Preparat Int Għal Pranzu Spiritwali?
1. X’inhu involut biex jiġi preparat pranzu?
1 Pranzu jeħtieġ ħafna preparamenti. Irid jinkiseb l-ikel, jiġi mħejji b’mod delizzjuż, u mbagħad jiġi preżentat. Il-mod kif jiġi servut l-ikel irid ikun organizzat. Iktar minn hekk, irid jitlesta l-post fejn se tittiekel l-ikla. Il-mistidnin iridu jippreparaw ukoll, speċjalment jekk se jkollhom triq twila biex jaslu fil-post. Għalkemm hemm ħafna xogħol involut, huwa taʼ min jagħmlu minħabba li tkun se titgawda ikla nutrijenti u delizzjuża mal-ħbieb u l-familja. Dalwaqt, ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja se jinġabru flimkien fi gruppi żgħar u kbar biex igawdu festa spiritwali antiċipata bil-kbir—il-Konvenzjoni Distrettwali “Ibqaʼ Għassa!” Diġà sar ħafna xogħol biex jiġi mħejji l-programm u biex jitlestew l-affarijiet. Aħna lkoll ġejna mistidnin. Sabiex inkunu fl-attendenza u nieħdu l-akbar benefiċċju, aħna wkoll irridu nippreparaw personalment.—Prov. 21:5.
2. X’hemm bżonn li nagħmlu sabiex inkunu preżenti għall-pranzu spiritwali tagħna kollu kemm hu?
2 Ikseb l-Akbar Benefiċċju: Lestejt il-pjanijiet tiegħek ħalli tkun preżenti għall-pranzu kollu kemm hu? Jekk hemm bżonn, kellem lill-imgħallem tiegħek biex tinformah li se tkun qed tattendi s-sessjonijiet kollha tal-konvenzjoni tiegħek, inkluż l-ewwel ġurnata. Lestejt l-arranġamenti għat-trasport u fejn se toqgħod? L-anzjani għandhom ikunu ċerti li jieħdu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-żmien u l-morda kif ukoll oħrajn li forsi għandhom bżonn l-għajnuna.—Ġer. 23:4; Gal. 6:10.
3. Għala m’għandniex nattendu konvenzjoni internazzjonali li ma ġejniex mistidnin għaliha?
3 Xi pajjiżi se jgawdu konvenzjonijiet internazzjonali. Żommu f’moħħkom li kongregazzjonijiet u delegati barranin speċifiċi ġew mistidnin għal dawn il-ġrajjiet. Meta saru dawn l-arranġamenti, l-uffiċċju tal-fergħa ikkalkula bir-reqqa kemm se jistieden, billi kkunsidra l-ammont taʼ siġġijiet u l-kmamar tal-lukandi disponibbli. Jistaʼ jkun hemm iffollar żejjed jekk il-pubblikaturi jattendu konvenzjoni internazzjonali li ma ġewx mistidnin għaliha.
4. Liema tfakkiriet se jgħinuna nkunu lesti għall-bidu tal-programm kuljum?
4 Ipprepara li tasal għall-konvenzjoni kmieni biżżejjed kuljum ħalli ssib post qabel ma jibda l-programm. Uża ftit minuti qabel ma tibda s-sessjoni ħalli tagħti daqqa t’għajn lill-programm stampat. Dan se jgħinek tipprepara qalbek għall-informazzjoni li tkun se tiġi preżentata. (Esd. 7:10) Meta ċ-chairman tas-sessjoni jintroduċi l-intervall mużikali, ħu gost ismaʼ l-mużika u mbagħad kun lest biex tieħu sehem fl-għanja u t-talba tal-ftuħ.
5. Kif tistaʼ l-familja tagħna tieħu l-akbar benefiċċju mill-programm?
5 Jekk membri taʼ familja jpoġġu flimkien matul il-konvenzjoni, il-ġenituri se jkunu ċerti li uliedhom qed jisimgħu b’attenzjoni għall-programm. (Dt. 31:12) Ilkoll kemm aħna inkuraġġiti li nsegwu fil-Bibbji tagħna hekk kif jinqraw l-iskritturi. Jekk tieħu noti qosra tistaʼ tiġi megħjun toqgħod iktar attent. Iktar tard, in-noti tiegħek se jgħinuk tiftakar il-punti prinċipali tat-taħditiet. Irreżisti t-tentazzjoni li titkellem għalxejn matul is-sessjoni jew li titlaq minn postok. Jekk għandek telefon ċellulari, tħallihx itellef lilek jew lil oħrajn matul il-programm. Wara s-sessjonijiet taʼ kull ġurnata, għala ma tiddiskutix m’oħrajn dak li laqtek mill-programm?
6. Liema hu aspett li jispikka tal-konvenzjonijiet tagħna, u kif nistgħu ngawduh bis-sħiħ?
6 Fil-konvenzjoni distrettwali, għandna l-opportunità li ngawdu rabta unika maʼ ħutna li ma tiġix esperjenzata fid-dinja. (Salm 133:1-3; Mk. 10:29, 30) Għala ma tagħmilhiex mira li tintroduċi lilek innifsek maʼ dawk li jkunu bil-qiegħda ħdejk u tkellimhom matul il-brejk taʼ wara nofsinhar? Dan hu wieħed mill-vantaġġi li hemm meta ġġib xi ħaġa żgħira x’tiekol u toqgħod fil-viċinanzi tal-lukanda Dolmen jew tiekol f’wieħed mir-restoranti tal-lukanda minflok ma tmur tiekol f’restorant fuq barra. Kun ċert li ma titlifx opportunità bħal din biex ninkuraġġixxu lil xulxin.—Rum. 1:11, 12.
7. Liema tħejjijiet għandna nagħmlu rigward l-ilbies li se nilbsu?
7 L-Ilbies: Huwa taʼ min jinnota li Ġeħova kkmanda lill-Israelin biex jagħmlu l-freneż fit-truf taʼ djul ilbieshom, b’lazz blu ’l fuq mill-frenża. (Num. 15:37-41) Din kienet tfakkira viżibbli li huma kienu poplu mwarrab għall-qima taʼ Ġeħova. Illum, l-ilbies dinjituż u modest li jintlibes fil-konvenzjonijiet jisseparana mid-dinja. Dan iservi bħala xiehda qawwija lil min jarana anki meta noħorġu nieklu wara l-programm. Għalhekk, aħseb b’attenzjoni minn qabel dwar l-ilbies li se tilbes.
8. Kif nistgħu nagħtu xiehda lil oħrajn meta nkunu fil-belt tal-konvenzjoni?
8 Agħti Xiehda: Bi ftit ħsieb minn qabel, forsi nkunu nistgħu nagħtu xiehda lin-nies waqt li nkunu fil-belt tal-konvenzjoni. Wieħed ħu li mar f’restorant maʼ martu wara l-programm sempliċement ipponta lejn il-badge tal-konvenzjoni u staqsa lill-wejter: “Rajt lil ħafna nies lebsin din il-badge?” Il-wejter qal li kien innotahom u ħaseb dwar xiex setgħu kienu. Dan wassal għal konversazzjoni, u l-ħu stieden lill-wejter biex jiġi l-konvenzjoni.
9. Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna lil Ġeħova, il-Wieħed li jistidinna?
9 Għalkemm huma ħutna li se jippreżentaw it-taħditiet, l-intervisti, u t-turijiet kollha, huwa Missierna tas-sema Ġeħova, il-Wieħed li qed jipprovdi bi mħabba dan il-pranzu spiritwali kull sena. (Is. 65:13, 14) Aħna nuru l-apprezzament tagħna lill-Wieħed li jistidinna billi nkunu preżenti kuljum u nduqu kull porzjon taʼ ikel spiritwali li jkun qed jiġi servut. Lestejt il-preparamenti tiegħek ħalli tagħmel dan?
[Kaxxa f’paġna 6]
Tfakkiriet għall-Konvenzjoni Distrettwali
◼ Ħinijiet tal-Programm: Il-programm se jibda fid-9:20 a.m. fit-tlett ijiem kollha. Il-bibien se jinfetħu fit-8:00 a.m. Meta titħabbar il-mużika tal-bidu, ilkoll kemm aħna għandna nsibu postna sabiex il-programm ikun jistaʼ jibda bid-dinjità. Il-Ġimgħa u s-Sibt il-programm se jispiċċa fil-4:55 p.m., u l-Ħadd fl-4:00 p.m. Għall-konvenzjonijiet internazzjonali, il-programm tal-Ħamis se jibda fis-1:20 p.m. u jikkonkludi fil-4:55 p.m.
◼ Postijiet: Il-postijiet jistgħu jintrefgħu biss għal dawk li jivvjaġġaw miegħek fl-istess karozza jew jgħixu miegħek fl-istess dar.
◼ Donazzjonijiet: Nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-arranġamenti tal-konvenzjoni billi nagħtu kontribuzzjonijiet volontarji għax-xogħol taʼ madwar id-dinja fis-Sala tas-Saltna tagħna jew fil-konvenzjoni. Kwalunkwe ċekk li jingħata b’kontribuzzjoni fil-konvenzjoni għandu jintgħamel pagabbli lil “IBSA (Malta).”
◼ Aċċidenti u Emerġenzi: Servizzi li jieħdu ħsieb l-emerġenza jirċievu ħafna telefonati mit-telefons ċellulari fuq affarijiet żgħar. Jekk tinqalaʼ xi emerġenza medika fil-post tal-konvenzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil attendant fil-qrib, li se javża mill-ewwel lid-Dipartiment taʼ l-Ewwel Għajnuna sabiex dawk fostna li huma kwalifikati biex jagħtu l-ewwel għajnuna jkunu jistgħu jiddeċiedu kemm hi gravi s-sitwazzjoni u jagħtu l-assistenza tagħhom. Jekk ikun hemm bżonn, dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna se jċemplu 112.
◼ Żraben: Kull sena għadd taʼ inċidenti jseħħu li huma konnessi maż-żraben. Ikun aħjar li nagħżlu żraben modesti li jiġuna sew u li jippermettulna nimxu bis-sigurtà fit-taraġ, fuq l-ispralli tal-ħadid, u affarijiet bħal dawn.
◼ Rikording: Apparat li jirrekordja m’għandux jitqabbad mas-sistema taʼ l-elettriku jew tas-sawnd tal-faċilità u jistaʼ jintuża biss b’tali mod li ma jtellifx lil oħrajn.
◼ Puxċers: Il-puxċers m’għandhomx jinġiebu fil-post tal-konvenzjoni. Madankollu, jistgħu jinġiebu siġġijiet tat-tfal li jipprovdu sigurtà (child-safety seats) u li għandhom jitpoġġew fis-sod u b’attenzjoni fuq siġġu ħdejn il-ġenituri.
◼ Fwejjaħ: Ħafna konvenzjonijiet qed isiru f’postijiet magħluqin fejn niddependu minn ventilazzjoni mekkanika. Għalhekk, inkunu qed nuru qalb tajba min-naħa tagħna jekk nillimitaw l-użu taʼ fwejjaħ qawwijin li jistgħu jikkaġunaw irritazzjoni lil dawk li jbatu bi problemi respiratorji jew problemi relatati.—1 Kor. 10:24.
◼ Formoli Follow-Up: Formola Please Follow Up (S-43) għandha tintuża biex tiġi provduta informazzjoni dwar kulmin juri interess minħabba li nagħtuh xiehda informali matul il-konvenzjoni. Il-pubblikaturi għandhom iġibu formola jew tnejn tal-follow-up meta jmorru l-konvenzjoni. Il-formoli mimlijin jistgħu jingħataw lis-segretarju tal-kongregazzjoni tiegħek wara l-konvenzjoni.—Ara l-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar 2005, pġ. 6.
◼ Restoranti: Onora isem Ġeħova bl-imġiba mill-aqwa tiegħek fir-restoranti. F’Malta normalment jitħallew tips taʼ 15 fil-mija, jiddependi mis-servizz.
◼ Lukandi: (1) Ara li ma joqogħdux iktar nies fil-kamra miegħek minn kemm hu permess. (2) Jekk ikollok tikkanċella l-kamra riservata, avża l-lukanda immedjatament. (3) Itlob għal troli tal-bagalji biss meta tkun lest li tużaha, u rritornaha immedjatament ħalli jkun jistaʼ jużaha ħaddieħor. (4) Issajjarx fi kmamar fejn mhux permess it-tisjir. (5) Ħalli tipp kuljum għal min inaddaflek il-kamra. (6) Tabbużax mill-kolazzjon, il-kafè, jew is-silġ li jingħata b’mod komplimentari u li hu disponibbli għall-viżitaturi waqt li jkunu fil-lukanda. (7) Uri l-frott taʼ l-ispirtu l-ħin kollu meta tittratta maʼ l-istaff tal-lukanda. (8) Jekk tiġi ċarġjat iżżejjed jew tingħata kontijiet għal affarijiet li ma tlabtx għalihom jew li m’użajtx, agħmel l-ilment tiegħek fir-reception tal-lukanda u informa lid-dipartiment li jieħu ħsieb l-akkomodazzjoni fil-konvenzjoni malajr kemm jistaʼ jkun. (9) Jekk tinqalaʼ problema bil-kamra tiegħek fil-lukanda, kun ċert li tinforma lid-dipartiment li jieħu ħsieb l-akkomodazzjoni waqt li tkun fil-konvenzjoni.