TEMA TAX-XAHAR: “IPPRIEDKA L-KELMA U AGĦMEL DAN B’URĠENZA.”—2 Tim. 4:2.
Aħtaf l-opportunitajiet li għandek int biex ixxandar il-messaġġ tas-Saltna!
1. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ David?
1 Is-Sultan David ma kienx iħalli ċ-ċirkustanzi tiegħu jżommuh lura. Pereżempju, David ried jibni dar għal Ġeħova. Meta ma tħalliex jagħmel dan, David aġġusta l-miri tiegħu u għen biex ilesti l-affarijiet għal Salamun ħalli jibni t-tempju. (1 Slat. 8:17-19; 1 Kron. 29:3-9) Minflok ma qagħad jhewden fuq dak li ma setax jagħmel, David iffoka fuq dak li setaʼ jagħmel. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ David hekk kif infittxu modi kif inxandru l-messaġġ tas-Saltna?
2. Liema eżami persunali għandna nagħmlu?
2 Agħmel dak li tistaʼ: Ħafna aħwa ssimplifikaw ħajjithom ħalli jibdew jaqdu bħala pijunieri awżiljarji jew regulari. (Mt. 6:22) Tistaʼ tagħmel bħalhom? Hekk kif teżamina ċ-ċirkustanzi tiegħek u titlob dwarhom, jistaʼ jkun li tara li hemm “bieb kbir għax-xogħol” miftuħ għalik. Jekk inhu hekk, aħtaf dik l-opportunità!—1 Kor. 16:8, 9.
3. Minn liema opportunitajiet nistgħu nieħdu vantaġġ jekk iċ-ċirkustanzi tagħna ma jippermettux li naqdu bħala pijunieri?
3 Imma xi ngħidu jekk iċ-ċirkustanzi tiegħek ma jippermettux li taqdi bħala pijunier? Jistaʼ jkun li hemm opportunitajiet oħra disponibbli għalik? Iva, u dawn għandek taħtafhom. Pereżempju, jekk fix-xogħol tiegħek tkun maʼ wħud li mhumiex Xhieda, għala ma taħtafx opportunità xierqa biex tagħtihom xhieda? Jew jekk għandek xi problemi taʼ saħħa, tistaʼ int tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet li tagħti xhieda lil tobba, infermieri, u oħrajn? Ftakar li hemm provvediment li dawk li huma tassew limitati fl-attività tagħhom, minħabba l-età jew mard serju, jistgħu jirrapportaw kull 15-il minuta li jqattgħu jippritkaw. Meta tkun qed timla r-rapport tas-servizz tal-għalqa taʼ kull xahar, (ikompli f’paġna 2) tinsiex tniżżel il-ħin li tkun qattajt tagħti xhieda informali. Niżżel ukoll kwalunkwe letteratura li tkun ħallejt, inkluż fuljetti individwali u inviti għat-Tifkira u l-konvenzjoni. Għandek mnejn tibqaʼ mistagħġeb b’kemm jakkumula ħin meta taħtaf dawn l-opportunitajiet li donnhom jidhru żgħar!
4. X’int determinat li tagħmel?
4 Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi persunali tagħna, ejja naħtfu kull opportunità biex inxandru l-aħbar tajba. B’hekk, se nesperjenzaw is-sodisfazzjon li nkunu nafu li qed nagħmlu kulma nistgħu għas-Saltna.—Mk. 14:8; Lq. 21:2-4.