Il-Ministeru Tagħna—Riflessjoni taʼ Mħabbitna Lejn Alla
1. L-imħabba lejn Alla x’qanqlet lil Ġesù jagħmel?
1 L-imħabba qanqlet lil Ġesù biex iwettaq il-ministeru tiegħu. Kull aspett tal-ministeru taʼ Ġesù bla dubju juri mħabbtu lejn Ġeħova. Ġesù qal: “Sabiex id-dinja tkun taf li jien inħobb lill-Missier, saħansitra bħalma ordnali l-Missier, hekk qed nagħmel.” (Ġw. 14:31) Bħala wħud li nimxu wara l-passi taʼ Ġesù, aħna għandna wkoll il-privileġġ li nirriflettu l-imħabba profonda tagħna lejn Alla fil-ministeru tagħna.—Mt. 22:37; Efes. 5:1, 2.
2. L-imħabba lejn Ġeħova kif teffettwa l-ministeru tagħna?
2 “Ħa Jitqaddes Ismek”: Meta nieħdu vantaġġ b’mod żeluż minn kull opportunità biex nitkellmu m’oħrajn dwar Ġeħova u l-arranġament tas-Saltna tiegħu, inkunu qed nuru mħabbitna lejn Alla u, fil-fatt, inkunu qed nieħdu sehem fit-taqdis taʼ ismu. (Salm 83:18; Eżek. 36:23; Mt. 6:9) Bħall-ministeru taʼ Ġesù, il-ministeru tagħna hu riflessjoni kontinwa tax-xewqa sinċiera tagħna biex isem Ġeħova jitqaddes u biex tintgħamel ir-rieda tiegħu.—Mt. 26:39.
3. Imħabbitna lejn Ġeħova b’liema mod tgħinna negħlbu l-ostakli?
3 L-Imħabba Tqanqalna Negħlbu l-Ostakli: L-imħabba lejn Ġeħova ġġib fix-xejn kull ma jistaʼ jfixkilha. (1 Kor. 13:4, 7) Ġesù ffaċċja ħafna ċirkustanzi fil-ħajja li setgħu jwaqqfuh milli jwettaq il-ministeru tiegħu. Madankollu, meta ltaqaʼ mal-ostakli, l-imħabba profonda tiegħu u x-xewqa tiegħu li jagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova għenuh jegħleb kwalunkwe problema. (Mk. 3:21; 1 Pt. 2:18-23) Aħna wkoll niffaċċjaw ħafna sfidi li l-imħabba tagħna lejn Alla tistaʼ tgħinna negħlbuhom. Billi nsegwu l-eżempju taʼ Kristu, aħna nistgħu nħossuna fiduċjużi u sodi biex inwettqu l-ministeru tagħna. Għalkemm l-oppożizzjoni mill-familja, is-saħħa batuta, l-età avanzata, jew l-apatija min-nies inġenerali jistgħu jeffettwawna, dan mhux se jwaqqafna milli nuru mħabbitna lejn Ġeħova dment li nwettqu l-ministeru tagħna b’mod effettiv kemm jistaʼ jkun.
4. Xi privileġġ għandna permezz tal-imħabba tagħna lejn Ġeħova?
4 L-imħabba hi b’saħħitha, u aħna mberkin għax għandna l-abbiltà li nirriflettu l-imħabba sħiħa tagħna lejn Alla fil-ministeru tagħna. (1 Kor. 13:13) Hekk kif nersqu bil-ħeffa lejn iż-żmien meta l-isem taʼ Ġeħova se jitqaddes darba għal dejjem, jalla ‘mħabbitna tikber u toktor dejjem iżjed.’—Flp. 1:9; Mt. 22:36-38.