Uri Interess Persunali—Billi Tistaqsi Mistoqsijiet u Tagħti Widen
1 Il-maġġuranza tan-nies jieħdu pjaċir jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom, imma jiddejqu meta xi ħadd jippridkalhom jew jinterrogahom. Għalhekk, bħala ministri Kristjani rridu nitgħallmu s-sengħa taʼ li nużaw il-mistoqsijiet biex ngħinu n-nies jesprimu ruħhom.—Prov. 20:5.
2 Il-mistoqsijiet tagħna għandhom iqanqlu, mhux jintimidaw. Meta jkun qed jippriedka minn dar għal dar, wieħed ħu jistaqsi: “Taħseb li qatt se jkun hawn żmien meta n-nies jittrattaw lil xulxin bid-dinjità u bir-rispett?” Skond it-tweġiba, hu jkompli billi jgħid, “X’taħseb li hemm bżonn biex inwettqu dan?” jew “Għala tħossok hekk?” Meta jkun qed jagħti xiehda informali u f’postijiet pubbliċi, ħu ieħor jistaqsi lil dawk li għandhom it-tfal, “X’jogħġbok l-iktar dwar li tkun ġenitur?” Imbagħad hu jistaqsi, “Fuqiex tinkwieta l-iktar?” Innota li dawn il-mistoqsijiet iħallu lin-nies jesprimu l-ħsibijiet tagħhom mingħajr ma ndaħħluhom f’sitwazzjoni imbarazzanti. Peress li ċ-ċirkustanzi jvarjaw, forsi jkollna naġġustaw is-suġġett u l-istil tal-mistoqsijiet tagħna biex jaqblu maʼ dawk fit-territorju tagħna.
3 Ngħinu lin-Nies Jesprimu Ruħhom: Jekk in-nies huma lesti jaqsmu magħna l-ħsibijiet tagħhom, ismaʼ bil-paċenzja mingħajr ma twaqqafhom għal xejn b’xejn. (Ġak. 1:19) B’qalb tajba irrikonoxxi l-kummenti tagħhom. (Kol. 4:6) Tistaʼ sempliċement tgħid: “Interessanti. Grazzi talli qsamt il-ħsibijiet tiegħek miegħi.” Faħħarhom jekk tistaʼ tagħmel dan b’mod sinċier. B’tattika staqsihom mistoqsijiet oħra biex issir taf x’jaħsbu u għala jħossuhom hekk. Fittex dak li għandkom komuni bejnietkom. Meta tkun trid tidderieġi l-attenzjoni tagħhom lejn skrittura tistaʼ tgħid, “Qatt ikkunsidrajt dan bħala possibbiltà?” Evita li tkun dommatiku jew argumentattiv.—2 Tim. 2:24, 25.
4 Kif ħaddieħor iwieġeb għall-mistoqsijiet tagħna jistaʼ jiddependi ħafna minn kemm aħna nisimgħu. In-nies jindunaw jekk aħniex tassew nisimgħu bis-sinċerità. Indokratur li jivvjaġġa osserva: “Meta turi li trid tismaʼ lin-nies bil-paċenzja, dan ikollu l-effett taʼ l-għaġeb li jappella u hu turija mill-isbaħ taʼ interess persunali mill-qalb.” Meta tismaʼ lil oħrajn tkun qed tagħtihom unur, u tistaʼ tqanqalhom jisimgħu l-aħbar tajba li aħna nħabirku biex naqsmu.—Rum. 12:10.