Tliet Suġġerimenti Biex Ittejjeb it-Tagħlim Tiegħek
1. Għala għandna nipprovaw intejbu t-tagħlim tagħna?
1 Kull pubblikatur Kristjan hu għalliem. Sew jekk qed nagħmlu l-ewwel żjara, żjara lura, jew nikkonduċu studju tal-Bibbja, aħna nkunu qed ngħaddu informazzjoni. U l-informazzjoni li ngħallmu hi informazzjoni speċjali. Aħna qed nitfgħu dawl fuq “il-kitba qaddisa,” li tistaʼ tagħmel in-nies ‘għorrief għas-salvazzjoni.’ (2 Tim. 3:15) Xi privileġġ tal-għaġeb għandna! Dawn li ġejjin huma tliet suġġerimenti biex intejbu t-tagħlim tagħna.
2. Kif nistgħu ngħallmu bis-sempliċità?
2 Bis-sempliċità: Meta nkunu familjari sew maʼ suġġett, jistaʼ jagħti l-każ li ninsew kemm tistaʼ tidher komplikata l-informazzjoni għal xi ħadd li mhuwiex familjari magħha. Għalhekk, meta nkunu qed nikkonduċu studju tal-Bibbja, m’għandniex nimlew it-tagħlim tagħna b’koċċ dettalji bla bżonn. Minflok, għandna nenfasizzaw il-punti prinċipali. Ħafna paroli mhux neċessarjament ifisser tagħlim aħjar. (Prov. 10:19) Ħafna drabi, l-aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li taqra biss l-iskritturi prinċipali. Wara li taqra skrittura, iffoka biss fuq il-parti mill-iskrittura li tkun qed titkellem fuq is-suġġett li qed jiġi diskuss. Il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, imniżżla f’Mattew kapitli 5 sa 7, fiha bosta veritajiet profondi. Minkejja dan, Ġesù għallem bis-sempliċità u uża ftit kliem imma meqjus sew.
3. X’valur għandhom it-tixbihat u l-istampi, u liema tip ġeneralment ikunu l-aħjar?
3 Bit-tixbihat u bl-istampi: It-tixbihat iqanqlu individwu biex jaħseb, biex iħoss, u se jgħinuh biex jibqaʼ jiftakar. Tħossokx li għandek tkun xi wieħed li jibbrilla f’li jirrakkonta l-istejjer biex tagħti tixbihat tajbin. Bosta drabi, Ġesù uża tixbihat qosra u sempliċi. (Mt. 7:3-5; 18:2-4) Stampi sempliċi mpinġijin fuq biċċa karta, jistgħu wkoll ikunu utli ħafna. Bi ftit preparazzjoni minn qabel, int tistaʼ ssib tixbihat effiċjenti.
4. Kif nistgħu nużaw il-mistoqsijiet b’mod effettiv?
4 Bil-mistoqsijiet: Il-mistoqsijiet iġiegħlu lill-istudent tiegħek jaħseb. Għalhekk, wara li tistaqsih mistoqsija, kun paċenzjuż. Jekk taqbad u malajr tagħti t-tweġiba int stess, ma tkunx taf verament x’fehem l-istudent tiegħek. Jekk l-istudent tiegħek jagħti r-risposta ħażina, minflok ma tikkoreġih, għandu mnejn ikun aħjar li tagħmillu mistoqsijiet oħrajn li se jwassluh għar-risposta t-tajba. (Mt. 17:24-27) M’għandniex xi ngħidu, ħadd minna mhu għalliem perfett. Għalhekk, il-Bibbja tinkuraġġina biex noqogħdu attenti l-ħin kollu għat-tagħlim tagħna. Jekk nagħmlu hekk, se jkollna barkiet dejjiema kemm aħna u kemm dawk li jisimgħuna.—1 Tim. 4:16.