Għala l-Fuljetti Huma Daqshekk Prezzjużi għall-Ministeru Tagħna Llum
1 Fil-ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-1 taʼ Jannar, 1991, f’paġna 30, kien hemm esperjenza li jisimha “He Found a Tract on a Track” (Sab Fuljett f’Linja tal-Ferrovija). Kienet titkellem dwar wieħed li kien jieħu ħsieb ix-xogħol taʼ manutenzjoni fuq il-linji tal-ferroviji, u sab wieħed mill-fuljetti tagħna mdeffes taħt waħda mil-linji. Hu qara l-fuljett mill-ewwel u mbagħad qal lir-raġel tat-tifla: “Illum sibt il-verità!” It-tnejn li huma ordnaw iktar letteratura u studjawha. Illum, iktar minn mitt persuna li tiġi minnhom tinsab attiva fil-verità. Dan jurina x’jistaʼ jiġri meta jinqara fuljett wieħed biss.
2 Nagħmlu Użu Tajjeb mill-Opportunitajiet li Jkollna: L-aħwa kullimkien qed jagħmlu użu tajjeb mill-opportunitajiet li jiġuhom biex iqassmu l-fuljetti. Waħda oħt żagħżugħa nnotat li l-għalliema tagħha taʼ l-iskola kienet imnikkta minħabba l-mewt t’omm ir-raġel tagħha. Din l-oħt żagħżugħa kitbet ittra taʼ faraġ lill-għalliema u magħha inkludiet il-fuljett X’Tama Hemm għall-Maħbubin Mejtin? L-għalliema għamlitilha nota biex tirringrazzjaha u mbagħad tkellmet maʼ din l-oħt żagħżugħa. Issa din l-għalliema qed tieħu r-rivisti mingħand l-oħt b’mod regulari.
3 Xi pubblikaturi li kienu qed jagħtu xiehda fi triq li tagħti għaċ-ċimiterju raw xi nies li kienu qed ibajdu l-oqbra. Il-pubblikaturi ħadu l-opportunità biex joffrulhom xi fuljetti. L-għada kienet festa li fiha ħafna nies imorru ċ-ċimiterju, allura l-pubblikaturi ddeċidew li joqogħdu fid-daħla taċ-ċimiterju u joffru l-fuljetti. Tqassmu ’l fuq minn ħames mitt fuljett, u kien hemm biss tliet persuni li m’aċċettawhomx. Is-sena taʼ wara, xi pubblikaturi reġgħu marru u qassmu iktar minn elf fuljett, u kien hemm sitta biss li rrifjutaw. Xi wħud saħansitra esprimew il-gratitudni kbira tagħhom. Wieħed raġel qara l-fuljett hu u sejjer, u ftit wara ġie lura biex ikellem lill-oħt li tagħtulu. Hu qalilha: “Hemm xi ħadd li nixtiequ jaqra dan il-messaġġ. Tistaʼ tagħtini ieħor?”
4 Il-fuljetti huma żgħar, u b’hekk jagħmluhielna faċli biex inġorruhom magħna kulfejn immorru. Meta nkunu qed nitkellmu b’mod informali m’oħrajn, kemm jekk inkunu nafuhom jew le, għandna nagħmlu ħilitna f’li nipprovaw ngħidu xi ħaġa biex inkunu nistgħu nwaqqgħu s-suġġett fuq wieħed mill-fuljetti li għandna bħalissa. Dan nistgħu nagħmluh meta nkunu qed nitkellmu mal-ġirien, waqt li qed nixtru jew nistennew għal xi appuntament, waqt li qed inżuru l-qraba, jew f’ħafna sitwazzjonijiet oħrajn.
5 Għala Effettivi: Il-fuljetti huma attraenti peress li huma kuluriti. Magħmulin fil-qosor. L-inkwilini u dawk li niltaqgħu magħhom b’mod informali ma jħossuhomx li ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom fil-qari, għax iħossuhom obbligati jaqraw fit-tul. Madankollu, il-messaġġ huwa interessanti ferm u informattiv. Il-qarrej jikseb ħarsa Skritturali taʼ min joqgħod fuqha fuq is-suġġett li l-fuljett jitkellem dwaru. Wara li tawh il-fuljett Il-Ħajja f’Dinja Ġdida taʼ Paċi u spjegawhulu, żagħżugħ qal: “Qatt ma smajt b’informazzjoni daqshekk inkuraġġanti dwar il-qagħda tad-dinja!”
6 Irridu nużaw dawn il-fuljetti f’kull ċans tajjeb li jkollna. Ħafna pubblikaturi sabuhom t’għajnuna biex jibdew konversazzjoni fil-ministeru minn dar għal dar. Numru kbir taʼ studji li qed isiru bħalissa nbdew permezz taʼ fuljett. Fis-sitt paġna taʼ din il-ħarġa taʼ Il-Ministeru tas-Saltna, hemm xi suġġerimenti prattiċi dwar kif nistgħu nkunu effettivi meta nużaw il-fuljetti. Iva, il-fuljetti huma żgħar iżda huma għodod prezzjużi għall-ministeru tagħna.