Kampanja li Tirnexxi
Tliet ġimgħat qabel ma tibda l-konvenzjoni, il-kongregazzjonijiet għal darb’oħra se jieħdu sehem f’kampanja biex jistiednu lil dawk li fit-territorju tagħhom juru interess biex jattendu. Hemm raġuni tajba għala din il-kampanja ssir kull sena. Dawk li jaċċettaw l-invit u jiġu l-konvenzjoni spiss jibqgħu impressjonati bit-taħditiet Skritturali, bid-dipartimenti organizzati tajjeb minn volontieri, u bl-imġiba tajba u l-unità li nuru. (Salm 110:3; 133:1; Is. 65:13, 14) Minkejja dan, tirnexxi il-kampanja tagħna, speċjalment fi nħawi fejn l-uħud interessati jkollhom jivvjaġġaw distanzi twal biex jattendu?
Wara l-konvenzjoni distrettwali tal-2011, uffiċċju tal-fergħa rċieva ittra mingħand mara li kienet sabet l-invit imdaħħal fil-bieb tagħha. Normalment kienet tistaħba meta x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu jħabbtulha. Hi kitbet: “Jien kelli dar mill-isbaħ, raġel mill-aħjar, u ħsibt li kelli kulma neħtieġ biex inkun ferħana. B’dispjaċir, xorta ma kontx ferħana, u ħajti verament ma kellhiex skop. Għalhekk iddeċidejt li nsuq 320 kilometru biex nattendi l-programm tas-Sibt.” Tant ħadet pjaċir fil-konvenzjoni li ċemplet lil żewġha biex tgħidlu li kienet se tibqaʼ hemm dak il-lejl biex tattendi l-Ħadd ukoll. “Smajt it-taħditiet kollha, iltqajt maʼ ħafna Xhieda taʼ Ġeħova, u ridt li nkompli nesperjenza dan.” Wara li marret lura d-dar, hi bdiet tistudja u wara erbaʼ xhur saret pubblikatriċi mhix mgħammda. “Kemm jien grata li sibt l-invit fil-bieb għax issa ħajti verament għandha skop!”
Xi wħud li jirċievu l-invit se jattendu. Għalhekk, ħu sehem b’mod żeluż f’din il-kampanja importanti. Ġib l-inviti li jkun fadallek miegħek fejn tattendi l-konvenzjoni u użahom biex tagħti xhieda informali.
[Stampa f’paġna 9]
Kif Se Noffru l-Invit?
Sabiex inkopru t-territorju tagħna, għandna nżommu l-istedina fil-qosor. Nistgħu ngħidu xi ħaġa hekk: “Hello. Qed nieħu sehem fi sforz li qed isir madwar id-dinja biex jitqassam dan l-invit. Din hi l-kopja tiegħek. Se ssib iktar dettalji fuq l-invit.” Kun entużjast. Meta nieħdu sehem f’din il-kampanja fi tmiem il-ġimgħa, jekk ikun xieraq għandna noffru r-rivisti wkoll.