Kun t’għajnuna fil-ministeru
1. Kif nistgħu nimitaw l-attitudni tal-appostlu Pawlu meta naħdmu m’oħrajn fil-ministeru?
1 L-appostlu Pawlu qies il-ħin li qattaʼ maʼ sħabu fit-twemmin bħala opportunitajiet biex ‘jinkuraġġixxu lil xulxin.’ (Rum. 1:12) Meta taħdem maʼ pubblikatur ieħor fil-ministeru, tieħu vantaġġ minn dan il-ħin biex tinkuraġġih u tgħinu? Minflok ma tibqaʼ sieket, għax ma taqsamx miegħu dak li jgħin lilek tkun pubblikatur effettiv?
2. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dak li qed naħdmu miegħu jkun iktar kunfidenti, u dan għala hu importanti?
2 Għinu jkun kunfidenti: Xi pubblikaturi ma jħossuhomx kunfidenti, u dan jistaʼ jidher fl-espressjonijiet taʼ wiċċhom jew fit-ton taʼ leħinhom. Nistgħu ngħinu lil uħud bħal dawn billi nfaħħruhom sinċerament. Liema huma xi modi oħrajn kif nistgħu ngħinu lil dak li jkun iħossu iktar kunfidenti? Indokratur li jivvjaġġa ma jżommx lura milli jgħid lil dak li jkun qed jaħdem miegħu dwar il-beżgħat tiegħu u dwar kif spiss jitlob għall-għajnuna biex jegħleb sentimenti bħal dawn. Ħu ieħor qal hekk rigward x’jgħinu jkun iktar kunfidenti: “Tibda bi tbissima. Kultant ikolli nitolbu għall-għajnuna biex nagħmel din l-espressjoni sempliċi.” Kien hemm xi ħaġa li għenitek tkun iktar kunfidenti fil-ministeru? Aqsamha mal-persuna li tkun qed taħdem magħha.
3. X’nistgħu naqsmu maʼ dak li nkunu qed naħdmu miegħu li jistaʼ jgħinu jsir iktar effettiv fil-ministeru tiegħu?
3 Aqsam ideat: Sibt xi stqarrija jew mistoqsija sempliċi, forsi xi ħaġa dwar ġrajja lokali, li hi effettiva biex tibda konversazzjoni? Esperjenzajt riżultati tajbin billi żidt xi ħaġa maʼ wieħed mill-eżempji taʼ preżentazzjoni li qed ikollna? Għid b’dan lil dak li tkun qed taħdem miegħu. (Prov. 27:17) Hekk kif tkunu sejrin fuq xi żjara lura, tistaʼ tgħidlu x’inhu l-iskop tiegħek għaż-żjara u kif biħsiebek twettqu. Wara xi studju tal-Bibbja, tistaʼ tispjega għala għażilt ċertu punt, vers, jew metodu taʼ tagħlim għall-bżonnijiet tal-istudent.
4. Għala għandna nkunu interessati f’li ngħinu lill-evanġelizzaturi sħabna?
4 Evanġelizzaturi tal-ewwel seklu ma kinux biss interessati f’li jgħinu lil dawk taʼ twemmin differenti. Huma raw ukoll li kien importanti li jinkuraġġixxu u jsaħħu lil xulxin. (Atti 11:23; 15:32) L-appostlu Pawlu ħarreġ liż-żagħżugħ Timotju u mbagħad inkuraġġieh biex jaqsam dak li kien tgħallem m’oħrajn. (2 Tim. 2:2) Meta ma ninsewx nagħmlu l-ġid mal-Kristjani sħabna fil-ministeru, mhux biss inkabbru l-ferħ u l-effettività tagħhom imma wkoll inferrħu lil Missierna tas-sema.—Ebr. 13:15, 16.