dwar kemm tqattaʼ ħin biex iżżomm kuntatt permezz tan-​netwerks soċjali, biex taqra u twieġeb l-​e-​mails u l-​messaġġi, biex tieħu sehem f’xi passatemp, jew biex iżżomm ruħek aġġornat mal-​isports. Kwalunkwe waħda minn dawn l-​attivitajiet tistaʼ tfixkel lil Kristjan u ddgħajjiflu ż-​żelu. Xi jkun ir-​riżultat? Jistgħu jmorru minn taħt it-​talb mill-​qalb, l-​istudju tal-​Kelma t’Alla, l-​attendenza għal-​laqgħat, u l-​ippritkar tal-​aħbar tajba. X’nistgħu nagħmlu sabiex ma nitilfux malajr ir-​raġuni tagħna?

PROTEZZJONI KONTRA LI NITILFU R-​RAĠUNI

13. Kif tbassar il-​Bibbja, x’inhi l-​attitudni taʼ ħafna nies, u x’jistaʼ jipproteġi l-​fidi tagħna?

13 Ħaġa waħda li żgur li jeħtieġ nagħmlu hi li nibqgħu konxji taż-​żmien li qed ngħixu fih u l-​effett li jistaʼ jkun hemm jekk nassoċjaw maʼ dawk li ma jirrikonoxxux li dawn huma “l-​aħħar jiem.” L-​appostlu Pietru kiteb hekk rigward dan il-​perijodu: “Jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt u jieħdu kollox biż-​żuffjett, u jimxu skond ix-​xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-​preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dakinhar li missirijietna raqdu fil-​mewt, kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.’” (2 Pt. 3:3, 4) Il-​qari tagħna taʼ kuljum u l-​istudju regulari tal-​Kelma t’Alla se jgħinuna niffokaw fuq fejn aħna fil-​medda taż-​żmien—iżommuna konxji li qegħdin “fl-​aħħar jiem.” L-​apostasija mbassra bdiet żmien twil ilu u għadha tippersisti sal-​lum. “Il-​bniedem bla liġi” għadu jeżisti u jopponi lill-​qaddejja t’Alla. Għaldaqstant, m’għandna qatt ninsew li jum Ġeħova hu qrib.—Sof. 1:7.

Preparazzjoni tajba u sehem fil-​ministeru jistgħu jgħinuna biex ma nitilfux malajr ir-​raġuni tagħna (Ara paragrafi 14, 15)

14. Li jkollna ħafna x’nagħmlu fis-​servizz t’Alla, kif inhu taʼ protezzjoni?

14 L-​esperjenza wriet li mod primarju kif noqogħdu attenti u ma nitilfux ir-​raġuni tagħna hu li nieħdu sehem regolarment fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna. B’hekk, meta Kristu Ġesù, il-​Kap tal-​kongregazzjoni, ikkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, u jgħallmuhom josservaw l-​affarijiet li kien għallimhom, kien qed jagħti parir li kellu jipproteġi lis-​segwaċi tiegħu. (Mt. 28:19, 20) Biex nobdu dan il-​kmand jeħtieġ li nkunu żelużi fix-​xogħol tal-​ippritkar. Tistaʼ int timmaġina li l-​aħwa f’Tessalonika jkunu sodisfatti li jippritkaw u jgħallmu biss għax bilfors kellhom jagħmlu hekk? Ftakar fil-​kliem li qalilhom Pawlu: “Titfux in-​nar taʼ l-​ispirtu. Tiddisprezzawx l-​ipprofetizzar.” (1 Tess. 5:19, 20) U kemm huma eċċitanti l-​profeziji li nistudjaw u naqsmu m’oħrajn!

15. Liema affarijiet li jgħinuna nistgħu nikkunsidraw matul il-​qima tal-​familja?

15 Ovvjament, aħna rridu ngħinu lill-​familji tagħna jiżviluppaw l-​abbiltajiet tagħhom fis-​servizz tal-​għalqa. Ħafna aħwa sabu li mod wieħed kif iwettqu dan hu billi jwarrbu parti mill-​qima tal-​familja biex jiffokaw fuq il-​ministeru. Tistaʼ ssibu t’għajnuna li tiddiskuti kif membri tal-​familja se jikkultivaw l-​interess li jkunu sabu. Fuqiex se jitkellmu fiż-​żjara li jmiss? X’jistgħu jgħidu li se jġiegħel lill-​inkwilin biex ikun irid jitgħallem iktar? Meta jkun l-​aħjar ħin biex jagħmlu ż-​żjajjar? Ħafna jiddedikaw ukoll ftit mill-​ħin matul il-​qima tal-​familja għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni sabiex ikunu konxji taʼ dak li se jiġi kunsidrat f’dawn il-​laqgħat. Tistaʼ tagħmel iktar biex tipprepara ħalli tipparteċipa? Il-​parteċipazzjoni tiegħek se ssaħħaħlek il-​fidi, u b’hekk tgħinek biex ma titlifx ir-​raġuni tiegħek. (Salm 35:18) Iva, il-​qima tal-​familja se tipproteġina milli naqtgħu dwar affarijiet li mhumiex spjegati fil-​Bibbja u milli jkollna d-​dubji.

16. Il-​Kristjani midlukin x’inċentiv għandhom biex ma jitilfux il-​qawwa tar-​raġuni tagħhom?

16 Meta nirriflettu fuq il-​mod kif Ġeħova bierek lill-​poplu tiegħu matul is-​snin biex jifhmu iktar il-​profezija tal-​Bibbja, aħna nistgħu napprezzaw xi premju meraviljuż għandna quddiemna. Il-​midlukin għandhom il-​prospett li jissieħbu maʼ Kristu fis-​sema. X’inċentiv biex ma jitilfux il-​qawwa tar-​raġuni tagħhom! Ċertament li nistgħu napplikaw għalihom il-​kliem taʼ Pawlu miktub lit-​Tessalonikin: “Aħna obbligati li dejjem irroddu ħajr lil Alla għalikom, aħwa maħbubin minn Ġeħova, għax Alla għażilkom . . . billi qaddiskom bl-​ispirtu u bil-​fidi tagħkom fil-​verità.”—2 Tess. 2:13.

17. X’inkuraġġiment issib fil-​kliem tat-​2 Tessalonikin 3:1-​5?

17 Dawk li jħarsu ’l quddiem lejn ħajja taʼ dejjem fuq l-​art għandhom bl-​istess mod jistinkaw biex ma jitilfux malajr ir-​raġuni tagħhom. Jekk għandek it-​tama li tgħix fuq l-​art, daħħal f’qalbek l-​inkuraġġiment taʼ mħabba li kiteb Pawlu għal sħabu l-​midlukin f’Tessalonika. (Aqra t-​2 Tessalonikin 3:1-​5.) Kull wieħed u waħda minna għandu japprezza profondament dan il-​kliem taʼ mħabba. Iva, l-​ittri lit-​Tessalonikin fihom twissijiet vitali kontra li naqtgħu dwar affarijiet li mhumiex spjegati fil-​Bibbja u li nemmnu ideat dubjużi. Peress li qed ngħixu qrib ferm it-​tmiem, dawn huma twissijiet li l-​Kristjani japprezzawhom ħafna llum.

a Kif naqraw f’​Atti 20:29, 30, Pawlu indika li minn ġol-​kongregazzjonijiet Kristjani, kellhom “iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.” L-​istorja tikkonferma li maż-​żmien żviluppat distinzjoni bejn il-​kleru u bejn il-​lajċi. Wara s-​sena 200 E.K., kien diġà ċar li l-​kleru tal-​Kristjaneżmu bħala grupp kien “il-​bniedem bla liġi.”—Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Mejju, 1990, paġni 3-​7.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja