Kaxxa għall-mistoqsija
◼ It-tfal x’hemm bżonn jitgħallmu biex jimmaturaw spiritwalment?
Ġenituri Kristjani jagħmlu minn kollox biex irabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali [jew, l-istruzzjoni] taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Pereżempju, il-ġenituri sabuha taʼ benefiċċju li kull filgħodu jikkunsidraw l-iskrittura tal-jum maʼ wliedhom. Matul il-qima tal-familja u f’ħinijiet oħra, il-familji jistgħu jaraw u jiddiskutu vidjow flimkien, jitkellmu dwar suġġetti speċifiċi minn artikli taż-Żgħażagħ Jistaqsu, jirreċtaw xi rakkont Bibliku, jew jagħmlu sessjonijiet taʼ prattika. Madankollu, sabiex it-tfal ‘jirsistu lejn il-maturità,’ iridu wkoll jiġu mgħallmin veritajiet Bibliċi iktar profondi.—Ebr. 6:1.
Ikkunsidra dak li ngħallmu lil dawk li niltaqgħu magħhom fit-territorju tagħna. Fl-ewwel żjara jew f’xi żjara lura, aħna ġeneralment nipprovaw nibdew studju tal-Bibbja minn fuq il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? Wara li nispiċċaw din il-pubblikazzjoni, nużaw il-ktieb “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla.” Għala? Il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jagħti lill-istudenti għarfien bażiku tal-Iskrittura. Il-ktieb “Fl-Imħabba t’Alla” jgħallimhom kif japplikaw prinċipji Bibliċi fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum. Meta wħud ġodda jistudjaw iż-żewġ pubblikazzjonijiet jiġu megħjunin biex ‘jagħmlu l-għeruq’ fi Kristu u ‘jissodaw fil-fidi.’ (Kol. 2:6, 7) Ma jkunx dan il-materjal taʼ benefiċċju għal uliedna wkoll? Anki huma għandhom bżonn jitgħallmu dwar il-fidwa, is-Saltna, u l-kundizzjoni tal-mejtin. It-tfal jeħtieġu jkunu jafu wkoll dwar għala Alla jippermetti t-tbatija u kif jidentifikaw l-aħħar jiem taʼ din is-sistema dinjija. Iridu jkunu konvinti li x-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom il-verità. Hemm bżonn li t-tfal jifhmu wkoll prinċipji Bibliċi u kif iħarrġu “s-sensi tagħhom.” (Ebr. 5:14) Naturalment, il-ġenituri jridu jżommu f’moħħhom l-età taʼ wliedhom u kemm huma kapaċi jifhmu. Madankollu, ħafna tfal għandhom l-abbiltà li jibdew jitgħallmu veritajiet Bibliċi iktar profondi anki meta jkunu għadhom żgħar.—Lq. 2:42, 46, 47.
Fuq jw.org se jibda jkun hemm gwidi għall-istudju bbażati fuq il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? biex jgħinu lill-ġenituri. Il-familji jistgħu jsibu dawn fuq il-Websajt tagħna billi jikklikkjaw fuq TAGĦLIM TAL-BIBBJA > ŻGĦAŻAGĦ. Fil-futur, se jiġu preparati iktar gwidi għall-istudju bbażati fuq il-ktieb “Fl-Imħabba t’Alla.” M’għandniex xi ngħidu, jistgħu jintużaw ukoll kopji stampati taʼ dawn il-kotba. Il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu jekk humiex se jinkludu dan il-materjal matul il-Qima tal-Familja tagħhom, meta jkunu qed jistudjaw maʼ xi ħadd minn uliedhom, jew meta jkunu qed iħarrġu lil xi wieħed mit-tfal tagħhom biex jagħmel studju persunali.