Oħloq Opportunitajiet biex Tippriedka
1 Il-kongregazzjoni Kristjana hija magħmula minn nies li għandhom ċirkustanzi differenti. Madankollu, aħna ninsabu magħqudin fid-determinazzjoni tagħna li nfaħħru lil Ġeħova. (Salm 79:13) Jekk is-saħħa jew ċirkustanzi diffiċli oħra jillimitaw is-sehem tagħna f’li nipproklamaw l-aħbar tajba, kif nistgħu noħolqu opportunitajiet biex nippridkaw?
2 Fl-Attivitajiet taʼ Kuljum: Ġesù kien jieħu l-opportunità biex jagħti xiehda lin-nies li kien jiltaqaʼ magħhom fil-ħajja taʼ kuljum. Hu kellem lil Mattew waqt li kien għaddej minn quddiem uffiċċju tat-taxxi, lil Żakkew meta kien qed jivvjaġġa, u lil mara Samaritana waqt li kien qed jistrieħ. (Mt. 9:9; Lq. 19:1-5; Ġw. 4:6-10) Fl-attivitajiet tagħna taʼ kuljum, aħna wkoll nistgħu ndawru konversazzjoni ordinarja f’għoti taʼ xiehda. Il-fatt li nġorru l-Bibbja magħna, flimkien maʼ xi fuljetti jew browxers, se jgħinna nkunu lesti biex nitkellmu dwar it-tama tagħna.—1 Pt. 3:15.
3 Issibha diffiċli biex tipparteċipa fix-xogħol minn dar għal dar minħabba l-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħek? Oqgħod attent għal opportunitajiet biex tagħti xiehda lin-nies fil-qasam mediku li jiġu jżuruk u oħrajn li tiltaqaʼ magħhom. (Atti 28:30, 31) Jekk iċ-ċirkustanzi spiss jirrikjedu li toqgħod id-dar, qatt ipprovajt tagħti xiehda permezz tat-telefon jew bl-ittri? Waħda oħt tikteb b’mod regulari lill-membri tal-familja tagħha li m’humiex Xhieda. Hi tinkludi ħsibijiet inkuraġġanti mill-Bibbja u esperjenzi li jkollha waqt li tkun qed tagħti xiehda.
4 Fuq ix-Xogħol jew fl-Iskola: Ix-xewqa tagħna li nfaħħru lil Ġeħova se tqanqalna wkoll biex noħolqu opportunitajiet biex niżirgħu żrieragħ tal-verità fuq ix-xogħol jew fl-iskola. Pubblikatur li għandu tmien snin tkellem mat-tfal tal-klassi tiegħu fuq dak li kien qara minn Stenbaħ! dwar il-qamar. Wara li saret taf minfejn kiseb l-informazzjoni, l-għalliema tiegħu bdiet taċċetta kopji tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! fuq bażi regulari. Il-fatt li nżommu kopja tal-ktieb X’Tgħallem il-Bibbja? fuq il-post tax-xogħol fejn oħrajn jistgħu jarawh jistaʼ jqajjem mistoqsijiet u jwassal għal opportunità biex nagħtu xiehda.
5 Tistaʼ taħseb f’xi modi kif tistaʼ toħloq opportunitajiet biex tippriedka fl-attivitajiet tiegħek taʼ kuljum? Billi nieħdu vantaġġ miċ-ċirkustanzi tagħna, jalla nħabirku kuljum biex ‘noffru sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla.’—Ebr. 13:15.