Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ittri lit-Tessalonikin u lil Timotju
IL-KONGREGAZZJONI l-ġdida f’Tessalonika esperjenzat oppożizzjoni ħarxa minn mindu ġiet ifformata meta l-appostlu Pawlu mar hemmhekk. Għalhekk, meta Timotju—li forsi għandu fuq l-20 sena—imur lura b’rapport tajjeb, Pawlu jitqanqal biex jikteb ittra lit-Tessalonikin sabiex ifaħħarhom u jinkuraġġihom. Din l-ittra, li wisq probabbli nkitbet lejn l-aħħar tas-sena 50 E.K., hija l-ewwel waħda mill-kitbiet ispirati taʼ Pawlu. Ftit wara, hu jikteb it-tieni ittra lill-Kristjani f’Tessalonika. Din id-darba, hu jikkoreġi idea żbaljata li għandhom xi wħud u jħeġġeġ lill-aħwa jieqfu sodi fil-fidi.
Madwar għaxar snin wara, Pawlu jinsab fil-Maċedonja u Timotju f’Efesu. Pawlu jikteb lil Timotju u jinkuraġġih jibqaʼ f’Efesu u jkompli jitqabad ġlieda spiritwali kontra għalliema foloz fil-kongregazzjoni. Meta tqum mewġa taʼ persekuzzjoni fuq il-Kristjani wara li nar għamel ħerba f’Ruma fis-sena 64 E.K., Pawlu jikteb it-tieni ittra tiegħu lil Timotju. Din hi l-aħħar ittra mill-kitbiet ispirati tiegħu. Aħna llum nistgħu nibbenefikaw mill-inkuraġġiment u l-pariri li ngħataw f’dawn l-erbaʼ ittri taʼ Pawlu.—Ebr. 4:12.
‘IBQAʼ MQAJJEM’
Pawlu jfaħħar lit-Tessalonikin għall-‘għemil tagħhom li ġej mill-fidi, it-taħbit tagħhom bl-imħabba, u s-sabar tagħhom.’ Hu jgħidilhom li huma ‘t-tama u l-ferħ u l-kuruna taʼ l-hena’ tiegħu.—1 Tess. 1:3; 2:19.
Wara li jinkuraġġixxi lill-Kristjani f’Tessalonika biex ifarrġu lil xulxin bit-tama taʼ l-irxoxt, Pawlu jgħid: “Jum Ġeħova ġej eżattament bħal ħalliel bil-lejl.” Hu jagħtihom il-parir biex ‘jibqgħu mqajmin’ u f’sensihom.—1 Tess. 4:16-18; 5:2, 6.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
4:15-17—Min ‘ittieħed fis-sħab biex jiltaqaʼ mal-Mulej fl-ajru,’ u dan kif jiġri? Dawn huma Kristjani midlukin li qed jgħixu matul il-preżenza taʼ Kristu fil-qawwa tas-Saltna. Huma ‘jiltaqgħu mal-Mulej’ Ġesù fil-qasam inviżibbli tas-sema. Iżda, biex jesperjenzaw dan, l-ewwel jeħtieġ li jmutu u jiġu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti. (Rum. 6:3-5; 1 Kor. 15:35, 44) Il-preżenza taʼ Kristu diġà bdiet, u għalhekk il-Kristjani midlukin li jmutu llum ma jibqgħux mejtin. Huma ‘jittieħdu,’ jew jiġu mqajmin mill-ewwel.—1 Kor. 15:51, 52.
5:23—Pawlu x’ried ifisser meta talab biex ‘l-ispirtu u r-ruħ u l-ġisem taʼ l-aħwa jkunu sħaħ’? Pawlu kien qed jirreferi għall-ispirtu, ir-ruħ, u l-ġisem tal-kongregazzjoni Kristjana, magħmula minn ħafna membri, li kienet tinkludi l-Kristjani midlukin bl-ispirtu f’Tessalonika. Minflok ma sempliċement talab li dik il-kongregazzjoni tkun sħiħa, hu talab biex l-“ispirtu,” jew id-dispożizzjoni mentali, tagħha jkun sħiħ. Hu talab ukoll għar-“ruħ,” il-ħajja, jew l-eżistenza, tagħha, u għall-“ġisem” tagħha—il-Kristjani midlukin bħala ġemgħa. (1 Kor. 12:12, 13) B’hekk, it-talba turi kemm Pawlu kien konċernat dwar il-kongregazzjoni.
Lezzjonijiet Għalina:
1:3, 7; 2:13; 4:1-12; 5:15. Mod effettiv kif nagħtu parir huwa billi nfaħħru lil dak li jkun u ninkuraġġuh biex imur aħjar.
4:1, 9, 10. L-aduraturi taʼ Ġeħova għandhom jibqgħu jagħmlu progress spiritwali.
5:1-3, 8, 20, 21. Hekk kif joqrob jum Ġeħova, għandna “nibqgħu f’sensina u nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba u bħala elmu t-tama tas-salvazzjoni.” Iktar minn hekk, għandna nagħtu kas bis-serjetà l-Kelma profetika t’Alla, il-Bibbja.
‘ŻOMM SOD’
Xi wħud fil-kongregazzjoni jgħawġu dak li qal Pawlu fl-ewwel ittra tiegħu u mid-dehra jibdew isostnu li “l-preżenza tal-Mulej” hi fil-qrib. Sabiex jikkoreġi din l-idea, Pawlu jirrakkonta x’għandu ‘jiġi l-ewwel.’—2 Tess. 2:1-3.
Pawlu jħeġġeġ: “Żommu sod u ibqgħu fit-tradizzjonijiet li kontu mgħallmin.” Hu jagħtihom ordnijiet ‘biex iwarrbu minn kull ħu li hu miexi bid-diżordni.’—2 Tess. 2:15; 3:6.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:3, 8—Min hu l-“bniedem bla liġi,” u kif se jinġieb fix-xejn? Dan “il-bniedem” huwa magħmul mill-klassi tal-kleru tal-Kristjaneżmu. Il-wieħed li għandu l-awtorità biex jiddikjara l-ġudizzji t’Alla kontra l-ħżiena u jagħti l-ordnijiet biex issirilhom l-esekuzzjoni hu “l-Kelma”—Ġesù Kristu, il-Kelliemi Ewlieni t’Alla. (Ġw. 1:1) Għalhekk, jistaʼ jingħad li Ġesù se jeqred lill-bniedem bla liġi “bl-ispirtu [il-forza li timmotiva] taʼ fommu.”
2:13, 14—Il-Kristjani midlukin kif ġew ‘magħżulin mill-bidu għas-salvazzjoni’? Il-midlukin bħala klassi ġew determinati minn qabel meta Ġeħova għamel arranġamenti biex nisel il-mara jisħaq ras Satana. (Ġen. 3:15) Ġeħova ddikjara wkoll liema ħtiġijiet għandhom jilħqu, ix-xogħol li kellhom jagħmlu, u l-provi li kellhom jgħaddu minnhom. B’hekk, hu sejħilhom “għal dan l-għan.”
Lezzjonijiet Għalina:
1:6-9. Ġeħova jagħżel fuq min jesegwixxi ġudizzju.
3:8-12. Il-fatt li jum Ġeħova huwa qrib m’għandux jintuża bħala skuża biex ma naħdmux sabiex nipprovdu għall-bżonnijiet tagħna u mmantnu lilna nfusna fil-ministeru. Jekk ma jkollna xejn x’nagħmlu nistgħu naqgħu fl-għażż, u dan iġegħelna nsiru ‘wħud li jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor.’—1 Pt. 4:15.
“GĦASSES DAK LI ĠEJT FDAT BIH”
Pawlu jistruwixxi lil Timotju biex ‘ikompli jitqabad fil-gwerra t-tajba; u jżomm il-fidi u kuxjenza tajba.’ L-appostlu juri x’inhuma l-kwalifiki għall-irġiel maħturin fil-kongregazzjoni. Pawlu jgħid ukoll lil Timotju biex iwarrab “l-istejjer foloz li jipprofanaw dak li hu qaddis.”—1 Tim. 1:18, 19; 3:1-10, 12, 13; 4:7.
“Tikkritikax bl-aħrax lil raġel xiħ,” jikteb Pawlu. Hu jħeġġeġ lil Timotju: “Għasses dak li ġejt fdat bih u tbiegħed mid-diskors vojt li jipprofana dak li hu qaddis u mill-kontradizzjonijiet taʼ dak li b’mod falz jissejjaħ ‘għarfien.’”—1 Tim. 5:1; 6:20.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:18; 4:14—Liema “tbassir” sar dwar Timotju? Jistaʼ jkun li dan it-“tbassir” kien jirreferi għal ċerti profeziji dwar l-irwol futur taʼ Timotju fil-kongregazzjoni Kristjana li Pawlu lissen taħt ispirazzjoni meta żar Listra matul it-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu. (Atti 16:1, 2) Billi bbażaw fuq dan it-“tbassir,” ix-xjuħ tal-kongregazzjoni ‘qiegħdu idejhom’ fuq iż-żagħżugħ Timotju u għażluh għal servizz speċifiku.
2:15—Mara kif “tinżamm salva billi tiled it-tfal”? Jekk mara jkollha t-tfal u tieħu ħsieb lilhom u d-dar tistaʼ tinżamm “salva” milli ssir persuna li ‘sseksek u tindaħal fi ħwejjeġ ħaddieħor’ għax ma ssib xejn x’tagħmel.—1 Tim. 5:11-15.
3:16—X’inhu s-sigriet sagru tad-devozzjoni lejn Alla? Jekk l-ubbidjenza perfetta lejn is-sovranità taʼ Ġeħova hijiex possibbli għall-bnedmin jew le kien sigriet għal żmien twil. Ġesù pprovda t-tweġiba billi żamm integrità perfetta lejn Alla sa mewtu.
6:15, 16—Dan il-kliem japplika għal Alla Ġeħova jew għal Ġesù Kristu? Dan japplika għal Ġesù Kristu, il-wieħed li dan il-kliem jiddeskrivi l-manifestazzjoni tiegħu. (1 Tim. 6:14) Meta mqabbel mal-bnedmin li jaħkmu bħala slaten u bħala sidien, Ġesù huwa ‘l-uniku Setgħan,’ u hu biss għandu l-immortalità. (Dan. 7:14; Rum. 6:9) Minn meta telaʼ fis-smewwiet inviżibbli, ħadd fuq l-art ma ‘jistaʼ jarah’ b’għajnejn letterali.
Lezzjonijiet Għalina:
4:15. Kemm jekk sirna Kristjani dan l-aħħar u kemm jekk ilna, għandna nistinkaw biex nagħmlu progress u nkomplu mexjin ’il quddiem spiritwalment.
6:2. Jekk aħna impjegati maʼ xi ħadd taʼ l-istess twemmin, minflok ma nieħdu vantaġġ minnu, għandna naqduh saħansitra iktar minn qalbna milli kieku qed naħdmu għal xi ħadd li m’huwiex fil-kongregazzjoni.
“IPPRIEDKA L-KELMA U AGĦMEL DAN B’URĠENZA”
Sabiex jipprepara lil Timotju għaż-żminijiet diffiċli li kellu quddiemu, Pawlu jikteb: “Alla ma taniex spirtu beżżiegħ, imma spirtu taʼ qawwa u taʼ mħabba u taʼ moħħ f’loku.” Timotju jingħata l-parir: “Ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd, kwalifikat biex jgħallem.”—2 Tim. 1:7; 2:24.
“Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu,” Pawlu jħeġġeġ lil Timotju. It-tagħlim apostata kien qed jinfirex, u għalhekk l-appostlu jagħti parir lill-indokratur iżgħar minnu: “Ippriedka l-kelma u agħmel dan b’urġenza . . . , widdeb, ċanfar, ħeġġeġ.”—2 Tim. 3:14; 4:2.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:13—X’inhu “l-mudell taʼ kliem mimli saħħa”? Il-“kliem mimli saħħa” huwa “dak tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu”—it-tagħlim Kristjan veru. (1 Tim. 6:3) Dak li Ġesù għallem u għamel kien fi qbil mal-Kelma t’Alla, u għalhekk l-espressjoni “kliem mimli saħħa” tistaʼ tirreferi wkoll għat-tagħlim kollu tal-Bibbja. Dan it-tagħlim jistaʼ jgħinna naraw dak li Ġeħova jeħtieġ minna. Aħna nibqgħu nżommu maʼ dan il-mudell billi nipprattikaw dak li tgħallimna mill-Bibbja.
4:13—X’kienu “l-parċmini”? Il-kelma “parċmini” tirreferi għall-ġilda li kienu jużaw biex jiktbu fuqha. Huwa possibbli li Pawlu kien qed jitlob xi porzjonijiet taʼ l-Iskrittura Ebrajka biex ikun jistaʼ jistudjahom waqt li kien priġunier f’Ruma. Xi ftit mir-rombli setgħu kienu magħmulin mill-papiru imma xi oħrajn mill-parċmina.
Lezzjonijiet Għalina:
1:5; 3:15. Ir-raġuni fundamentali għala Timotju kellu fidi fi Kristu Ġesù, jiġifieri, fidi li kienet tinfluwenza dak kollu li Timotju kien jagħmel, kienet it-tagħlim mill-Iskrittura li rċieva minn mindu kien tarbija. Kemm huwa vitali li l-membri tal-familja jaħsbu bis-serjetà dwar kif qed iwettqu din ir-responsabbiltà li għandhom lejn Alla u t-tfal tagħhom!
1:16-18. Meta sħabna fit-twemmin jgħaddu minn provi, jiffaċċjaw persekuzzjoni, jew jintefgħu l-ħabs, ejja nitolbu għalihom u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinuhom.—Prov. 3:27; 1 Tess. 5:25.
2:22. Il-Kristjani, speċjalment iż-żgħażagħ, m’għandhomx ikunu tant preokkupati bil-bodybuilding, bl-isports, bil-mużika, bid-divertiment, bil-passatempi, bl-ivvjaġġar, b’konversazzjonijiet bla skop, u b’affarijiet bħal dawn, li ma jibqgħalhomx ħin għall-attivitajiet spiritwali.
[Stampa f’paġna 31]
Liema waħda mill-ittri ispirati li kiteb Pawlu nkitbet l-aħħar?