Kif Nużaw il-Ktieb “Fl-Imħabba t’Alla” Biex Nikkonduċu Studji tal-Bibbja
1. X’inhu l-iskop tal-ktieb “Fl-Imħabba t’Alla”?
1 Kemm konna ferħanin meta fil-Konvenzjoni Distrettwali “Gwidati mill-Ispirtu t’Alla” rċivejna l-ktieb il-ġdid “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”! Bħalma ġie mħabbar, din il-pubblikazzjoni ġiet magħmula biex tgħinna nkunu nafu u nħobbu l-livelli taʼ Ġeħova dwar il-kondotta u mhux biex tgħallem duttrini bażiċi tal-Bibbja. M’aħniex se noffru dan il-ktieb minn bieb għal bieb.
2. Kif se tintuża din il-pubblikazzjoni, u maʼ min?
2 Dan il-ktieb se jservi bħala t-tieni pubblikazzjoni li għandha tiġi studjata maʼ l-istudenti tal-Bibbja wara li jlestu l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Żomm f’moħħok li mhux kulħadd jieħu l-istess ammont taʼ żmien biex jikber spiritwalment. Kull studju għandu jintgħamel b’pass komdu għall-istudent. Agħmel żgur li l-materjal kunsidrat jinftiehem b’mod ċar. F’ħafna każi, dan il-ktieb m’għandux jintuża biex jinbdew studji tal-Bibbja maʼ nies li forsi diġà studjaw diversi kotba fil-passat imma li m’humiex qed jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni u li b’mod ċar ma jridux iġibu ħajjithom fi qbil mal-veritajiet tal-Bibbja li ġew mgħallmin.
3. X’għandna nagħmlu jekk bħalissa qed nikkonduċu studju bil-ktieb Qim lil Alla?
3 Jekk bħalissa qed tikkonduċi studju bil-ktieb Qim lil Alla u qiegħed fl-aħħar ftit kapitli, tistaʼ tiddeċiedi li tispiċċa din il-pubblikazzjoni u tinkuraġġixxi lill-istudent biex jaqra l-ktieb “Fl-Imħabba t’Alla” waħdu. Inkella, ikun l-aħjar li taqleb għall-ktieb il-ġdid u tibdieh mill-bidu. Bħalma hu l-każ tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, mhux bilfors trid tiddiskuti s-suġġetti fl-appendiċi.
4. X’għandna nagħmlu jekk l-istudent tagħna jitgħammed qabel ma jlesti l-kotba Il-Bibbja X’Tgħallem? u “Fl-Imħabba t’Alla”?
4 Jekk student jitgħammed qabel ma jlesti ż-żewġ kotba, allura l-istudju għandu jitkompla sakemm jitlesta l-ktieb “Fl-Imħabba t’Alla.” Avolja l-istudent ikun mgħammed, int tistaʼ tniżżel il-ħin, iż-żjara lura, u l-istudju. Pubblikatur li jakkumpanjak u jipparteċipa fl-istudju jistaʼ jniżżel il-ħin ukoll.
5. Kif jistaʼ l-ktieb “Fl-Imħabba t’Alla” jintuża biex jgħin lill-pubblikaturi li ilhom għal xi żmien ma jiħdux sehem fil-ministeru?
5 Jekk ġejt inkarigat minn membru tal-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni biex tikkonduċi studju tal-Bibbja maʼ xi ħadd li sar inattiv fix-xogħol taʼ l-ippridkar, tistaʼ tiġi mitlub biex tikkunsidra kapitli speċifiċi mill-ktieb “Fl-Imħabba t’Alla.” Studji bħal dawn m’għandhomx bżonn jibqgħu għaddejjin għal perijodu twil taʼ żmien. Xi provvediment mill-isbaħ għandna minn dan il-ktieb il-ġdid, li ntgħamel biex jgħinna nibqgħu “fl-imħabba t’Alla”!—Ġuda 21.