Xiehda Mingħajr Kliem
1 Mingħajr ma jlissen kelma, il-ħolqien fiżiku taʼ Ġeħova jagħti ħafna informazzjoni dwar il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu. (Salm 19:2-4 [1-3, New World Translation]; Rum. 1:20) B’mod simili, il-kondotta tajba, il-kwalitajiet Kristjani, u d-dehra modesta tagħna jagħtu xiehda mingħajr kliem. (1 Pt. 2:12; 3:1-4) Għandha tkun ix-xewqa taʼ kull wieħed u waħda minna li bl-imġiba tagħna ‘nsebbħu f’kollox it-tagħlim t’Alla, is-Salvatur tagħna.’—Titu 2:10.
2 Kif inhu possibbli għall-bnedmin imperfetti li jsebbħu t-tagħlim tal-Bibbja? Dan hu possibbli biss permezz tal-gwida tal-Kelma t’Alla u l-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis. (Salm 119:105; 143:10) Il-kelma t’Alla “hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar.” (Ebr. 4:12) Tippenetra ġewwa fina u tgħinna nilbsu l-personalità l-ġdida. (Kol. 3:9, 10) L-ispirtu qaddis jipproduċi ġewwa fina kwalitajiet mixtieqa, bħall-qalb tajba, it-tjubija, il-ħlewwa, u r-rażna. (Gal. 5:22, 23) Personalment qegħdin aħna nħallu l-kelma u l-ispirtu t’Alla jaħdmu f’ħajjitna?—Efes. 4:30; 1 Tess. 2:13.
3 Oħrajn Jinnotaw: Oħrajn jinnotaw meta aħna ngħixu fi qbil mal-livelli taʼ Ġeħova u nistinkaw biex nirriflettu l-kwalitajiet tiegħu. Per eżempju, ikkunsidra raġel li ġie ridikolat minn sħabu tax-xogħol minħabba li kien qasir. Oħt li kienet taħdem fl-istess uffiċċju dejjem ittrattatu b’dinjità u rispett. Dan ġagħlu jistaqsiha għala kienet daqstant differenti. Hi spjegat li kellha kondotta taʼ rispett minħabba li kienet qed tapplika prinċipji Bibliċi f’ħajjitha. Ukoll qasmet miegħu t-tama meraviljuża tas-Saltna. Ir-raġel beda jistudja l-Bibbja u eventwalment wasal biex tgħammed. Meta rritorna f’pajjiżu, il-qraba tiegħu kienu impressjonati bil-kondotta tajba tiegħu, ukoll diversi minnhom ħaddnu l-verità.
4 Fuq ix-xogħol, fl-iskola, jew meta nkunu mal-qraba u l-ġirien, bil-kondotta tajba tagħna, flimkien maʼ l-għoti taʼ xiehda tagħna, nistgħu nqanqlu lil oħrajn jagħtu glorja lil Alla.—Mt. 5:16.