Għajnuna li Hi Disponibbli
1. Wieħed kif jistaʼ jiddgħajjef spiritwalment?
1 Anna, oħt miżżewġa raġel li ma jemminx u li xogħolha jiħdilha ħafna ħin, sabitha diffiċli tattendi l-laqgħat Kristjani b’mod regulari, tipparteċipa fil-ministeru, u tistudja l-Kelma t’Alla. Għalkemm baqgħet tħobb lil Ġeħova, hi saret inattiva. B’ferħ irċiviet għajnuna spiritwali minn anzjani li kienu konċernati.
2. Il-Kristjani kollha b’liema mod jistgħu juru li huma disposti biex jgħinu?
2 Il-fatt li naċċettaw l-għajnuna spiritwali li toffrilna l-kongregazzjoni Kristjana juri kemm nistrieħu fuq Ġeħova nnifsu. Billi jimitaw l-għajnuna bi mħabba li wera Ġesù Kristu, l-anzjani fil-kongregazzjoni jfittxu opportunitajiet biex joffru inkuraġġiment u għajnuna prattika lil dawk li qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet f’li jwettqu l-attivitajiet spiritwali tagħhom. ( 1 Tess. 5:14) Ħafna drabi kelma taʼ inkuraġġiment ibbażata fuq Skritturi li jqawwu l-qalb tkun eżatt dak li jkun hemm bżonn. Il-Kristjani kollha, mhux biss l-anzjani, għandhom jieħdu l-inizjattiva biex jgħinu lil dawk li jinsabu temporanjament f’kundizzjoni dgħajfa. M’hemmx dubju li lkoll esperjenzajna l-qawwa taʼ “kelma li tingħad f’waqtha.”—Prov. 25:11; Is. 35:3, 4.
3, 4. X’hemm involut f’li ngħinu lill-oħrajn, u kif nistgħu nagħmlu dan?
3 Ħu l-Inizjattiva: Li nuru interess bi mħabba f’dawk li għandhom bżonn l-għajnuna jirrikjedi li nieħdu l-inizjattiva aħna, inħossu għall-oħrajn, u nuru ħeġġa. Meta Ġonatan sar jaf bis-sitwazzjoni taʼ niket li kien fiha David, hu “qabad u mar ħdejn David f’Ħores u qawwielu qalbu f’Alla.” (1 Sam. 23:15, 16) Għin lill-oħrajn b’mod ħanin. Kliem motivat minn interess ġenwin jipproduċi l-aħjar riżultati. Iktar minn hekk, Ġesù wera b’mod ċar li jirrikjedi sforz għaqli u bi skop biex nerġgħu nirbħu lil ħutna spiritwali. (Lq. 15:4) Meta jkollna xewqa qawwija li ngħinu lil persuna oħra, se niġu motivati biex nipperseveraw f’li noffru l-għajnuna anki jekk il-progress ma jkunx jidher mill-ewwel.
4 Kemm ikun taʼ inkuraġġiment meta nieħdu l-inizjattiva biex nistiednu lill-oħrajn, bħal dawk li huma fl-istudju tal-ktieb tagħna, biex jakkumpanjawna fil-ministeru! Hekk kif nassistu lil xi qaddej seħibna taʼ Ġeħova biex jieħu sehem fil-ministeru, nistgħu nużaw l-opportunità biex ninkuraġġuh. Mumenti taʼ ferħ bħal dawn li nqattgħu flimkien fis-servizz taʼ Ġeħova huma inkuraġġanti b’mod speċjali għal dawk li qegħdin jerġgħu jiksbu l-bilanċ spiritwali tagħhom.
5. Liema għajnuna jistgħu joffru l-anzjani f’xi ċirkustanzi?
5 Arranġament bi Mħabba: Dawk li ilhom ma jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar jew ilhom ma jissieħbu mal-kongregazzjoni għal xi żmien forsi jkollhom bżonn iżjed għajnuna biex jissaħħu fil-fidi. Studju persunali tal-Bibbja minn xi pubblikazzjoni bħalma hu l-ktieb Qim lill-Uniku Alla Veru, Ersaq Qrib Lejn Jehovah jew Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? jistaʼ jkun eżatt dak li hemm bżonn. Minħabba li l-persuna tkun diġà mgħammda, ġeneralment ma jkunx hemm bżonn li l-istudju jitkompla għal perijodu twil taʼ żmien. Il-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni għandu joqgħod attent u jara min jistaʼ jibbenefika minn dan il-provvediment.—Ara l-Kaxxa għall-Mistoqsija fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Novembru 1998 u Diċembru 2000.
6. Waħda oħt kif reġgħet kisbet is-saħħa spiritwali?
6 Anna, li ssemmiet qabel, kienet grata għall-fatt li l-anzjani offrewlha li tmur oħt matura spiritwalment biex tistudja magħha. Erbaʼ sessjonijiet taʼ studju kienu dak li kellha bżonn biex tersaq qrib lejn Ġeħova mill-ġdid. Hi reġgħet bdiet tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni u għal darb’oħra tkebbset ix-xewqa tagħha li tfaħħar lil Alla Ġeħova pubblikament. L-oħt matura għenitha wkoll fil-ministeru billi ħaditha magħha fuq studji tal-Bibbja oħrajn sakemm kienet b’saħħitha biżżejjed biex tippriedka minn bieb għal bieb. Għajnuna mill-qalb kienet kulma kellha bżonn biex terġaʼ tibda l-attivitajiet spiritwali!
7. X’benefiċċji jkun hemm meta nsaħħu lill-oħrajn spiritwalment?
7 Li nsaħħu lil dawk fil-bżonn iġib barkiet fuq kulħadd. Il-wieħed li jkun qed jiġi megħjun igawdi l-hena li jiġi meta nersqu qrib lejn Ġeħova u ninvolvu ruħna fl-attivitajiet taʼ l-organizzazzjoni Tiegħu. L-anzjani jifirħu meta jaraw progress spiritwali bħal dan. (Lq. 15:5, 6) Il-membri tal-kongregazzjoni jingħaqdu flimkien f’unità u juru tħassib kollu mħabba għal xulxin. (Kol. 3:12-14) Ċertament li għandna raġuni tajba biex nimitaw lil Ġeħova li hu dejjem lest biex jgħin!—Efes. 5:1.