Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—Il-Ħdax-il Parti
Ngħinu lill-Istudenti Jagħmlu ż-Żjajjar Lura
1 Meta student tal-Bibbja jibda jieħu sehem fix-xogħol taʼ lippridkar, hu jibda jiltaqaʼ maʼ nies li juru interess fl-aħbar tajba. Kif nistgħu ngħinu lil pubblikatur ġdid jagħmel żjajjar lura effettivi u jikkultiva l-interess taʼ l-individwu li jkun iltaqaʼ miegħu?
2 Il-preparazzjoni għal żjara lura tibda meta nżuru lill-persuna lewwel darba. Inkuraġġixxi lill-istudent biex juri interess sinċier f’dawk li jitkellem magħhom. (Flp. 2:4) Ħarrġu pass pass biex jitgħallem kif jgħin lill-inkwilini jesprimu ruħhom, kif joqgħod jismaʼ dak li għandhom x’jgħidu, u kif jagħti kas taʼ dak li jinteressahom. Meta xi ħadd juri interess, stieden lill-pubblikatur il-ġdid jikteb l-informazzjoni meħtieġa rigward iż-żjara. Uża din l-informazzjoni biex tgħinu jippjana x’se jiddiskuti darb’oħra.
3 Ippreparaw biex Terġgħu Tmorru: Irrivedi x’ġara fl-ewwel żjara, u uri lill-istudent kif jagħżel aspett mill-messaġġ tas-Saltna li jinteressa lill-inkwilin. (1 Kor. 9:19-23) Ippreparaw flimkien preżentazzjoni qasira li tkun tinkludi skrittura kif ukoll paragrafu minn xi pubblikazzjoni. Barra minn dan, ħejju mistoqsija li tkun tistaʼ ssir fi tmiem id-diskussjoni biex biha tiftħu t-triq għal żjara oħra. Uri lill-pubblikatur il-ġdid kif jgħin lill-individwu jkabbar l-għarfien tal-Kelma t’Alla kull darba li jżuru.
4 Ikun t’għajnuna wkoll jekk lill-istudent tgħallmu introduzzjoni sempliċi. Wara li jsellem lill-inkwilin, forsi jistaʼ jgħidlu: “L-aħħar darba ħadt pjaċir nitkellem miegħek u rġajt ġejt biex inkompli nurik x’tgħid il-Bibbja dwar [semmi s-suġġett].” Forsi jkollok bżonn ukoll turi lill-pubblikatur il-ġdid x’għandu jgħid jekk xi ħadd differenti jiftaħ il-bieb.
5 Ħabrek biex Tagħmel iż-Żjajjar Lura: Inkuraġġixxi lill-istudent jagħti eżempju tajjeb billi jerġaʼ jmur mill-iktar fis għand dawk kollha li juru interess. Għandu mnejn ikollu bżonn jagħmel ħafna żjajjar lura biex isib lill-persuna d-dar. Għallem lill-istudent kif jagħmel appuntament għal żjara lura u għinu jifhem il-ħtieġa li jirritorna kif ikun wiegħed. (Mt. 5:37) Ħarreġ lill-pubblikatur il-ġdid biex ikun qalbu tajba, jagħder, u juri rispett hekk kif ifittex uħud bħal nagħaġ u jikkultiva l-interess li juru.—Titu 3:2.