Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah għall-1999 “Il-Kelma Profetika t’Alla”
1 Meta l-Iżraeliti kienu fix-xagħri, Jehovah istruwixxa lil Mosè biex jagħmel żewġ trombi tal-fidda. Jekk kienet tinstemaʼ tromba waħda biss, il-prinċpijiet tat-tribujiet kellhom jinġemgħu ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. Id-daqq taż-żewġ trombi kien ikun sinjal biex il-ġemgħa kollha taʼ Iżrael tinġabar. (Num. 10:1-4) Illum, ma nitqanqlux aħna meta nisimgħu xi avviżi li, bħad-daqq tat-trombi, jiġimgħuna lejn il-konvenzjonijiet distrettwali tagħna taʼ kull sena? Fil-konvenzjonijiet tagħna nirċievu l-istruzzjonijiet u l-gwida taʼ Jehovah permezz tal-Kelma tiegħu u r-rappreżentanti maħturin tiegħu. Dan jgħinna nkomplu fis-servizz lejn Alla bla ma nitħarrku. Ma nifirħux aħna meta naraw eluf—forsi għaxriet t’eluf—t’adoraturi leali mseħbin miġburin flimkien fl-imħabba u fil-paċi? Dażgur li nifirħu!—Salm 122:1, 7, 8.
2 Minn Mejju sa Settembru 1998, total taʼ 198 Konvenzjoni Distrettwali u Internazzjonali “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” nżammu f’69 belt maʼ l-Istati Uniti kollha kemm huma. Aħwa f’erbat ibliet tal-konvenzjoni (Long Beach u San Diego, Kalifornja; Pontiac, Michigan; u Houston, Texas) laqgħu eluf taʼ delegati minn pajjiżi madwar id-dinja, li kienu qed jattendu għall-ewwel konvenzjonijiet internazzjonali li nżammu fl-Istati Uniti mill-1978 ’l hawn. Il-varjetà taʼ lingwi mitkellma ma kienet t’ebda ostaklu għall-komunikazzjoni taʼ mħabba kordjali fil-konvenzjonijiet. L-aħwa li kienu lesti li jakkomodaw fi djarhom lil delegati barranin esperjenzaw iktar sħubija li tgħaxxaq. Missjunarji u qaddejja internazzjonali reġgħu lura lejn l-Istati Uniti biex jattendu għall-konvenzjonijiet. Il-preżenza tagħhom kienet inkuraġġanti spiritwalment għal kulħadd. Hekk kif ninġabru flimkien għall-konvenzjoni distrettwali tagħna għall-1999, se jkollna iktar opportunitajiet biex nesperjenzaw il-fratellanza prezzjuża tagħna u biex niżżu ħajr lil Jehovah għall-unità li tana.
3 Għamilt int pjanijiet definiti biex tattendi għall-konvenzjoni taʼ din is-sena? Ħadd m’hu se jkollu bogħod biex jivvjaġġa saċ-Ċentru tal-Konferenzi tan-New Dolmen, imma se jkun jinħtieġ xi sforz u sagrifiċċju sabiex int u l-familja tiegħek tkunu preżenti. Agħmel arranġamenti biex tattendi għall-programm kollu kemm hu mill-bidu sa l-aħħar. Ħafna studenti tal-Bibbja qed jipprogressaw lejn id-dedikazzjoni. L-attendenza tagħhom għall-konvenzjoni se tgħinhom jieħdu d-deċiżjoni t-tajba. Stedinthom int lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek u lil uħud interessati oħrajn biex jattendu miegħek?
4 Nieħdu Ħsieb Dawk bi Bżonnijiet Speċjali: Jekk jogħġbok oqgħod attent għall-bżonnijiet speċjali tax-xjuħ, dawk b’saħħa batuta, dawk fis-servizz full-time, jew oħrajn fil-kongregazzjoni tiegħek li għandhom mnejn jeħtieġu l-assistenza biex jattendu għall-konvenzjoni. Il-qraba, l-anzjani, u oħrajn fil-kongregazzjoni li huma konxji taċ-ċirkustanzi uniċi taʼ dawk bi bżonnijiet speċjali jistgħu jgħinuhom bl-imħabba biex jagħmlu l-arranġamenti neċessarji.—Qabbel l-1 Timotju 5:4.
5 Espressjonijiet t’Apprezzament: Huwa inkuraġġanti li tismaʼ t-tifħir mogħti lil isem Jehovah minħabba l-kondotta mill-aħjar taʼ ħutna fil-konvenzjonijiet. Ħaddiem f’lukanda qal: “Id-delegati tagħkom huma l-aħjar nies li għandna hawnhekk.” Oħra kkummentat: “Inħobbu nieħdu r-riżervazzjonijiet min-nies tagħkom. Huma kollha edukati u jkollhom l-informazzjoni eżatta bil-lest. U huma l-iktar grupp li huwa faċli li taħdem miegħu.” Il-maniġer taʼ restorant qalet: “Nieħdu gost li jkollna grupp taʼ nies f’dan il-post li nistgħu nkunu kburin bihom.” Ir-restorant ta skont t’għaxra fil-mija lil kwalunkwe delegat li kien liebes il-beġġ tal-konvenzjoni! U maniġer taʼ lukanda qal: “Ħadna pjaċir ħafna li kellna n-nies tagħkom fil-lukanda tagħna.” Dawn l-espressjonijiet huma testimonjanza mill-aħjar minn nies fuq barra. Ir-reputazzjoni tajba li qlajna tigglorifika lil Jehovah u tagħmlu kburi bina.—1 Tess. 4:12; 1 Pt. 2:12.
6 Ninkuraġġukom li tagħmlu l-arranġamenti tagħkom issa biex tattendu t-tlett ijiem kollha, jiġifieri mill-10 sat-12 taʼ Settembru, tal-Konvenzjoni Distrettwali “Il-Kelma Profetika t’Alla” għall-1999. Inħarsu l’quddiem flimkien magħkom biex nisimgħu “l-għajta taʼ ferħ u taʼ radd il-ħajr” spiritwali taʼ dawk li jqimu lil Alla bħala folla magħquda. (Salm 42:5 [42:4, NW]) Jalla Jehovah jbierek l-arranġamenti kollha li qed isiru għall-għana spiritwali u kontinwu tagħna!
[Kaxxa on page 3]
Ħinijiet tal-Programm
Il-Ġimgħa u s-Sibt
9:30 a.m. – 5:00 p.m.
Il-Ħadd
9:30 a.m. – 4:00 p.m.