L-Edukazzjoni Sekulari u l-Miri Spiritwali Tiegħek
1 L-edukazzjoni bażika u tajba li takkwista meta tkun għadek żgħir tistaʼ tipprovdilek l-abbiltajiet akkademiċi li teħtieġ biex taqra u tikteb tajjeb u biex ikollok fehma ġenerali tal-ġeografija, l-istorja, il-matematika, u x-xjenza. Sadanittant, tistaʼ titgħallem kif taħseb ċar, kif tanalizza l-fatti, kif issolvi l-problemi, u kif toħroġ b’ideat produttivi. Tagħlim bħal dan se jkun taʼ benefiċċju għalik matul ħajtek. Kif tistaʼ l-edukazzjoni sekulari tiegħek tintrabat mal-miri spiritwali f’ħajtek, u tgħinek tikseb “l-għaqal u l-qjies”?—Prov. 3:21, 22.
2 Kun Utli fis-Servizz taʼ Jehovah: Waqt li tkun l-iskola, oqgħod attent fil-klassi u agħmel il-ħowmwerk tajjeb. Jekk titgħallem taqra u tistudja tajjeb, se ssibha iktar faċli li teżamina l-Kelma t’Alla u żżomm ruħek b’saħħtek spiritwalment. (Atti 17:11) Għarfien komprensiv se jgħinek tittratta maʼ nies b’kulturi, interessi, u twemmin differenti hekk kif tiltaqaʼ magħhom fil-ministeru. L-edukazzjoni li tikseb fl-iskola se tkun utli hekk kif twettaq ir-responsabbiltajiet Kristjani tiegħek fl-organizzazzjoni t’Alla.—Qabbel it-2 Timotju 2:21; 4:11.
3 Tgħallem Mantni Lilek Innifsek: Jekk tagħmel sforz, tistaʼ wkoll titgħallem dak li hu meħtieġ biex taqlaʼ l-għajxien wara li toħroġ mill-iskola. (Qabbel l-1 Timotju 5:8.) Oqgħod attent liema suġġetti tagħżel. Minflok ma tiffoka fuq xi qasam li għandu opportunitajiet limitati taʼ impjiegi, ikkunsidra li titgħallem sengħa jew abbiltà li tgħinek issib xogħol addattat ikun fejn ikun. (Prov. 22:29) Permezz taʼ taħriġ bħal dan se jkun possibbli li tmantni lilek innifsek jekk tiddeċiedi li taqdi fejn il-ħtieġa hija akbar.—Qabbel Atti 18:1-4.
4 Edukazzjoni bażika u tajba waqt li tkun l-iskola tistaʼ tgħinek tespandi l-ministeru tiegħek. Aħdem iebes biex takkwista l-abbiltajiet meħtiġin biex tmantni lilek innifsek hekk kif timxi ’l quddiem fis-servizz taʼ Jehovah. B’hekk, it-tagħlim se jservi biex jgħinek tilħaq il-miri spiritwali tiegħek.