Inkunu Ħabrieka biex ‘Nagħtu Xiehda bir-Reqqa’
1, 2. X’jolqtok l-iktar mill-ħarsa taʼ Pawlu lejn il-bxara t-tajba, u kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu biex ‘nagħtu xiehda bir-reqqa’?
1 Bħal Ġesù u ħafna qaddejja leali oħrajn tal-passat, l-appostlu Pawlu kien xandâr żeluż tal-bxara t-tajba, billi “ta xiehda bir-reqqa” minkejja ċ-ċirkustanzi. Anki meta kien arrestat f’daru, hu “kien jilqaʼ lil dawk kollha li kienu jiġu għandu, ixandrilhom is-Saltna taʼ Alla u jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ.”—Atti 28:16-31.
2 Aħna wkoll nistgħu nħabirku biex ‘nagħtu xiehda bir-reqqa’ l-ħin kollu. Dan jinkludi li nagħtu xiehda lin-nies li niltaqgħu magħhom waqt li nkunu sejrin jew ġejjin lura mill-Konvenzjoni Distrettwali “Agħtu Glorja lil Alla” u fl-inħawi taʼ fejn issir il-konvenzjoni wara l-programm.—Atti 28:23, New World Translation; Salm 145:10-13.
3. Kif nistgħu nevitaw li x-xiehda informali li nagħtu ssir sempliċement xi ħaġa inċidentali?
3 Xiehda Inċidentali jew Informali? Hemm xi differenza bejniethom? Iva. Xi ħaġa li tkun inċidentali tiġri biss b’kumbinazzjoni, jew mingħajr intenzjoni, bħallikieku ma kinitx ippjanata jew ftit li xejn ikollha importanza. Dan żgur li ma jiddeskrivix il-ministeru tagħna. Bħalma kien għal Pawlu, li nagħtu glorja lil Alla billi nagħtu xiehda huwa importanti għalina wkoll, u għandu jkollna f’moħħna li nagħtu xiehda kulmeta jkun xieraq hekk kif inkunu qed nivvjaġġaw matul is-sajf li ġej. Madankollu, il-mod li bih navviċinaw lil oħrajn jistaʼ jiġi deskritt b’mod tajjeb bħala informali—jiġifieri b’mod rilassat, dħuli u naturali. Dan il-mod jistaʼ jipproduċi riżultati tajbin.
4. Pawlu x’għamel biex ikun jistaʼ jagħti xiehda fid-dar fejn kien joqgħod?
4 Ipprepara biex Tagħti Xiehda: Pawlu kellu joħloq opportunitajiet biex jagħti xiehda waqt li kien arrestat f’daru ġewwa Ruma. Mid-dar fejn kien joqgħod, hu ħa l-inizjattiva biex jistieden fid-dar tiegħu lill-kapijiet tal-Lhud li kienu fil-lokal. (Atti 28:17) Minkejja li kien hemm kongregazzjoni Kristjana ġewwa Ruma, Pawlu sar jaf li l-komunità Lhudija f’dik il-belt ftit li xejn kisbet informazzjoni direttament mingħand il-Kristjani dwar il-fidi tagħhom. (Atti 28:22; Rum. 1:7) Hu ma żammx lura milli ‘jagħti xiehda bir-reqqa’ dwar Ġesù Kristu u s-Saltna t’Alla.
5, 6. X’opportunitajiet jistaʼ jkollna biex nagħtu xiehda informali, u xi preparazzjonijiet nistgħu nagħmlu sabiex dan isir b’mod effettiv?
5 Aħseb ftit dwar dawk in-nies kollha li tistaʼ tiltaqaʼ magħhom waqt l-ivvjaġġar tiegħek u li jistaʼ jkollhom ftit informazzjoni biss dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. Dawn jistgħu lanqas biss ikunu jafu li aħna noffru studji tal-Bibbja fid-dar bla ħlas. Żomm għajnejk miftuħin għal opportunitajiet biex tagħti xiehda lil dawk li tiltaqaʼ magħhom waqt l-ivvjaġġar, meta tkun qed tixtri, qiegħed f’xi lukanda, tiekol f’xi restorant, tuża t-trasport pubbliku, u opportunitajiet oħra. Aħseb minn qabel x’tistaʼ tgħid biex tibda konversazzjoni u biex tagħti xiehda fil-qosor. Forsi fil-ġranet li ġejjin tistaʼ tipprattika billi tagħti xiehda informali lill-ġirien u ’l-qraba tiegħek, lil sħabek tax-xogħol, u lil nies oħrajn li taf.
6 Se jkollok bżonn provvista taʼ pubblikazzjonijiet biex tużahom meta tkun qed tagħti xiehda informali. Liema? Tistaʼ tuża l-fuljett Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja? Iġbed l-attenzjoni għall-ewwel ħames paragrafi, fejn hemm imniżżlin raġunijiet differenti għala għandna naqraw il-Bibbja. Uri l-kupun li hemm fuq wara għal studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas. Meta ssib lil xi ħadd li jwieġeb, offri l-browxer X’Jirrikjedi. Peress li tistaʼ tistenna li tiltaqaʼ maʼ nies li jitkellmu b’lingwa differenti, ħu miegħek il-ktejjeb Good News for All Nations (Aħbar Tajba għall-Ġnus Kollha). Paġna 2 tispjega kif tużah biex tagħti xiehda. Jekk tkun qed tivvjaġġa bil-karozza, forsi tkun tistaʼ tieħu miegħek xi ftit pubblikazzjonijiet bażiċi oħra għal dawk li juru interess veru fil-messaġġ tas-Saltna.
7, 8. Dwar xiex irridu noqogħdu attenti fejn tidħol l-apparenza u l-imġiba tagħna waqt li nkunu sejrin il-konvenzjoni u wara l-programm tal-ġurnata?
7 Qis l-Apparenza u l-Imġiba Tiegħek: Irridu nkunu ċerti li l-imġiba kif ukoll l-ilbies u d-dehra tagħna ma jagħtux impressjoni ħażina lil ħaddieħor jew iġagħluhom “jitkellmu kontra” l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. (Atti 28:22, NW) Dan ma japplikax biss għal meta nkunu qed nattendu l-konvenzjoni imma wkoll waqt li nkunu sejrin il-konvenzjoni u wara l-programm tal-ġurnata. It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Awissu, 2002, paġna 18, paragrafu 14, wissa: “Id-dehra tagħna m’għandhiex tkun waħda li tiġbed l-għajn, stramba, provokattiva, li turi li nħobbu nikxfu, jew li aħna konxji żżejjed tal-moda. Iżjed minn hekk, għandna nilbsu b’tali mod li jirrifletti li aħna ‘rridu nkunu twajbin,’ jew li nonoraw lil Alla. Dan fih x’tomgħod, hux tassew? Li nilbsu b’mod xieraq ma jgħoddx biss għal meta nattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni, u mbagħad ma nibqgħux nagħtu kas f’mumenti oħra. Id-dehra persunali tagħna dejjem għandha tirrifletti attitudni taʼ rispett u ġieħ għaliex aħna Kristjani u ministri 24 siegħa kuljum.”—1 Tim. 2:9, 10.
8 Irridu nilbsu modest u bid-dinjità. Jekk id-dehra u l-imġiba tagħna dejjem jirriflettu t-twemmin tagħna f’Alla, qatt ma se nħossuna li aħjar noqogħdu pass lura milli nagħtu xiehda informali minħabba li l-apparenza persunali tagħna ma tkunx aċċettabbli bħala ministri.—1 Pt. 3:15.
9. X’suċċess kellu Pawlu fl-ippridkar ġewwa Ruma?
9 Ix-Xiehda Informali Tagħti l-Frott: Matul is-sentejn li Pawlu kien arrestat fil-post fejn kien joqgħod f’Ruma, hu ra riżultati tajbin mill-isforzi tiegħu biex jagħti xiehda. Luqa rrapporta li “xi wħud emmnu dak li qalilhom.” (Atti 28:24) Pawlu nnifsu ra kemm kien effettiv li ‘jagħti xiehda bir-reqqa’ meta kiteb: “Irridkom tkunu tafu, ħuti, li kull ma ġara lili safa aktar taʼ ġid biex ġieb ’il quddiem l-Evanġelju; għaliex b’hekk, kull min jinsab fil-Pretorju u l-oħrajn kollha lkoll saru jafu li jiena marbut fil-ħabs għal Kristu, u l-biċċa l-kbira taʼ l-aħwa għamlu l-qalb fil-Mulej minħabba fil-ktajjen tiegħi, u bdew ixandru l-kelma bil-kuraġġ u bla biżaʼ taʼ xejn.”—Flp. 1:12-14.
10. X’suċċess kellha koppja waħda meta tat xiehda s-sajf l-ieħor?
10 Is-sajf l-ieħor, wara li qattgħu ġurnata fil-konvenzjoni distrettwali, tnejn miżżewġin kellhom esperjenza li tat il-frott meta taw xiehda lil waitress li staqsiethom dwar il-beġġ tagħhom tal-konvenzjoni. Huma qalulha dwar il-konvenzjoni kif ukoll dwar it-tama li l-Bibbja tagħti għall-futur taʼ l-umanità. Huma tawha l-fuljett Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja? u spjegaw dwar l-arranġament taʼ studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas. Il-mara qalet li xtaqet li xi ħadd iżurha, imliet isimha u l-indirizz fuq in-naħa taʼ wara tal-fuljett, u talbet lill-koppja biex jagħmlu l-arranġamenti. X’suċċess tistaʼ tgawdi din is-sena meta tħabrek biex ‘tagħti xiehda bir-reqqa’?
11. Xi kwalitajiet irridu niżviluppaw ġewwa fina sabiex dan is-sajf naqsmu l-bxara t-tajba billi ‘nagħtu xiehda bir-reqqa’?
11 Aqsam bir-Reqqa l-Bxara t-Tajba: Immaġina kemm kien ferħan Pawlu meta semaʼ li sħabu Kristjani kienu qed jimitaw l-eżempju żeluż tiegħu! Jalla nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkomplu naqsmu l-bxara t-tajba billi nagħtu xiehda informali dwar it-tagħlim tagħna bbażat minn fuq il-Bibbja hekk kif nibbenefikaw ukoll mill-konvenzjoni distrettwali taʼ dan is-sajf.
[Kaxxa f’paġna 3]
Pubblikazzjonijiet Bżonnjużi għal Xiehda Informali
■ Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja? (fuljett)
■ Alla X’Jirrikjedi Minna? (browxer)
■ Good News for All Nations (Aħbar Tajba għall-Ġnus Kollha) (ktejjeb)
■ Pubblikazzjonijiet bażiċi oħra
[Kaxxa f’paġna 4]
Tinsihomx!
Tinsiex lil min? Lil dawk kollha interessati li attendew għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu jew għat-taħdita speċjali. Stidinthom biex jattendu l-konvenzjoni distrettwali taʼ din is-sena? Wisq probabbli li jekk jingħataw ftit inkuraġġiment, ħafna minnhom jattendu. Hekk kif fil-konvenzjoni jgawdu minn sħubija li ssaħħaħ u mill-programm spiritwali inkuraġġanti, huma se jersqu iktar qrib taʼ Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu. Għala ma tistidinhomx u tara x’jiġri? Agħtihom id-dettalji kollha li għandhom bżonn, fosthom id-dati tal-konvenzjoni, kif jaslu għall-post fejn se tinżamm, il-ħinijiet x’ħin jibdew u jispiċċaw is-sessjonijiet, u l-ħarsa bil-quddiem tal-programm li huwa muri fuq il-qoxra taʼ wara taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Ġunju, 2003.