Dak li Jwettaq il-Ministeru Tagħna
1. Ġeħova kif iħares lejn il-ministeru tagħna, u n-nies kif jirreaġixxu?
1 Il-Kelma t’Alla tiddeskrivi ’l-Kristjani bħala li qed jimmarċjaw b’mod trijonfali fis-servizz taʼ Ġeħova, bħallikieku f’parata taʼ rebħa. (2 Kor. 2:14-16) Hekk kif nagħmlu l-għarfien t’Alla magħruf, l-offerti tas-servizz tagħna huma bħal inċens li jogħġob lil Ġeħova. Xi nies jinġibdu lejn ir-riħa ħelwa taʼ l-aħbar tajba; oħrajn jitbiegħdu minnha. Imma l-fatt li l-maġġuranza jirreaġixxu b’mod negattiv ma jfissirx li xogħolna mhux qed jirnexxi. Ikkunsidra xi jwettaq il-ministeru tagħna.
2. Il-ministeru tagħna x’jippermettilna nuru?
2 Nigglorifikaw lil Ġeħova: Satana jsostni li l-bnedmin jaqdu lil Ġeħova għal raġunijiet egoistiċi. (Ġob 1:9-11) Il-ministeru Kristjan jipprovdilna l-opportunità biex nuru li d-devozzjoni tagħna lejn Alla hija ġenwina. Ħafna pubblikaturi jkomplu jobdu l-kmand biex jippridkaw u jagħmlu dixxipli minkejja ċirkustanzi persunali diffiċli jew l-indifferenza tan-nies in ġenerali. Dan is-sabar leali jferraħ qalb Ġeħova!—Prov. 27:11.
3. Għala hu daqshekk essenzjali li aħna nkomplu nagħmlu l-isem u l-iskop t’Alla magħrufin?
3 Barra minn hekk, il-ministeru tagħna għandu rwol fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla. B’konnessjoni mal-qerda li ġejja fuq id-dinja taʼ Satana, Ġeħova jgħid: “Il-ġnus se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.” (Eżek. 39:7, NW) Biex il-ġnus ikunu jafu dan, huwa essenzjali li l-qaddejja t’Alla jkomplu jiddikjaraw ismu u l-iskop tiegħu “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.”—Riv. 14:6, 7.
4. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar kif iservi bħala bażi għall-ġudizzju?
4 Bażi għall-Ġudizzju: Lippridkar taʼ l-aħbar tajba jservi wkoll bħala bażi għall-ġudizzju. L-appostlu Pawlu qal li Kristu Ġesù se jġib vendetta fuq “dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tess. 1:8, 9) Se jsir ġudizzju fuq in-nies skond kif jirreaġixxu għall-aħbar tajba. X’responsabbiltà serja jpoġġi dan fuq il-qaddejja t’Alla! Sabiex nevitaw li nkunu ħatjin tad-demm, aħna ma rridux inżommu lura milli nagħmlu magħruf il-messaġġ tas-Saltna li jsalva l-ħajjiet.—Atti 20:26, 27.
5. Il-ministeru tagħna kif jirrifletti l-ħniena t’Alla?
5 L-isforzi kontinwi tagħna biex ngħinu lil għajrna jikseb il-favur t’Alla huma espressjoni tal-ħniena taʼ Ġeħova. (1 Tim. 2:3, 4) Minħabba li nafu li l-ħajjiet tan-nies jinbidlu l-ħin kollu, aħna nerġgħu mmorru għandhom darba wara l-oħra u nħeġġuhom ifittxu lil Ġeħova waqt li għad għandhom iċ-ċans. Meta nagħmlu hekk, aħna nirriflettu “l-mogħdrija tenera t’Alla tagħna,” li “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.”—Lq. 1:78; 2 Pt. 3:9.
6. Kif nibbenefikaw jekk ikollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova?
6 Nibbenefikaw Aħna Stess: Huwa taʼ protezzjoni għalina li jkollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova. Dan jgħinna ‘nżommu dejjem f’moħħna l-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova’ u nevitaw li nitniġġsu mis-sistema preżenti mill-agħar. (2 Pt. 3:11-14; Titu 2:11, 12) Mela jalla ‘nibqgħu sodi, ma nitħarrkux, waqt li dejjem ikollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej,’ għax nafu li l-isforzi tagħna fil-ministeru Kristjan m’humiex għalxejn.—1 Kor. 15:58.