LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w21 Jannar pp. 26-30
  • Tgħallimna li Qatt M’Għandna Ngħidu Le lil Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallimna li Qatt M’Għandna Ngħidu Le lil Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TGĦALLIMNA NĦOBBU LIL ĠEĦOVA
  • IL-​ĦOLMA TAGĦNA SSIR REALTÀ
  • INKARIGU ĠDID IĠIB PROVI ĠODDA
  • L-​EWWEL DARBA LI TLAJT MUNTANJA
  • KELLI NINĦASEL B’MOD MHUX TAS-​SOLTU
  • LETTERATURA GĦALL-​AĦWA AMIS
  • L-​AĦWA AMIS JIBDEW JGĦIXU SKONT IL-​LIVELLI T’ALLA
  • TELFA KBIRA
  • Il-Familja Tagħna fl-Aħħar Tingħaqad!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fit-Tajwan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Jiddikjaraw l-Aħbar Tajba fl-Għelieqi tar-Ross tat-Tajwan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Jehovah Jiġbed lil Uħud Umlin lejn il-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
w21 Jannar pp. 26-30
Kathleen u Harvey Logan meta kienu iżgħar fl-​età.

BIJOGRAFIJA

Tgħallimna li Qatt M’Għandna Ngħidu Le lil Ġeħova

KIF RAKKONTATA MINN KATHLEEN LOGAN

WARA maltempata kbira, l-​ilma tax-​xmara sar qisu tajn u tant beda ġej bis-​saħħa li beda jkaxkar ġebel kbir ħafna. Kellna bżonn naqsmu għan-​naħa l-​oħra imma l-​kurrent tant kien qawwi li kisser il-​pont li kien hemm. Jien, ir-​raġel tiegħi, Harvey, u l-​interpretu tal-​lingwa Amis bdejna nibżgħu u ma konniex nafu x’se nagħmlu. Waqt li konna qed naqsmu, l-​aħwa fuq in-​naħa l-​oħra kienu inkwetati għalina. L-​ewwel, soqna l-​karozza tagħna fuq trakk naqra ikbar. Imbagħad, mingħajr ma rbatna l-​karozza, bdejna naqsmu x-​xmara. Qisu ma stajna naslu qatt għan-​naħa l-​oħra. Bqajna nitolbu sa ma wasalna u rnexxielna naslu qawwijin u sħaħ. Dan kien fl-​1971. Konna qegħdin fin-​naħa tal-​Lvant tat-​Tajwan, ’il bogħod ħafna minn fejn twelidna. Ejja ngħidilkom l-​istorja tagħna.

TGĦALLIMNA NĦOBBU LIL ĠEĦOVA

Harvey kien il-​kbir minn erbaʼ aħwa. Il-​familja tiegħu tgħallmet il-​verità f’Midland Junction, fil-​Punent tal-​Awstralja. Dan ilu iktar minn 80 sena, meta kien hemm ħafna faqar fil-​pajjiż. Harvey, sar iħobbu ħafna lil Ġeħova u tgħammed meta kellu 14-​il sena. Malajr tgħallem lezzjoni importanti, dik li jaċċetta kull inkarigu li jirċievi fil-​kongregazzjoni. Darba, meta kien għadu żagħżugħ, m’aċċettax li waqt il-​laqgħa jaqra It-​Torri tal-​Għassa għax ħaseb li ma kienx kapaċi. Imma l-​ħu li tkellem maʼ Harvey għenu jaħsibha b’mod ieħor, billi qallu, “Meta xi ħadd fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova jitolbok tagħmel xi ħaġa, dan għax jaħseb li int kapaċi!”—2 Kor. 3:5.

Jiena, ommi, u oħti l-​kbira sibna l-​verità fl-​Ingilterra. Fil-​bidu, missieri ma kienx iħobbhom lix-​Xhieda taʼ Ġeħova, imma mbagħad ġie fil-​verità hu wkoll. Kontra qalbu, jien tgħammidt meta kelli biss disaʼ snin. Kont għamilt il-​mira li nkun pijuniera u li xi darba nsir missjunarja. Però, missieri ma ridnix inkun pijuniera qabel ikolli 21 sena. Imma jien ma ridtx nistenna daqshekk. Għalhekk, meta kelli 16-​il sena, hu kien ħallieni mmur ngħix l-​Awstralja maʼ oħti l-​kbira li kienet emigrat hemmhekk. U taʼ 18-​il sena rnexxieli nsir pijuniera.

Fl-1951, fil-ġurnata tat-tieġ

Jien u Harvey iltqajna l-​Awstralja. It-​tnejn kellna x-​xewqa li naqdu lil Ġeħova bħala missjunarji. Iżżewwiġna fl-​1951. Wara li għamilna sentejn bħala pijunieri, bdejna x-​xogħol tas-​circuit. It-​territorju li kellna, fil-​Punent tal-​Awstralja, kien kbir ħafna u għalhekk kellna nivvjaġġaw distanzi twal.

IL-​ĦOLMA TAGĦNA SSIR REALTÀ

Nathan Knorr jagħti lil Kathleen u Harvey id-diploma fil-gradwazzjoni taʼ Gilegħad.

Fl-1955, f’Yankee Stadium waqt il-Gradwazzjoni taʼ Gilegħad

Fl-​1954, ġejna mistidnin nattendu l-​25 klassi taʼ Gilegħad. Il-​ħolma li nsiru missjunarji kienet se ssir realtà! Wasalna New York bil-​vapur u hemmhekk bdejna nistudjaw fil-​fond il-​Bibbja. Fl-​Iskola taʼ Gilegħad, kellna nistudjaw ukoll l-​Ispanjol. Dan ma kienx faċli għal Harvey, għax ma kinitx iddurlu r-​r.

Waqt l-​iskola, l-​għalliema tagħna qalulna li dawk li jixtiequ jaqdu l-​Ġappun setgħu jniżżlu isimhom biex ikunu jistgħu jitgħallmu l-​lingwa. Aħna ddeċidejna li nħallu l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tiddeċiedi fejn naqdu. Wara ftit, wieħed mill-​għalliema, Albert Schroeder, sar jaf li ma konniex niżżilna isimna. Hu qalilna, “Għax ma terġgħux taħsbuha?” Wara li bqajna ma niżżilniex isimna, Ħuna Schroeder qalilna: “Jien u l-​għalliema l-​oħra niżżilna isimkom. Araw taqbdux il-​Ġappuniż.” Għal Harvey kien iktar faċli biex jitkellem bil-​Ġappuniż milli bl-​Ispanjol.

Wasalna l-​Ġappun fl-​1955 meta kien hemm biss 500 pubblikatur fil-​pajjiż. Harvey kellu 26 sena, u jien kelli 24. Ġejna inkarigati biex immorru fil-​belt taʼ Kobe, fejn hemm ippritkajna għal erbaʼ snin. Imbagħad, meta rġajna ġejna mistidnin biex immorru naqdu fix-​xogħol tas-​circuit viċin il-​belt Nagoya, ħadna pjaċir ħafna. Dan l-​inkarigu kien għal qalbna għax kollox kien jogħġobna, l-​aħwa, l-​ikel, u l-​kampanja. Imma wara ftit, kellna opportunità oħra biex ma ngħidux le għal dak li talabna Ġeħova.

INKARIGU ĠDID IĠIB PROVI ĠODDA

Harvey u jien maʼ missjunarji oħra f’Kobe, il-Ġappun, fl-1957

Wara tliet snin fix-​xogħol tas-​circuit, l-​aħwa tal-​fergħa tal-​Ġappun staqsewna jekk nixtiqux immorru t-​Tajwan biex nippritkaw lin-​nies li huma mit-​tribù tal-​Amis. Xi wħud minn dawn l-​aħwa saru apostati u l-​fergħa fit-​Tajwan riedet ħu li jitkellem il-​Ġappuniż biex ikun jistaʼ jgħin ħalli tieqaf l-​apostasija.a Kienet deċiżjoni diffiċli għax konna nħobbu l-​inkarigu tagħna fil-​Ġappun. Imma Harvey tgħallem li qatt m’għandu jgħid le għal inkarigu ġdid, għalhekk qbilna li mmorru.

Wasalna f’Novembru tal-​1962. Fit-​Tajwan kien hemm 2,271 pubblikatur, li l-​biċċa l-​kbira minnhom kienu Amis. Imma l-​ewwel kellna bżonn nitgħallmu ċ-​Ċiniż. Biex nitgħallmu ċ-​Ċiniż, kulma kellna ktieb wieħed u għalliem li ma kienx jitkellem l-​Ingliż, imma xorta rnexxielna nitgħallmu.

Ftit wara li wasalna t-​Tajwan, Harvey ġie inkarigat biex jaqdi bħala qaddej tal-​fergħa. Dan kien jinvolvi li jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​ippritkar fil-​pajjiż. Minħabba li l-​fergħa kienet żgħira, Harvey kellu ċ-​ċans biex jagħmel ix-​xogħol fl-​uffiċċju u anki jaħdem fil-​ministeru mal-​aħwa Amis għal tliet ġimgħat kull xahar. Minn żmien għal żmien qeda wkoll bħala l-​indokratur tad-​distrett, allura kien jagħti t-​taħditiet fl-​assembleat. Harvey kien kapaċi jagħti t-​taħditiet bil-​Ġappuniż, u l-​aħwa Amis kienu jifhmuh. Imma l-​gvern ried li l-​laqgħat reliġjużi jsiru biss biċ-​Ċiniż. Għalhekk, minkejja li għal Harvey iċ-​Ċiniż kien diffiċli, hu kien jagħti t-​taħditiet biċ-​Ċiniż u ħu ieħor jinterpretahom bl-​Amis.

Dak iż-​żmien, biex nagħmlu assemblea kellna bżonn il-​permess. Dan ma kienx faċli u ġieli kien jieħu żmien twil. Meta l-​pulizija ma kinux jagħtuna l-​permess sal-​ġimgħa tal-​assemblea, Harvey kien jibqaʼ jistenna bilqiegħda l-​għassa tal-​pulizija sakemm jagħtuhulu. Minħabba li l-​pulizija kienu jħossuhom skomdi meta jkun hemm xi ħadd barrani li jkun qed jistenna fl-​għassa, kienu jagħtuna l-​permess malajr.

L-​EWWEL DARBA LI TLAJT MUNTANJA

Kathleen, Harvey, u oħrajn qed jaqsmu xmara baxxa.

Naqsmu xmara baxxa fit-Tajwan biex immorru nippritkaw

Fil-​ġimgħat li konna nqattgħu mal-​aħwa, konna nimxu għal iktar minn siegħa nitilgħu l-​muntanji u naqsmu x-​xmajjar bil-​mixi. L-​ewwel muntanja li tlajt ma ninsieha qatt. Wara li kilna xi ħaġa żgħira, qbadna tal-​linja fil–5:30 taʼ filgħodu biex immorru ġo villaġġ ’il bogħod. Imbagħad qsamna xmara u tlajna muntanja wieqfa ħafna. Tant kienet wieqfa li xħin konna telgħin, iż-​żarbun tal-​ħu kien maʼ wiċċi.

Dakinhar, Harvey ħadem mal-​aħwa tal-​lokal, waqt li jien mort nipprietka waħdi f’raħal żgħir lin-​nies li kienu jitkellmu bil-​Ġappuniż. Għall-​ħabta tas-​siegħa ħassejtni bla saħħa għax kont għadni ma kilt xejn. Meta fl-​aħħar iltqajt maʼ Harvey, ma kienx hemm aħwa miegħu. Harvey irnexxielu jpartat xi rivisti maʼ tliet bajdiet. Hu wrieni kif għandi nikolha. Għalkemm ma kellix aptitha, għamiltilha toqba u xrobta. U min kien se jieħu t-​tielet waħda? Harvey ħaseb li kien ikun diffiċli għalih li jniżżilni minn fuq il-​muntanja jekk jiġrili xi ħaġa, għalhekk ħadtha jien.

KELLI NINĦASEL B’MOD MHUX TAS-​SOLTU

Meta morna għal waħda mill-​assembleat, ġratli xi ħaġa mhux tas-​soltu. Konna qegħdin noqogħdu f’dar taʼ ħu ħdejn is-​Sala tas-​Saltna. Minħabba li għall-​Amis huwa importanti ħafna li tinħasel, il-​mara tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet ippreparatilna l-​affarijiet biex ninħaslu. Minħabba li Harvey kellu x’jagħmel, qalli biex nibda jien l-​ewwel. Xħin mort biex ninħasel sibt friskatur bl-​ilma kiesaħ, ieħor bl-​ilma sħun, u ieħor vojt. Ma stennejtx li l-​mara tal-​indokratur li jżur l-​kongregazzjonijiet se tagħmilhom quddiem id-​dar li kienet faċċata tas-​Sala tas-​Saltna, fejn l-​aħwa kienu qed jgħinu għall-​preparazzjoni tal-​assemblea. Jien tlabtha biex forsi ġġibli xi purtiera u hi ġabitli biċċa plastik trasparenti! Bdejt naħsibha mmurx fuq in-​naħa taʼ wara tad-​dar, imma kien hemm xi wiżż u bżajt li jigdmuni. Bejni u bejn ruħi għedt: ‘L-​aħwa għandhom ħafna x’jagħmlu u mhux se jarawni ninħasel. Jekk ma ninħasilx jieħdu għalihom. Ħa ninħasel malajr!’ U hekk għamilt.

Harvey u Kathleen lebsin ilbies tradizzjoni taʼ Amis.

Lebsin ilbies tradizzjonali tat-tribù tal-Amis

LETTERATURA GĦALL-​AĦWA AMIS

Harvey irrealizza li l-​aħwa Amis bdew isibuha diffiċli biex jagħmlu progress spiritwali għax ħafna minnhom ma kinux jafu jaqraw u ma kellhomx letteratura fil-​lingwa tagħhom. Peress li l-​lingwa Amis bdiet tinkiteb bl-​alfabett Ruman, kienet tidher idea tajba li l-​aħwa jitgħallmu jaqraw il-​lingwa tagħhom. Dan kien jirrikjedi ħafna xogħol, imma l-​aħwa bdew jitgħallmu dwar Ġeħova bil-​lingwa tagħhom. Il-​letteratura bil-​lingwa Amis saret disponibbli fl-​1966, u fl-​1968 beda jiġi ppubblikat It-​Torri tal-​Għassa.

Imma l-​gvern ried li tiġi mqassma letteratura biċ-​Ċiniż biss. Għalhekk, biex nevitaw il-​problemi, It-​Torri tal-​Għassa bl-​Amis kien ippubblikat b’modi oħra. Pereżempju, għal xi żmien, It-​Torri tal-​Għassa li konna nużaw kien miktub biċ-​Ċiniż u bl-​Amis. B’hekk, jekk xi ħadd jinduna b’xi ħaġa, konna qisna qed nużaw il-​letteratura biex ngħallmu ċ-​Ċiniż lin-​nies tal-​lokal. Minn dakinhar ’l hawn, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovdiet ħafna letteratura bil-​lingwa Amis biex tgħin lil dawn in-​nies jitgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja.—Atti 10:34, 35.

L-​AĦWA AMIS JIBDEW JGĦIXU SKONT IL-​LIVELLI T’ALLA

Għal madwar 20 sena, ħafna aħwa Amis ma kinux qed jgħixu skont il-​livelli t’Alla. Peress li ma fehmux sew il-​prinċipji tal-​Bibbja, xi wħud bdew jgħixu ħajja immorali, jabbużaw mill-​alkoħol, u jpejpu t-​tabakk jew jomogħdu l-​betel nut. Harvey żar ħafna kongregazzjonijiet biex jipprova jgħin lill-​aħwa jifhmu kif Ġeħova jqis dawn l-​affarijiet. F’waħda minn dawn iż-​żjajjar kellna l-​esperjenza li semmejt fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu.

Aħwa umli kienu lesti li jagħmlu l-​bidliet, imma b’dispjaċir, ħafna oħrajn ma kinux. Fil-​fatt, in-​numru taʼ pubblikaturi fit-​Tajwan niżel minn 2,450 għal 900 f’perjodu taʼ 20 sena. Dan kien vera skuraġġanti. Però, aħna konna nafu li Ġeħova qatt ma kien se jbierek organizzazzjoni mhux nadifa. (2 Kor. 7:1) Wara xi żmien, il-​kongregazzjonijiet bdew jaqdu lil Ġeħova kif jixraq, u bil-​barka tiegħu, fit-​Tajwan illum hemm iktar minn 11,000 pubblikatur.

L-​aħwa fil-​kongregazzjonijiet tal-​Amis komplew isaħħu l-​fidi tagħhom, u b’hekk Harvey setaʼ jqattaʼ iktar ħin fit-​territorju Ċiniż. Hu kien ferħan ħafna li setaʼ jgħin lill-​irġiel t’aħwa nisa jsiru Xhieda taʼ Ġeħova. Għadni niftakru jgħidli kemm kien ferħan li semaʼ lil wieħed minn dawn l-​irġiel jitlob għall-​ewwel darba lil Ġeħova. Jien ukoll inħossni kuntenta li stajt ngħallem lil ħafna nies jersqu qrib Ġeħova. U kont ferħana li qdejt fil-​fergħa tat-​Tajwan mat-​tifel u t-​tifla taʼ waħda mill-​istudenti tal-​Bibbja tiegħi.

TELFA KBIRA

Fl-​1 taʼ Jannar 2010, wara kważi 59 sena taʼ żwieġ, l-​għażiż żewġi, Harvey, miet bil-​kanċer. Hu għamel kważi 60 sena fis-​servizz full-​time. Nimmissjah ħafna! Imma ferħana ħafna li ħdimt miegħu f’żewġ pajjiżi mill-​isbaħ! Tgħallimna nitkellmu, u fil-​każ taʼ Harvey anki jikteb, żewġ lingwi diffiċli.

Xi snin wara, il-​Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li għandi nerġaʼ mmur lura l-​Awstralja minħabba li kont qed nikber fl-​età u kelli bżonn min jieħu ħsiebi. L-​ewwel għedt, ‘Ma rridx nitlaq mit-​Tajwan.’ Imma Harvey kien għallimni li qatt m’għandi ngħid le lill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u għalhekk mort. Eventwalment, irrealizzajt li kienet idea tajba li mort lura.

Kathleen tagħmel tur lil familja f’Betel.

Jien ferħana li nistaʼ nuża l-Ġappuniż u ċ-Ċiniż biex nagħmel it-turs f’Betel

Illum, matul il-​ġimgħa naqdi fil-​fergħa tal-​Awstralasja u fit-​tmiem il-​ġimgħa nipprietka mal-​kongregazzjoni. F’Betel nieħu pjaċir nuża l-​lingwi li tgħallimt, il-​Ġappuniż u ċ-​Ċiniż, biex nagħmel it-​turs. Jien inħares ’il quddiem għall-​irxoxt li Ġeħova wegħedna. Jiena ċerta li Ġeħova se jiftakar lil Harvey, li dejjem kien jagħmel dak kollu li Ġeħova kien jitlob minnu.—Ġw. 5:28, 29.

a Għalkemm illum il-​lingwa uffiċjali tat-​Tajwan hi ċ-​Ċiniż, għal ħafna snin il-​lingwa Ġappuniża kienet il-​lingwa uffiċjali. Allura ħafna mit-​tribujiet fit-​Tajwan kienu jitkellmu wkoll il-​Ġappuniż.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja