Segwi lill-Kristu Billi Turi d-Dinjità
1. It-tema tal-konvenzjoni taʼ din is-sena kif inhi relatata maʼ li turi d-dinjità?
1 Il-Bibbja tiddeskrivi lil Ġeħova, is-Sovran taʼ l-Univers, bħala li hu mlibbes bid-dinjità. (Salm 104:1, New World Translation) Ġesù dejjem tkellem u aġixxa b’tali mod li onora lil Missieru u l-provvedimenti taʼ Missieru. (Ġw. 17:4) Ilkoll kemm aħna se jkollna opportunità biex nimitaw lil Ġesù u nġibu glorja lil Ġeħova matul il-Konvenzjonijiet Distrettwali li ġejjin “Segwi lill-Kristu!”
2. Il-preparamenti biex inkunu preżenti għal kull sessjoni kif jonoraw lil Ġeħova?
2 Qima Kollha Dinjità: Nistgħu nonoraw lil Ġeħova billi nagħmlu arranġamenti sabiex inkunu preżenti għall-festa spiritwali li hu ħejja għalina. Tkellimt int maʼ l-imgħallem tiegħek u rranġajt int l-affarijiet tiegħek biex tkun tistaʼ tattendi kull ġurnata tal-konvenzjoni, inkluż il-Ġimgħa? Ippjanajt int li tasal kmieni biżżejjed biex tkun tistaʼ ssib post u tieħu sehem fl-għanja u t-talba tal-ftuħ? Ippjanajt x’se tiekol f’nofsinhar sabiex tkun tistaʼ tkun maʼ l-aħwa fil-post tal-konvenzjoni? Fil-bidu taʼ kull sessjoni meta ċ-chairman jistidinna kordjalment biex insibu postna qabel ma tibda l-mużika, aħna għandna ntemmu l-konversazzjonijiet tagħna malajr u npoġġu bil-qiegħda għax ikun se jibda l-programm.
3. Il-fatt li nkunu qed nagħtu attenzjoni għall-programm kif jagħti dinjità lill-qima tagħna?
3 Li nagħtu attenzjoni mill-qrib għall-programm ukoll jonora lil Missierna tas-sema. Wara li osserva konvenzjoni distrettwali lokali, riporter kiteb li l-osservaturi jibqgħu impressjonati bl-“imġiba eżemplari taʼ dawk preżenti, (Ikompli f’paġna 4)
hekk kif huma jsegwu dak li jkun qed jingħad b’silenzju mimli rispett u b’turija ċara li huma jitgħaxxqu bl-affarijiet spiritwali.” Hu kkummenta wkoll fuq ‘il-ħafna tfal li kien hemm u li ħaġa mhux tas-soltu kienet li kollha kienu qed iġibu ruħhom sew u kienu medhijin ifittxu fil-Bibbja Mqaddsa.’ Waqt li jkun għaddej il-programm, ma jkunx il-ħin biex nitkellmu bla bżonn, nibagħtu l-messaġġi, nieklu, u nippassiġġaw fil-kurituri. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu bil-qiegħda ħdejn il-ġenituri tagħhom ħalli l-ġenituri jkunu jistgħu jgħinuhom jibbenefikaw mill-programm. (Dt. 31:12; Prov. 29:15) Sforzi bħal dawn juru rispett lejn oħrajn u apprezzament għall-ikel spiritwali vitali li jkun qed jiġi servut.
4. Id-dehra tagħna għala għandha tkun dinjituża meta nattendu l-konvenzjoni?
4 Dehra Dinjituża: Ħafna esprimew l-apprezzament tagħhom għat-tfakkiriet f’taħdita fil-konvenzjoni tas-sena l-oħra li kellha t-titlu “Uri d-Dinjità Kristjana l-Ħin Kollu,” li enfasizzat li l-qaddejja t’Alla għandhom jissieltu biex juru d-dinjità Kristjana fl-ilbies u d-dehra tagħhom. Din is-sena wkoll għandna nagħtu attenzjoni bis-serjetà għal din il-kwistjoni. L-apparenza tagħna tirrifletti dak li nħossu għal Ġeħova u għall-privileġġ li aħna x-Xhieda tiegħu. Aħna għandna dejjem nilbsu bħala wħud “li jgħidu li jqimu lil Alla.”—1 Tim. 2:9, 10.
5. Kif nistgħu nżommu apparenza dinjituża waqt il-ħin tar-rikreazzjoni fl-inħawi fejn tkun qed issir il-konvenzjoni?
5 Għandna nuru dinjità biss meta nkunu qed nattendu l-programm? Ftakar li ħafna se jaraw li nkunu lebsin il-badge tal-konvenzjoni waqt li nkunu fl-inħawi li tkun qed issir il-konvenzjoni. Id-dehra tagħna għandha tagħmilna nidhru differenti mill-pubbliku in ġenerali. Għalhekk, anki waqt il-ħin tar-rikreazzjoni, bħal meta noħorġu nieklu wara l-programm, għandna nilbsu b’tali mod li jkun jixraq lil ministri li jkunu f’dawk l-inħawi bl-iskop li jattendu konvenzjoni Kristjana u m’għandniex nilbsu ħwejjeġ bħal jeans, xortsijiet, jew T-shirts. X’xiehda tkun din għal dawk fil-komunità! Ġeħova jkun ferħan meta d-dehra tagħna tirrifletti l-irwol tagħna bħala ministri.
6. X’inhuma r-riżultati pożittivi li niksbu meta nuru d-dinjità Kristjana?
6 Riżultati Sodisfaċenti: Meta nżommu d-dinjità Kristjana noħolqu opportunitajiet biex nagħtu xiehda informali u wkoll inħallu lil dawk li jkunu qed josservaw b’impressjoni tajba. Fl-aħħar tal-konvenzjoni, wieħed uffiċjal qal: “Qatt ma rajna nies li jġibu ruħhom b’mod daqshekk tajjeb. Intom taġixxu bil-mod li Alla jistenna li naġixxu.” Meta nuru dinjità nkunu qed nuru rispett u mħabba lejn xulxin u nigglorifikaw lil Ġeħova. (1 Pt. 2:12) Din turi l-biżaʼ tagħna minn Alla u l-apprezzament li għandna għall-privileġġ li nkunu mgħallmin minn Missierna. (Ebr. 12:28) Jalla nħabirku biex nuru dinjità hekk kif nantiċipaw il-Konvenzjoni Distrettwali taʼ din is-sena “Segwi lill-Kristu!”