Infaħħru lil Ġeħova Qalb il-Kongregazzjoni Kbira
1, 2. Il-konvenzjoni distrettwali liema opportunità tagħtina, u b’liema modi nistgħu nagħmlu dan?
1 Il-konvenzjonijiet distrettwali tagħna kull sena jipprovdulna opportunità meraviljuża biex nigglorifikaw lil Ġeħova. Aħna nħossuna bħalma ħassu David, li kanta: “Niżżik ħajr qalb [“il-kongregazzjoni,” NW] kbira, qalb kotra taʼ nies infaħħrek.” (Salm 35:18) Fil-Konvenzjoni Distrettwali “Ubbidjenza Lejn Alla” li riesqa, kif nistgħu nkunu ċerti li, bħala poplu magħqud, inġibu tifħir lil Ġeħova?
2 Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu bil-kondotta tagħna. Il-maniġers taʼ post fejn saret konvenzjoni minnhom qalu: “Minħabba l-konvenzjonijiet tagħkom, aħna għedna lil gruppi reliġjużi oħra li xtaqu jikru dan il-post sabiex jiġu jaraw kif ix-Xhieda taʼ Ġeħova jorganizzaw il-konvenzjoni tagħhom, ladarba dawn għandhom arranġament perfett.” Bid-dehra, il-kooperazzjoni, u l-kondotta tagħna, kull wieħed minna jagħti sehmu biex isiru dawn l-espressjonijiet mimlijin tifħir, li bix-xieraq jirċivihom Alla tagħna.—1 Pt. 2:12.
3, 4. Il-modestja kif se tgħinna nilbsu kif jixraq lil ministri Kristjani, kemm fil-konvenzjoni kif ukoll wara s-sessjonijiet?
3 Id-Dehra Persunali: Biex ikollna lbies u dehra li jġibu tifħir lil Ġeħova għandna bżonn il-modestja. (1 Tim. 2:9) Il-ktieb Ministry School, paġna 132, jgħid: “Persuna modesta jinteressaha li ma toffendix lil oħrajn bla bżonn u li ma tiġbidx attenzjoni żejda lejha nfisha.” F’ħafna pajjiżi, l-ilbies immodest sar komuni. Madankollu, Ġeħova japprezza l-isforz li nagħmlu biex nirrappreżentawh kif jixraq. (Atti 15:14) Għalkemm il-konvenzjoni se ssir f’ċentru tal-konferenzi, matul it-tlett ijiem tal-konvenzjoni din il-laqgħa ssir “il-kongregazzjoni kbira” tagħna. Għaldaqstant, meta nkunu qegħdin niltaqgħu quddiem Ġeħova, għandna nilbsu bid-dinjità li tixraq lill-ogħla Persunaġġ fl-univers.—1 Kron. 29:11.
4 Barra minn hekk, jeħtieġ li noqogħdu attenti għad-dehra tagħna wara l-aħħar sessjoni taʼ kuljum. Għalkemm forsi nkunu nixtiequ nilbsu ħwejjeġ iktar komdi matul il-ħin liberu tagħna jew waqt xi ikla f’xi restorant, huwa importanti li l-ilbies u d-dehra tagħna xorta jkunu jixirqu lil dawk “li jgħidu li jqimu lil Alla.” (1 Tim. 2:10) Il-fatt li ċertu lbies huwa popolari fid-dinja ma jfissirx li huwa aċċettabbli għalina. (1 Ġw. 2:16, 17) Il-pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna jipprovdu stampi li jgħinuna naraw x’inhu lbies modest u adattat għall-irġiel u n-nisa f’diversi ċirkustanzi. Jekk nilbsu l-badges tagħna waqt li nkunu fl-inħawi tal-konvenzjoni se niftakru li aħna ministri Kristjani l-ħin kollu.—2 Kor. 6:3, 4.
5, 6. Kif nistgħu nuru rispett għall-mejda spiritwali taʼ Ġeħova?
5 Irrispetta l-Mejda taʼ Ġeħova: Il-Mulej Sovran taʼ l-univers ħejjielna festa. (Is. 25:6; 1 Kor. 10:21) Jekk il-post tagħna mal-mejda spiritwali taʼ Ġeħova hu għażiż ferm għalina, il-mira tagħna se tkun li nattendu t-tlett ijiem kollha tal-konvenzjoni. Irranġajt int għat-trasport u biex tieħu l-leave mix-xogħol sekulari tiegħek? Ippjanajt li twarrab biżżejjed ħin biex tipprepara kollox u tivvjaġġa ħalli tkun tistaʼ tasal fil-post tal-konvenzjoni kmieni biżżejjed? B’hekk, tkun tistaʼ ssib post fejn toqgħod bil-qiegħda, tassoċja maʼ ħutek, u tingħaqad magħhom biex tfaħħar lil Ġeħova fl-għanja u t-talba tal-bidu.—Salm 147:1.
6 Ir-rispett għall-mejda taʼ Ġeħova se jqanqalna noqogħdu attenti ferm għall-programm u nevitaw li bla bżonn nitkellmu m’oħrajn, nieklu, jew nippassiġġaw fil-kurituri. Permezz tal-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli, Ġeħova qed jipprovdilna l-ikel spiritwali li għandna bżonn eżatt issa. (Mt. 24:45) Ħadd minna ma jistaʼ jaffordja jitlef xi ħaġa minnu. Il-ġenituri għandhom joqogħdu bil-qiegħda ħdejn uliedhom u jgħinuhom jibbenefikaw bis-sħiħ.—Dt. 31:12.
7, 8. Liema opportunità oħra tagħtina l-konvenzjoni biex infaħħru lil Ġeħova?
7 Nagħtu Xiehda Informali: Waqt li nkunu sejrin għall-konvenzjoni u lura d-dar, aħna jkollna ħafna opportunitajiet biex infaħħru lil Ġeħova b’xofftejna. (Ebr. 13:15) Sew jekk inkunu qed nieklu f’xi restorant u sew jekk inkunu qed nitkellmu maʼ xi ħadd li jaħdem fil-lukanda, ejja nfittxu modi kif nagħtu xiehda. Moħħna u qalbna se jkunu mimlijin b’teżori spiritwali mill-konvenzjoni. Ejja naqsmu dawn l-affarijiet tajbin maʼ dawk li niltaqgħu magħhom b’mod informali.—1 Pt. 3:15.
8 Aħna nħarsu ’l quddiem b’ħerqa kbira lejn din l-opportunità biex inbierku lil Ġeħova “fil-ġemgħat.” (Salm 26:12) Ejjew ilkoll flimkien infaħħru lil Ġeħova fil-Konvenzjoni Distrettwali “Ubbidjenza Lejn Alla.”