Għallem bis-Sempliċità
1. X’inhu fattur importanti f’tagħlim ċar u effettiv?
1 Is-sempliċità hija fattur importanti f’tagħlim effettiv. Jekk nikkunsidraw il-mod kif għallem l-Għalliem il-Kbir, Ġesù, nistgħu niġu megħjunin biex intejbu “l-arti tat-tagħlim” tagħna.—2 Tim. 4:2; Ġw. 13:13.
2. X’inhu involut meta ngħallmu bis-sempliċità, u tagħlim bħal dan x’effetti jkollu?
2 Tkellem bis-Sempliċità: Il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja fiha ftit mill-iktar veritajiet profondi li qatt tlissnu mill-bniedem, kollha mitkellma bis-sempliċità. (Mt., kapi. 5-7) Il-folol li semgħu lil Ġesù “baqgħu mistagħġbin bil-mod kif għallimhom.” Xi uffiċjali li ntbagħtu biex jarrestawh tqanqlu biex jgħidu: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.” (Mt. 7:28, 29; Ġw. 7:46) M’għandniex għalfejn nużaw kliem bombastiku, frażijiet komplikati, jew tixbihat dettaljati biex nagħmlu l-verità tassew konvinċenti għal oħrajn. Il-verità tistaʼ tiġi spjegata b’mod ċar bi kliem familjari.
3. Xi wħud għala forsi għandhom it-tendenza li jgħabbu lill-udjenza tagħhom b’ħafna informazzjoni, u dan kif jistaʼ jiġi evitat?
3 Qis l-Ammont: Ġesù kien iqis l-udjenza tiegħu meta kien jiddetermina kemm għandu jagħtihom informazzjoni f’darba waħda. (Ġw. 16:12) Aħna rridu nkunu kapaċi nagħrfu u nadattaw għall-bżonnijiet taʼ dawk li nkellmu, speċjalment meta nkunu qed nagħtu xiehda lill-qraba, lil persuni interessati, jew lit-tfal. Għandna noqogħdu attenti li ma ngħabbuhomx b’ħafna informazzjoni anki meta jidhru li qed jagħtu widen b’attenzjoni. Dawk li għandhom qalb onesta se jkomplu jieħdu għarfien dwar l-Alla l-veru, Ġeħova.—Ġw. 17:3; 1 Kor. 3:6.
4. Għala huwa taʼ benefiċċju li niffokaw fuq il-punti prinċipali minflok fuq id-dettalji?
4 Iffoka fuq Punti Prinċipali: Ġesù ma kkomplikax dak li kien qed jgħallem billi inkluda ħafna dettalji żejda. Meta qal: “Dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira . . . joħorġu,” ma kienx il-waqt li jagħti ħafna informazzjoni rigward dak li kien se jiġri mill-bnedmin irxoxtati. (Ġw. 5:28, 29) Meta nikkonduċu studji tal-Bibbja, għandna niffokaw fuq il-punti prinċipali u negħlbu t-tendenza li ndaħħlu informazzjoni żejda li ma tkunx meħtieġa fid-diskussjoni.
5. Liema barka nistgħu ngawdu jekk ngħallmu bis-sempliċità?
5 Kemm aħna grati li Ġeħova għallem dak kollu li għandna bżonn inkunu nafu bis-sempliċità! (Mt. 11:25) Jalla nirsistu biex ngħallmu bis-sempliċità u nesperjenzaw il-ferħ li jiġi minn ministeru produttiv.