Skeda tal-Familja—Servizz taʼ l-Għalqa Bħala Familja
1 Ġeħova jitgħaxxaq jara liż-żgħażagħ ifaħħru lil ismu. (Salm 148:12, 13) Fi żmien Ġesù anki ‘ċ-ċkejknin u t-trabi tal-ħalib ipprovdew it-tifħir’ lil Alla. (Mt. 21:15, 16) L-istess qed jiġri llum. Ġenituri, kif tistgħu tgħinu lil uliedkom biex isiru wħud żelużi li jfaħħru lil Ġeħova fil-ministeru Kristjan? Għal darb’oħra, kif ġie enfasizzat fl-artiklu t’hawn fuq dwar il-laqgħat tal-kongregazzjoni, fattur fundamentali hu l-eżempju tagħkom. Wieħed missier tkellem għall-ġenituri taʼ kullimkien meta qal: “It-tfal ma jagħmlux dak li tgħid int; jagħmlu dak li tagħmel!”
2 Oħt li trabbiet minn ġenituri li għandhom il-biżaʼ t’Alla tiftakar: “Qatt ma konna nqumu s-Sibt fil-għodu u nistaqsu jekk hux se mmorru fil-ministeru. Konna nafu li se mmorru.” Bl-istess mod, tistaʼ tnaqqax f’uliedek l-importanza tax-xogħol taʼ l-ippridkar billi tistabbilixxi rutina konsistenti kull ġimgħa biex tieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa bħala familja. Dan mhux biss se jħalli lil uliedek jaraw lilek u jitgħallmu minnek, imma wkoll se jippermettilek tosserva l-attitudni, il-manjieri, u l-kapaċitajiet li qed jiżviluppaw huma.
3 Taħriġ Progressiv: Sabiex it-tfal jieħdu pjaċir fil-ministeru, iridu jkunu preparati sabiex jieħdu sehem b’mod effettiv. L-oħt li kkwotajna qabel qalet ukoll: “Aħna qatt ma konna mmorru biex sempliċement nimxu wara l-ġenituri u nakkumpanjawhom fix-xogħol tagħhom. Konna nafu li se nieħdu sehem, anki jekk kien biss li ndoqqu l-qanpiena u nħallu fuljett. Bi preparazzjoni bir-reqqa qabel l-attivitajiet taʼ kull tmiem il-ġimgħa, konna nkunu nafu x’se ngħidu.” Tistaʼ tipprovdi taħriġ bħal dan għal uliedek billi tieħu ftit minuti kull ġimgħa matul l-istudju tal-familja jew f’xi ħin ieħor biex tippreparahom għall-ministeru.
4 L-ippridkar flimkien bħala familja jagħtikom opportunità oħra biex tnaqqxu l-verità f’uliedkom. Missier Kristjan kien jieħu lit-tifla miegħu meta kien jimxi għaxar kilometri kull naħa biex iqassam il-fuljetti lin-nies tar-raħal f’wied li kien fil-qrib. “Kien matul dawk il-mixjiet,” tiftakar b’għożża t-tifla, “li missieri naqqax il-verità f’qalbi.” (Dt. 6:7) Jalla int ukoll tiġi mbierek talli tagħmel is-servizz taʼ l-għalqa tal-familja tiegħek parti mill-iskeda taʼ kull ġimgħa.