Għallem lil Oħrajn Iħobbu lil Ġeħova
1. Xi wħud għala jinġibdu lejn Ġeħova?
1 Tiftakar l-ewwel darba li smajt dwar Ġeħova? X’kien li ġibdek lejh? Ħafna nies taʼ qalb onesta se jgħidulek li huma nġibdu qrib lejn il-Ħallieq tagħna malli kisbu għarfien dwar il-kwalitajiet tiegħu li huma bla paragun, speċjalment il-mogħdrija u l-imħabba tiegħu.—1 Ġwanni 4:8.
2, 3. Kif nistgħu nużaw il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? biex ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja jkabbru l-imħabba tagħhom lejn Ġeħova?
2 “Dan Hu Alla Tagħna”: Il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jiffoka fuq l-imħabba taʼ Ġeħova u l-bżonn li jkollna relazzjoni persunali miegħu. Kif nistgħu nużaw din il-pubblikazzjoni biex ngħallmu lil oħrajn ikabbru l-imħabba tagħhom lejn Alla? Meta niffokaw fuq punt ġdid nistgħu nistaqsu mistoqsijiet li jġiegħlu lill-istudent jaħseb, bħal: “X’turina din il-verità dwar Ġeħova?” jew “Dan il-punt b’liema mod jagħtina evidenza li Ġeħova huwa l-aqwa Missier li jistaʼ jkollna?” Meta lill-istudent tgħallmu b’dan il-mod tgħinu jibda relazzjoni maʼ Ġeħova għal ħajtu kollha.
3 Meta ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja jirrealizzaw kemm hi ħaġa speċjali li jiksbu għarfien dwar l-uniku Alla veru u ħaj, huma se jirrikonoxxu, bħalma qal Isaija, li “dan hu Alla tagħna.” (Is. 25:9) Meta nispjegaw il-Kelma t’Alla, għandna bżonn nenfasizzaw kif l-umanità se tiġi mbierka mit-twettiq taʼ l-iskopijiet taʼ Ġeħova permezz tal-gvern irjali tiegħu taħt Kristu Ġesù.—Is. 9:6, 7.
4, 5. Xi tfisser l-imħabba lejn Ġeħova?
4 Evidenza taʼ Mħabba Lejn Ġeħova: Aħna nafu li biex wieħed iħobb lil Ġeħova b’qalbu kollha, b’ruħu kollha, u b’moħħu kollu jinvolvi iktar milli sempliċement ikollu sentimenti qawwijin lejn Alla. Aħna rridu nadottaw il-ħsibijiet tiegħu u ngħixu skond dawn il-ħsibijiet. (Salm 97:10) Aħna nuru mħabba lejn Alla billi nobdu l-kmandamenti kollha tiegħu u nkomplu nieħdu sehem f’“atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla,” anki meta niffaċċjaw provi u oppożizzjoni.—2 Pt. 3:11; 2 Ġw. 6.
5 Aħna nieħdu gost nagħmlu r-rieda t’Alla għax inħobbuh. (Salm 40:8) L-istudent tal-Bibbja jrid jirrealizza li l-kmandamenti kollha t’Alla huma disinjati għall-ġid dejjiemi tal-qaddejja Tiegħu. (Dt. 10:12, 13) Persuna turi apprezzament profond għall-għemejjel meraviljużi kollha Tiegħu billi tgħix fi qbil mal-gwida taʼ Ġeħova. Għin lill-istudent jifhem li persuna li timxi fil-mogħdijiet ġusti taʼ Ġeħova se tiġi meħlusa minn ħafna problemi u wġigħ tal-qalb.
6. Liema barkiet jistaʼ jirċievi dak li jkun talli jħobb lil Ġeħova?
6 Barkiet Għal Dawk li Jħobbu lil Alla: Ġeħova jimpurtah ferm mill-umli li jħobbuh, u hu jurihom “l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Kor. 2:9, 10) B’għarfien bħal dan dwar l-iskopijiet taʼ Ġeħova, huma għandhom ħarsa ċara tal-futur u tama ċerta. (Ġer. 29:11) Dawk li jħobbu lil Ġeħova jirċievu l-qalb tajba straordinarja tiegħu. (Eżo. 20:6) Huma jgħożżu t-tama li għandhom taʼ ħajja taʼ dejjem sforz l-imħabba kbira li Alla għandu lejhom.—Ġw. 3:16.
7. Kif tħossok dwar li tgħallem lil oħrajn iħobbu lil Ġeħova?
7 Iktar ma nsiru nafu dwar Missierna tas-sema, iktar ikollna affarijiet x’naqsmu m’oħrajn. (Mt. 13:52) Xi privileġġ imprezzabbli għandna li ngħallmu lil oħrajn, speċjalment lil uliedna, biex iħobbu lil Ġeħova! (Dt. 6:5-7) Jalla aħna, flimkien maʼ l-istudenti tal-Bibbja tagħna, inbaqbqu kontinwament bit-tifħir hekk kif nesperjenzaw l-“abbundanza tat-tjubija” taʼ Ġeħova.—Salm 145:7.