Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Jistgħu ż-żewġ ġenituri jniżżlu l-ħin li jużaw għall-istudju regulari tal-familja?
Għalkemm il-missirijiet għandhom ir-responsabbiltà primarja li jrabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova,” iż-żewġ ġenituri jieħdu sehem fit-taħriġ taʼ wliedhom. (Efes. 6:4) Il-Bibbja tinkuraġġixxi lit-tfal: “Ibni, ismaʼ mid-dixxiplina taʼ missierek, u titlaqx il-liġi t’ommok.” (Prov. 1:8) Aspett importanti tat-taħriġ mill-ġenituri hu l-istudju tal-Bibbja tal-familja.
Fil-passat, kien biss il-ġenitur li jkun qed jikkonduċi l-istudju tal-familja maʼ wliedu li ma jkunux mgħammdin li jirrapporta l-ħin, anki jekk iż-żewġ ġenituri kienu involuti fid-diskussjoni. Madankollu, qed isir aġġustament. Jekk matul l-istudju tal-familja ż-żewġ ġenituri jieħdu sehem flimkien biex jgħallmu lit-tfal, it-tnejn li huma jistgħu jgħoddu mhux iktar minn siegħa fil-ġimgħa bħala servizz taʼ l-għalqa. M’għandniex xi ngħidu, il-ġenituri ġeneralment iqattgħu ħafna iktar minn siegħa fil-ġimgħa jgħallmu lil uliedhom. It-taħriġ tat-tfal jinvolvi sforz kontinwu min-naħa taż-żewġ ġenituri. (Dt. 6:6-9) Madankollu, ir-rapport tas-servizz taʼ l-għalqa taʼ kull xahar għandu jirrifletti primarjament dak li qed jitwettaq fl-għalqa. Għalhekk, m’għandhomx jgħoddu iktar minn siegħa fil-ġimgħa, anki jekk l-istudju jdum iktar minn siegħa, isir iktar minn darba fil-ġimgħa, jew jekk isiru studji separati mat-tfal. Ġenitur wieħed biss jirrapporta l-istudju tal-Bibbja tal-familja u jniżżel żjara lura waħda fil-ġimgħa biex juri li l-istudju sar.