LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 8/15 pp. 11-15
  • Uża l-Kelma t’Alla—Hi ħajja!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uża l-Kelma t’Alla—Hi ħajja!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “X’GĦANDEK F’IDEK?”
  • AQRA SKRITTURA MAGĦŻULA SEW!
  • IDDISKUTI SUĠĠETT LI N-​NIES JAĦSBU DWARU
  • UŻA L-​QAWWA TAL-​KELMA T’ALLA FIL-​MINISTERU TIEGĦEK
  • Uża l-Fuljetti Biex Ixxerred l-Aħbar Tajba
    Il-Ministeru tas-Saltna—2012
  • Uża l-Fuljetti biex Tibda Konversazzjonijiet
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Disinn eċċitanti għall-fuljetti l-ġodda!
    Il-Ministeru tas-Saltna—2014
  • Għala l-Fuljetti Huma Daqshekk Prezzjużi għall-Ministeru Tagħna Llum
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 8/15 pp. 11-15
Il-ħatar taʼ Mosè jinbidel f’serp quddiem il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu

Uża l-Kelma t’Alla—Hi ħajja!

“Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—EBR. 4:12.

INT X’TAĦSEB?

  • Kif tistaʼ tagħmel il-​preżentazzjonijiet tiegħek fil-​ministeru iktar effettivi?

  • Il-​fuljetti kif jgħinuna naqraw mill-​Bibbja fl-​ewwel żjara u fi żjajjar lura?

  • Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Pawlu meta nippreparaw għall-​ministeru?

1, 2. Ġeħova liema inkarigu ta lil Mosè, u x’aċċertah?

TISTAʼ timmaġina kif kont tħossok li kieku kellek tidher quddiem l-​iktar ħakkiem setgħan fuq l-​art u tiddefendi l-​poplu taʼ Ġeħova? X’aktarx kont tħossok ansjuż, mhux kapaċi, u mbeżżaʼ. Kieku kif kont tipprepara l-​preżentazzjoni tiegħek? Kont tkun kapaċi titkellem b’awtorità bħala messaġġier t’Alla?

2 Mosè kien proprju f’din is-​sitwazzjoni. Għalkemm kien “l-​iktar [raġel] ġwejjed mill-​bnedmin kollha li kienu fuq wiċċ l-​art,” Ġeħova bagħtu għand il-​Fargħun biex jeħles lill-​poplu t’Alla mill-​moħqrija u l-​jasar fl-​Eġittu. (Num. 12:3) Bħalma kienu se juru l-​ġrajjiet, il-​Fargħun kien raġel insolenti u kburi. (Eżo. 5:1, 2) Madankollu, Ġeħova ried li Mosè jordna lill-​Fargħun biex jeħles lil miljuni mill-​ilsiera tiegħu biex jitilqu mill-​pajjiż. Nistgħu nifhmu għala Mosè staqsa lil Ġeħova: “Jien min jien biex immur għand il-​Fargħun u noħroġ lil ulied Israel mill-​Eġittu?” Mosè x’aktarx ħass li hu ma kienx kapaċi jkellem lill-​Fargħun. Imma Alla aċċertah li ma kienx se jħallih waħdu. Ġeħova qallu: “Jien inkun miegħek.”—Eżo. 3:9-​12.

3, 4. (a) Mosè minn xiex beżaʼ? (b) Għala s-​sentimenti tiegħek jistgħu jkunu bħal taʼ Mosè?

3 Mosè minn xiex beda jibżaʼ? Evidentement, hu beżaʼ li l-​Fargħun ma kienx se jilqaʼ jew jagħti kas rappreżentant t’Alla Ġeħova. Mosè beda jibżaʼ wkoll li niesu stess ma kinux se jemmnu li kien Ġeħova li ħatru biex joħroġhom mill-​Eġittu. B’hekk, Mosè qal lil Ġeħova: “Imma suppost li ma jemmnunix u ma jisimgħux minn kliemi, għaliex jgħiduli, ‘Ġeħova ma deherlekx.’”—Eżo. 3:15-​18; 4:1.

4 It-​tweġiba li Ġeħova ta lil Mosè u l-​ġrajjiet li seħħew wara jistgħu jgħallmu lil kull wieħed minna lezzjoni importanti ħafna. Veru, jaf qatt ma jkollok għalfejn tidher quddiem uffiċjal għoli tal-​gvern. Imma ġieli sibtha bi tqila biex titkellem dwar Alla u s-​Saltna tiegħu maʼ nies fit-​territorju tiegħek? Jekk inhu hekk, ikkunsidra x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Mosè.

“X’GĦANDEK F’IDEK?”

5. Ġeħova x’poġġa f’id Mosè, u dan kif għenu biex ikun kunfidenti? (Ara l-​ewwel stampa.)

5 Meta Mosè qal lil Ġeħova li kien qed jibżaʼ li n-​nies ma kinux se jemmnuh, Alla pprepara lil Mosè sabiex jirnexxi f’dak li kien se jagħmel. Il-​Bibbja tgħid: “Imbagħad Ġeħova [qal lil Mosè]: ‘X’għandek f’idek?’ u hu wieġbu: ‘Ħatar.’ Imbagħad qallu: ‘Ixħtu fl-​art.’ Għalhekk, xeħtu fl-​art, u l-​ħatar sar serp; u Mosè ħarab minnu. Ġeħova issa qal lil Mosè: ‘Midd idek u aqbdu minn denbu.’ Għalhekk, medd idu u qabdu, u sar ħatar fil-​pala taʼ idu. U kompla jgħidlu, ‘Sabiex huma jemmnu li deherlek Ġeħova.’” (Eżo. 4:2-​5) Iva, Alla poġġa f’id Mosè l-​mezz li bih kien se jagħti prova li l-​messaġġ tiegħu kien ġej mingħand Ġeħova. Dak li f’għajnejn ħaddieħor deher li kien sempliċi ħatar, sar xi ħaġa ħajja permezz tal-​qawwa t’Alla. Dan il-​miraklu kien se jagħti prova li Mosè kien il-​messaġġier t’Alla u li kellu l-​awtorità Mingħandu. Ġeħova qallu: “Dan il-​ħatar trid tieħdu f’idek biex bih twettaq is-​sinjali.” (Eżo. 4:17) B’din il-​prova, Mosè setaʼ b’mod kunfidenti jkellem kemm lill-​Fargħun kif ukoll lill-​poplu t’Alla.—Eżo. 4:29-​31; 7:8-​13.

6. (a) X’għandu jkollna f’idna meta nippritkaw, u għala? (b) Spjega kif “il-​kelma t’Alla hi ħajja” u kif inhi “qawwija.”

6 Nistgħu niġu mistoqsijin l-​istess mistoqsija meta mmorru naqsmu l-​messaġġ tal-​Bibbja m’oħrajn: “X’għandek f’idek?” Ħafna drabi jkollna l-​Bibbja f’idna, lesti biex nużawha. Minkejja li xi wħud forsi jqisu l-​Bibbja bħala sempliċi ktieb, Ġeħova jkellimna permezz tal-​Kelma ispirata tiegħu. (2 Pt. 1:21) Din fiha l-​wegħdi t’Alla u tgħidilna x’se tagħmel is-​Saltna tiegħu. Huwa għalhekk li l-​appostlu Pawlu setaʼ jikteb: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.” (Aqra Ebrej 4:12.) Il-​kelma t’Alla kif inhi ħajja? Il-​wegħdi kollha taʼ Ġeħova qed jersqu lejn it-​twettiq tagħhom u se jirnexxu għalkollox. (Is. 46:10; 55:11) Meta individwu jirrealizza dan dwar il-​Kelma taʼ Ġeħova, dak li jaqra fil-​Bibbja jistaʼ jkollu effett qawwi fuq ħajtu.

7. Kif nistgħu ‘nimmaniġġaw sew il-​kelma tal-​verità’?

7 Iva, Ġeħova poġġa f’idna l-​Kelma ħajja tiegħu li biha nistgħu nagħtu prova li l-​messaġġ tagħna hu taʼ min jafdah u li ġej mingħandu. Huwa għalhekk li meta Pawlu kien qed iħarreġ lil Timotju, hu inkuraġġieh biex jimmaniġġa “sew il-​kelma tal-​verità.” (2 Tim. 2:15) Kif nistgħu napplikaw il-​parir taʼ Pawlu? Billi nagħżlu sew l-​iskritturi li nkunu se naqraw lil oħrajn. Il-​mira tagħna hi li nilħqu l-​qalb taʼ dawk li jisimgħuna. Il-​fuljetti li ngħatajna fl-​2013 ġew disinjati biex jgħinuna nagħmlu proprju dan.

AQRA SKRITTURA MAGĦŻULA SEW!

8. Wieħed indokratur tas-​servizz x’qal dwar il-​fuljetti?

8 Il-​fuljetti ġodda kollha huma disinjati l-​istess. Allura meta nitgħallmu nużaw wieħed minnhom, inkunu tgħallimna nużawhom kollha. Wieħed indokratur tas-​servizz fil-​Ħawajj, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, kiteb: “Ma bsarniex kemm dawn l-​għodod kienu se jkunu effettivi kemm fix-​xogħol minn dar għal dar u kemm fl-​ippritkar f’postijiet pubbliċi.” Il-​fuljetti għala huma daqstant faċli biex tużahom? Hu jħoss li huma faċli minħabba l-​mistoqsija u l-​għażla taʼ tweġibiet li hemm fuq quddiem. L-​inkwilin m’għandux għalfejn jinkwieta li se jwieġeb b’mod żbaljat. Il-​ħu jgħid li minħabba l-​mod li bih huma miktubin il-​fuljetti, ħafna iktar nies huma lesti li jitkellmu magħna, u dan iwassal għall-​konversazzjonijiet interessanti.

9, 10. (a) Il-​fuljetti kif inhuma disinjati biex jgħinuna nużaw il-​Bibbja? (b) B’liema fuljett kellek l-​iktar suċċess, u għala?

9 Kull fuljett fih skrittura magħżula sew li nistgħu naqrawha lill-​inkwilin. Ikkunsidra, pereżempju, il-​fuljett It-​Tbatija Qatt Se Tintemm? Staqsi l-​mistoqsija li hemm fuq quddiem. L-​inkwilin jistaʼ jagħżel “iva,” “le,” jew “forsi.” Tkun xi tkun it-​tweġiba tiegħu, iftaħ il-​fuljett u mingħajr ma żżid xejn għid, “Ara x’tgħid il-​Bibbja hawnhekk.” Imbagħad aqra Rivelazzjoni 21:3, 4.

10 Meta tuża l-​fuljett Int Kif Tħares Lejn il-​Bibbja? ma jagħmilx differenza liema tweġiba jagħżel l-​inkwilin. Sempliċement iftaħ il-​fuljett u għid, “Il-​Bibbja tgħid li ‘l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.’” Maʼ dan tistaʼ żżid, “Fil-​fatt, din is-​silta tgħid iktar minn hekk.” Imbagħad iftaħ il-​Bibbja tiegħek, u aqra t-​2 Timotju 3:16, 17.

11, 12. (a) B’liema mod tistaʼ tuża l-​fuljetti biex il-​ministeru tiegħek ikun iktar pjaċevoli? (b) Il-​fuljetti kif jistgħu jgħinuk tipprepara għaż-​żjajjar lura?

11 Għandek mnejn tiddeċiedi li tkompli taqra u tiddiskuti iktar mill-​fuljett. Dan jiddependi minn kif jirreaġixxi l-​inkwilin. Imma jaġixxu kif jaġixxu n-​nies, huma se jkunu ngħataw il-​messaġġ mill-​fuljett, u int tkun qrajtilhom ftit mill-​Kelma t’Alla. Anki jekk fl-​ewwel żjara tkun qrajt biss vers wieħed jew tnejn, tistaʼ tmur darb’oħra u tkompli l-​konversazzjoni.

12 Fuq wara taʼ kull fuljett hemm is-​sottitlu “Aħseb dwar dan” u taħtu hemm mistoqsija u skritturi li jistgħu jiġu diskussi fi żjara lura. Fil-​fuljett Int Kif Tħares Lejn il-​Futur? il-​mistoqsija għad-​darba taʼ wara hi “Alla kif se jbiddel id-​dinja tagħna għall-​aħjar?” Imbagħad issib referenza għal Mattew 6:9, 10 u Danjel 2:44. Għall-​fuljett Jistgħu l-​Mejtin Verament Jerġgħu Jgħixu? il-​mistoqsija hi “Għala nixjieħu u mmutu?” Imbagħad issib referenza għal Ġenesi 3:17-​19 u Rumani 5:12.

13. Spjega kif tuża l-​fuljetti biex tibda studji tal-​Bibbja.

13 Il-​fuljetti huma disinjati biex jgħinuna nibdew studji tal-​Bibbja. Meta individwu jiskenja l-​kodiċi QR minn fuq wara tal-​fuljett, jidħol fil-​Websajt tagħna. Hemmhekk se jiġi inkuraġġit biex jistudja l-​Bibbja. Il-​fuljetti jenfasizzaw ukoll il-​browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla! u jirreferu għal lezzjoni speċifika minnu. Pereżempju, il-​fuljett Min Tassew Qed Jikkontrolla d-​Dinja? jiġbed l-​attenzjoni lejn lezzjoni 5 tal-​browxer. Il-​fuljett X’Inhu s-​Sigriet Għal Familja Ferħana? jiġbed l-​attenzjoni lejn lezzjoni 9. Dawn il-​fuljetti huma disinjati biex jgħinuna nużaw il-​Bibbja fl-​ewwel żjara u fi żjajjar lura. B’dan il-​mod nistgħu nibdew iktar studji tal-​Bibbja. X’tistaʼ tagħmel iktar biex tuża l-​Kelma t’Alla b’mod effettiv?

IDDISKUTI SUĠĠETT LI N-​NIES JAĦSBU DWARU

Xhud taʼ Ġeħova qed juża l-fuljett X’Inhu s-Sigriet Għal Familja Ferħana?

14, 15. Kif tistaʼ timita l-​eżempju taʼ Pawlu fil-​ministeru tiegħek?

14 Pawlu xtaq ħafna jifhem kif jaħsbuha l-​biċċa l-​kbira tan-​nies li kien jiltaqaʼ magħhom fil-​ministeru tiegħu. (Aqra l-​1 Korintin 9:19-​23.) Għala? Għax hu ried jgħin lil “nies taʼ kull xorta,” kemm Lhud kif ukoll oħrajn, jitgħallmu l-​verità biex isalvaw. (Atti 20:21) Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Pawlu hekk kif nippreparaw għall-​ministeru u nippritkaw lil “bnedmin taʼ kull xorta”?—1 Tim. 2:3, 4.

Xhud taʼ Ġeħova qed jaqra vers mill-Bibbja lil raġel żagħżugħ

15 Kull xahar, Il-​Ministeru tas-​Saltna jkun fih suġġerimenti dwar kif nistgħu nippreżentaw il-​messaġġ tagħna fil-​ministeru. Ipprovahom. Imma xi ngħidu jekk in-​nies fit-​territorju tiegħek jinkwetahom suġġett ieħor? Ipprepara biex tgħid xi ħaġa li tinteressahom. In-​nies taʼ madwarek dwar xiex qed jitħassbu? Agħżel skrittura li għandha x’taqsam maʼ dak is-​suġġett. Indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u martu jgħidu kif jużaw il-​Bibbja iktar fil-​ministeru tagħhom: “Il-​biċċa l-​kbira tal-​inkwilini jħalluna naqrawlhom vers jekk ma niħdux fit-​tul u mmorru mill-​ewwel għall-​punt. Waqt li jkollna l-​Bibbja diġà miftuħa f’idna, insellmulhom u wara naqraw il-​vers.” Fil-​paragrafi li ġejjin, ikkunsidra xi suġġetti, mistoqsijiet, u skritturi li wrew li kienu taʼ suċċess fil-​ministeru. Għandek mnejn tkun tixtieq tuża xi ftit minnhom fit-​territorju tiegħek.

Xhud taʼ Ġeħova qed jikkonduċi studju tal-Bibbja minn fuq il-browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla!

Qiegħed tuża l-​Bibbja u l-​fuljetti b’mod effettiv fil-​ministeru tiegħek? (Ara paragrafi 8-13)

16. Spjega kif tistaʼ tuża Isaija 14:7 fil-​ministeru.

16 Jekk tgħix fi nħawi fejn hemm il-​kriminalità u l-​vjolenza, tistaʼ tistaqsi lil dak li jkun: “Tistaʼ timmaġina din l-​aħbar fuq il-​faċċata tal-​gazzetta: ‘L-​art kollha straħet, m’għadx għandha tfixkil. In-​nies qed jifirħu b’għajat ferrieħi’? Hekk tgħid il-​Bibbja f’​Isaija 14:7. Infatti, il-​Bibbja twiegħed li dalwaqt se jkun hawn il-​paċi.” Imbagħad offri li taqra waħda mill-​ħafna wegħdi taʼ paċi li nsibu fil-​Bibbja.

17. Kif tistaʼ tuża Mattew 5:3 biex tibda konversazzjoni?

17 Huwa diffiċli għal ħafna rġiel fl-​inħawi tiegħek biex jaqilgħu l-​għajxien? Jekk inhu hekk, tistaʼ tibda konversazzjoni billi tistaqsi: “Kemm taħseb li għandu jaqlaʼ flus raġel sabiex il-​familja tiegħu tkun ferħana?” Wara li l-​individwu jwieġeb, għidlu: “Ħafna rġiel jaqilgħu bil-​wisq iktar minn hekk, imma l-​familji tagħhom xorta mhumiex kuntenti. Allura x’hemm bżonn verament?” Imbagħad aqra Mattew 5:3 u offri studju tal-​Bibbja.

18. Biex tfarraġ lil oħrajn, kif tistaʼ tuża Ġeremija 29:11?

18 In-​nies fil-​lokalità tiegħek qed ibatu minħabba xi traġedja li ġrat dan l-​aħħar? Tistaʼ tibda l-​preżentazzjoni tiegħek billi tgħid: “Ġejt inżurek biex naqsam miegħek xi kliem taʼ faraġ. (Aqra Ġeremija 29:11.) Innotajt liema huma t-​tliet affarijiet li Alla jixtieq għalina? ‘Paċi,’ ‘futur,’ u ‘tama.’ Mhuwiex taʼ faraġ li nkunu nafu li hu jrid li jkollna ħajja sabiħa? Imma dan kif inhu possibbli?” Imbagħad iġbed l-​attenzjoni lejn lezzjoni adattata mill-​browxer Aħbar Tajba.

19. Spjega kif tistaʼ tuża Rivelazzjoni 14:6, 7 meta titkellem maʼ nies reliġjużi.

19 Fit-​territorju tiegħek, in-​nies tinteressahom ir-​reliġjon? Jekk iva, tistaʼ tibda konversazzjoni billi tistaqsi: “Li kieku jkellmek anġlu, tismaʼ minn dak li jkollu xi jgħid? (Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.) Dan l-​anġlu jgħid ‘ibżgħu minn Alla u qimu lil Dak li għamel is-​sema u l-​art.’ Taf x’jismu Dak li għamel is-​sema u l-​art?” Imbagħad aqra Salm 124:8, li jgħid: “L-​għajnuna tagħna hi fl-​isem taʼ Ġeħova, Dak li għamel is-​sema u l-​art.” Imbagħad offri li tispjegalu iktar dwar Alla Ġeħova.

20. (a) B’liema mod tistaʼ tuża Proverbji 30:4 biex tgħallem lil xi ħadd x’jismu Alla? (b) B’liema skrittura kellek riżultati tajbin fil-​ministeru tiegħek?

20 Tistaʼ tibda konversazzjoni maʼ żagħżugħ billi tgħid: “Nixtieq nurik vers mill-​Bibbja li jqajjem mistoqsija importanti ħafna. (Aqra Proverbji 30:4.) L-​ebda bniedem ma jistaʼ jagħmel dawn l-​affarijiet, allura dan il-​vers bilfors li qed jirreferi għall-​Ħallieq tagħna.a Kif nistgħu nsiru nafu x’jismu? Tippermettili nurik dan mill-​Bibbja?”

UŻA L-​QAWWA TAL-​KELMA T’ALLA FIL-​MINISTERU TIEGĦEK

21, 22. (a) Skrittura magħżula sew kif tistaʼ tbiddel il-​ħajja taʼ xi ħadd? (b) X’int determinat li tagħmel hekk kif twettaq il-​ministeru tiegħek?

21 Qatt ma tistaʼ tgħid kif se jirreaġixxu n-​nies għal skrittura magħżula sew. Pereżempju, żewġ Xhieda fl-​Awstralja ħabbtu fuq bieb taʼ mara żagħżugħa. Wieħed minnhom staqsieha, “Taf x’jismu Alla?” u mbagħad qara skrittura waħda—dik taʼ Salm 83:18. “Bqajt imbellha!” tgħid il-​mara. “Wara li telqu, soqt 56 kilometru biex immur f’ħanut tal-​kotba ħalli niċċekkja traduzzjonijiet oħrajn tal-​Bibbja u mbagħad fittixt l-​isem f’dizzjunarju. Meta sirt konvinta li isem Alla hu Ġeħova, bdejt naħseb dwar x’kien hemm iktar li ma kontx naf.” Ftit wara dan, hi u l-​għarus tagħha bdew jistudjaw il-​Bibbja, u maż-​żmien tgħammdu.

22 Il-​Kelma t’Alla tbiddel il-​ħajja taʼ dawk li jaqrawha u jiżviluppaw il-​fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova. (Aqra l-​1 Tessalonikin 2:13.) Il-​messaġġ tal-​Bibbja hu iktar qawwi minn kwalunkwe ħaġa li nistgħu ngħidu aħna biex nipprovaw nilħqu l-​qalb taʼ xi ħadd. Huwa għalhekk li għandna nkunu determinati li, f’kull opportunità possibbli, nużaw il-​Kelma t’Alla. Hi ħajja!

a Ara t-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju 2002, paġna 5.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja