Vidjo li Jenfasizza Żvilupp Mediku Importanti
Il-professjonisti legali u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa qegħdin jagħtu iktar u iktar attenzjoni għall-opinjonijiet morali u d-drittijiet tal-pazjenti mediċi. Dan il-fatt mexxa ’l quddiem terapiji u metodi ġodda li minnhom jistgħu jibbenefikaw ix-Xhieda taʼ Ġeħova. (Atti 15:28, 29) Dan huwa dak li hu spjegat fil-vidjo Transfusion-Alternative Health Care—Meeting Patient Needs and Rights (Kura tas-Saħħa Alternattiva għat-Trasfużjoni—Jiġu Rispettati l-Ħtiġijiet u d-Drittijiet tal-Pazjent). Arah, imbagħad irrivedi dak li tgħallimt.—Innota: Minħabba li l-vidjo jinkludi xeni qosra t’operazzjonijiet, il-ġenituri għandhom jużaw l-għaqal meta jaraw il-vidjo maʼ wliedhom iż-żgħar.
(1) Xi wħud fil-komunità medika għala qed jerġgħu jaħsbuha dwar l-użu tat-trasfużjonijiet tad-demm? (2) Agħti tliet eżempji t’operazzjonijiet komplikati mwettqin mingħajr trasfużjonijiet tad-demm. (3) Kemm-il tabib u kirurgu mad-dinja kollha indikaw li huma lesti li jagħtu kura lill-pazjenti mingħajr trasfużjonijiet tad-demm? Għala huma lesti li jagħmlu dan? (4) L-istudji reċenti li għamlu xi sptarijiet xi wrew dwar lużu tad-demm? (5) X’inhuma r-riskji mediċi jekk jingħataw it-trasfużjonijiet tad-demm? (6) Xi kkonkludew ħafna esperti dwar il-benefiċċji t’alternattivi għat-trasfużjonijiet? (7) X’jikkaġuna l-anemija? Il-bnedmin kemm jistgħu jittollerawha? X’jistaʼ jsir biex ipatti għaliha? (8) Kif tistaʼ titqanqal il-produzzjoni taċ-ċelluli ħomor fil-ġisem taʼ pazjent? (9) Liema metodi qed jintużaw sabiex it-telf taʼ demm jonqos matul operazzjoni? (10) Jistgħu l-alternattivi għat-trasfużjonijiet ikunu effettivi għat-tfal żgħar jew għal uħud li jkunu involuti f’każi t’emerġenza meta l-ħajja tkun fil-periklu? (11) X’inhu wieħed mill-prinċipji etiċi primarji għal kura medika tajba? (12) Għala huwa importanti li l-Kristjani jagħżlu minn qabel liema kura mingħajr demm se jieħdu? Kif nistgħu nagħmlu dan?
Li wieħed jaċċetta xi kura li tissemma fil-vidjo hija deċiżjoni persunali taʼ kull individwu fi qbil mal-kuxjenza tiegħu mħarrġa mill-Bibbja. Iddeċidejt liema alternattivi għat-trasfużjoni lest li taċċetta għalik u għal uliedek? Il-membri tal-familja li m’humiex Xhieda wkoll għandhom jiġu informati għalkollox bid-deċiżjonijiet tiegħek u r-raġunijiet għalihom.—Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” fil-ħarġiet tat-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Ġunju u tal-15 t’Ottubru, 2000.