Uża b’Mod Effettiv il-Ħin Tiegħek fil-Ministeru
1 Żgur li hemm ħafna x’jitwettaq fil-ministeru tagħna, u ż-żmien li fadal qsar. (Ġw. 4:35; 1 Kor. 7:29) Jekk nibqgħu organizzati tajjeb u nippjanaw bil-quddiem, aħna nistgħu nużaw b’mod effettiv il-ħin tagħna li warrabna fl-iskeda għall-ministeru.
2 Kun Preparat: Qabel ma tmur il-laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa, kun ċert li għandek il-letteratura li se tuża u li taf il-preżentazzjoni tiegħek. Wara li l-laqgħa tispiċċa bit-talba mur direttament lejn it-territorju. Dan se jippermetti lilek u lil dawk li se jaħdmu miegħek biex twettqu dak kollu li tistgħu fil-ħin disponibbli għas-servizz taʼ l-għalqa.
3 Jekk tkun inkarigat li tikkonduċi l-laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa, ibda fil-ħin. Żomm il-laqgħa qasira—mhux iktar minn 10 minuti sa kwarta. Qabel ma tibgħat il-grupp, kun ċert li kulħadd ikun jaf fejn u maʼ min se jaħdem.
4 Matul il-Ministeru: Ladarba tispiċċa l-laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa, titlifx żmien bla bżonn, imma lesti biex tmur direttament lejn it-territorju. Jekk tkun taf li se titlaq kmieni mit-territorju, forsi tistaʼ tirranġa li jkollok it-trasport tiegħek stess ħalli l-kumplament tal-grupp ma jkollux għalfejn jitlaq kmieni. Meta tkun qed taħdem maʼ grupp, ikkunsidra lill-oħrajn li forsi jkunu qed jistennewk biex ittemm xi diskussjoni. Għandu mnejn li jkollok tħalli bit-tattika lil xi individwu li jrid jargumenta jew li tirranġa li żżur lura lil xi ħadd li jkun wera interess.—Mt. 10:11.
5 Meta tkun qed tagħmel iż-żjajjar lura, tistaʼ tevita li tivvjaġġa bla bżonn billi żżur lil dawk li jkunu fl-istess inħawi tiegħek qabel ma tmur f’post ieħor. Forsi tkun tistaʼ ċċempel lil xi wħud minn dawk li tixtieq iżżur biex tkun ċert li se jkunu d-dar. (Prov. 21:5) Jekk taħseb li se ddum fuq iż-żjara, dawk li jkunu fil-grupp tiegħek jistgħu joqogħdu jippridkaw fil-viċin jew jagħmlu żjara lura oħra.
6 Aħna qed ngħixu fi żmien taʼ ħsad spiritwali kbir. (Mt. 9:37, 38) Dalwaqt ix-xogħol se jispiċċa. Għalhekk, ix-xewqa tagħna għandha tkun li nużaw b’mod effettiv il-ħin tagħna waqt li nkunu fil-ministeru.