‘Ismaʼ u Żid l-Għerf Tiegħek’
1 Il-ktieb taʼ Proverbji jagħti stampa taʼ l-għerf li qed isejjaħ: “Isimgħu, għax ħwejjeġ kbar se ngħidilkom, kliem is-sewwa se joħroġ minn fommi; jiena għandi l-fehma u l-għaqal, . . . isimgħu lili: henjin dawk li jimxu fi triqati. Għax min isib lili jsib il-ħajja, u jikseb l-imħabba tal-Mulej.” (Prov. 8:6, 14, 32, 35) Dan il-kliem jiddeskrivi sew l-istruzzjoni li qed tistenniena fil-Konvenzjoni Distrettwali “Għalliema tal-Kelma t’Alla.”
2 Il-bżonnijiet tal-fratellanza taʼ madwar id-dinja ġew analizzati, u l-programm tal-konvenzjoni tħejja biex jieħu ħsieb dawk il-bżonnijiet. L-istruzzjoni spiritwali u s-suġġerimenti prattiċi li se jingħataw jistgħu, jekk jiġu applikati, jgħinuna biex inkunu ferħanin, inżommu relazzjoni tajba maʼ Jehovah, u nibqgħu fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Ċertament, għandna raġuni tajba biex ‘nisimgħu u nżidu l-għerf tagħna.’—Prov. 1:5.
3 Qabel il-Programm: Biex nibbenefikaw bis-sħiħ minn dak li se jiġi preżentat, hemm bżonn li nkunu f’postna u jkollna attitudni xierqa meta l-programm jibda. Dan jirrikjedi li norganizzaw ruħna sew. Fattur importanti hu li nibdew kmieni. Mur orqod kmieni l-lejl taʼ qabel. Qum kmieni biżżejjed sabiex kulmin hu fil-grupp tiegħek ikollu ħin biex ilesti u jiekol xi ħaġa. Asal kmieni fil-post tal-konvenzjoni biex issib post fejn tpoġġi bil-qiegħda u tieħu ħsieb dak li jkollok bżonn qabel ma jibda l-programm. Il-bibien jinfetħu fit-8.00 taʼ fil-għodu, u l-programm jibda fid-9.30 taʼ fil-għodu kuljum.
4 Peress li l-iskop ewlieni tal-laqgħa huwa li nfaħħru lil Jehovah “fil-ġemgħat,” kull sezzjoni għandha tinbeda b’tali mod li jfaħħar lil Jehovah bil-kbir. (Salm 26:12) Għal dan l-iskop, kulħadd huwa inkuraġġit li jkun f’postu qabel ma titħabbar l-għanja tal-ftuħ. Dan huwa fi qbil mat-twissija Skritturali: “Ħa jsir kollox kif imur u bl-ordni.” (1 Kor. 14:40) Dan xi jfisser għal kull wieħed u waħda minna? Meta tara liċ-chairman bil-qiegħda fuq il-platform matul l-introduzzjoni mużikali, sib postok mill-ewwel. Dan se jippermettilek tieħu sehem b’qalb sħiħa fl-għanja tal-ftuħ taʼ kull sezzjoni, u b’hekk tkun qed tagħti tifħir kbir lil Jehovah.—Salm 149:1.
5 Matul il-Programm: Esdra “ħejja qalbu biex ifittex il-liġi tal-Mulej u jagħmilha.” (Esd. 7:10, Saydon) Kif nistgħu nħejju qlubna biex nirċievu l-istruzzjoni li jipprovdi Jehovah? Hekk kif tirrivedi t-titli tad-diversi partijiet imniżżlin fil-programm stampat, staqsi lilek innifsek, ‘X’inhu jgħidli Jehovah permezz taʼ dan il-programm? Kif nistaʼ nuża l-informazzjoni biex jien u l-familja tiegħi nibbenefikaw?’ (Is. 30:21; Efes. 5:17) Kompli staqsi dawn il-mistoqsijiet matul il-konvenzjoni. Ħu nota tal-punti li qed tippjana li tuża. Ħu l-ħin biex tiddiskutihom fl-aħħar taʼ kull sessjoni kuljum. Dan se jgħinek iżżomm l-informazzjoni f’moħħok u tapplikaha.
6 Li tikkonċentra għal ammont taʼ sigħat f’daqqa jistaʼ jkun taʼ sfida. X’jistaʼ jgħinna biex negħlbu t-tendenza li naljenaw rasna? Ħu vantaġġ mill-qawwa li għandha l-għajn. Ġeneralment, dak li niffokaw għajnejna fuqu jikkmanda l-attenzjoni tagħna. (Mt. 6:22) Għalhekk, egħleb it-tentazzjoni li ddawwar rasek maʼ kull ħoss jew ċaqliqa li jkun hemm. Żomm għajnejk iffokati fuq il-kelliemi. Segwi mill-kopja tiegħek tal-Bibbja meta tinqara skrittura, u żomm il-Bibbja miftuħa meta l-vers ikun qed jiġi diskuss.
7 L-imħabba Kristjana se tqanqalna nevitaw li nfixklu lil oħrajn waqt li jkun għaddej il-programm. (1 Kor. 13:5) Dan huwa “żmien li tiskot” u tismaʼ. (Koħ. 3:7) Għalhekk, evita kliem u ċaqliq bla bżonn. Ipprova naqqas id-drabi li tmur it-tojlit billi tmur qabel. Tikolx u tixrobx qabel ma jsir il-ħin għal dan, sakemm ma jkunx hemm involuti problemi serji taʼ saħħa. Dawk li jġibu t-telefons ċellulari, il-pagers, il-vidjo kamera, u l-kamera tar-ritratti m’għandhomx jużawhom b’tali mod li jtellfu lil oħrajn. Il-ġenituri għandhom jirranġaw għall-familja kollha tagħhom—anki għall-adolexxenti—biex joqogħdu bil-qiegħda ħdejn xulxin ħalli jkunu jistgħu jieħdu ħsieb t’uliedhom sew.—Prov. 29:15.
8 Is-sena l-oħra anzjan li ilu jattendi l-konvenzjonijiet għal għaxriet taʼ snin osserva: “Ħassejt li din il-konvenzjoni kienet tispikka għal raġuni oħra. Kważi kulħadd fl-udjenza kien qed jieħu n-noti, anki t-tfal żgħar. Kienet xi ħaġa verament pjaċevoli li taraha. Il-Bibbji bdew jintużaw sew meta l-kelliema bdew jgħidu biex jinfetħu f’xi siltiet.” Smigħ b’attenzjoni bħal dan huwa verament taʼ min ifaħħru. Dan mhux biss huwa taʼ benefiċċju għalina u għad-delegati sħabna tal-konvenzjoni imma fuq kollox jigglorifika lill-Għalliem Grandjuż tagħna, Alla Jehovah.—Is. 30:20.