ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 16
GĦANJA 64 Bil-ferħ nieħdu sehem fil-ħsad
Kif Tistaʼ Tieħu Iktar Pjaċir Fuq is-Service
“Aqdu lil Ġeħova bil-ferħ.”—SALM 100:2.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Ħa naraw xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nieħdu iktar pjaċir fuq is-service.
1. Xi aħwa kif iħossuhom biex jitkellmu man-nies fuq is-service? (Ara l-istampa.)
PERESS li nħobbu lil Ġeħova, aħna ngħidu lin-nies dwaru u ngħinuhom isiru jafuh. Ħafna pubblikaturi jieħdu pjaċir joħorġu fuq is-service, imma oħrajn le. Għala? Xi wħud jaf jistħu u jħossu li ma jafux jgħallmu. Oħrajn ma jħossuhomx komdi jmorru jħabbtu l-bibien taʼ nies li ma jafux jew jibżgħu li n-nies ħa jirrabjaw magħhom. U xi aħwa forsi jħossu li ma jridux idejqu lin-nies. Avolja dawn l-aħwa jħobbuh ħafna lil Ġeħova, isibuha diffiċli biex jgħidu l-aħbar tajba lin-nies li ma jafuhomx. Imma huma jafu kemm hu importanti dan ix-xogħol u allura joħorġu service b’mod regolari. Min jaf kemm hu ferħan bihom Ġeħova!
Int tieħu pjaċir fuq is-service? (Ara paragrafu 1)
2. Għala m’għandekx tħossok skuraġġit jekk issibha diffiċli biex tieħu pjaċir fuq is-service?
2 Inti ġieli ssibha diffiċli biex tieħu pjaċir fuq is-service? Jekk iva, tħossokx skuraġġit. Jistaʼ jkun tħossok hekk minħabba li int umli u ma tixtieqx tiġbed attenzjoni lejk. Jistaʼ jkun ukoll li ma tixtieqx targumenta man-nies. U ovvjament, ħadd ma jixtieq li meta jkun qed jagħmel xi ħaġa tajba għan-nies, iħoss li qed idejjaqhom. Missierek tas-sema jaf kemm qed issibha diffiċli u jixtieq jgħinek. (Is. 41:13) F’dan l-artiklu, se naraw ħames affarijiet li jistgħu jgħinuna biex nieħdu iktar pjaċir fuq is-service.
ĦALLI L-KELMA T’ALLA TGĦINEK
3. X’għen lill-profeta Ġeremija biex jipprietka?
3 Fil-passat, meta l-qaddejja t’Alla sabuha diffiċli biex jippritkaw, il-messaġġ li tahom Ġeħova għenhom. Aħseb dwar l-eżempju tal-profeta Ġeremija. Hu ħassu ansjuż meta Ġeħova qallu biex jipprietka. Ġeremija qal: “Jien ma nafx nitkellem, għax m’iniex ħlief naqra taʼ tifel.” (Ġer. 1:6) Allura Ġeremija kif għamel kuraġġ? Hu għamel il-kuraġġ minn dak li qallu Ġeħova. Hu qal li ‘din saret bħal nar jaqbad magħluq f’għadmu; u għeja jżommha fih, u ma setax jissaporti iktar.’ (Ġer. 20:8, 9) Għalkemm Ġeremija kellu territorju diffiċli, il-messaġġ li tah Ġeħova tah is-saħħa li kellu bżonn biex jagħmel ix-xogħol.
4. X’jiġri meta naqraw il-Bibbja u naħsbu sew dwarha? (Kolossin 1:9, 10)
4 Illum, il-Kristjani wkoll jistgħu jagħmlu l-kuraġġ permezz tal-kliem taʼ Ġeħova li nsibu fil-Bibbja. L-appostlu Pawlu qal lill-aħwa f’Kolossi li jekk jitgħallmu iżjed dwar Ġeħova, kien ħa jgħinhom biex jibqgħu ‘jimxu kif jixraq lil Ġeħova’ u jkomplu ‘jagħtu l-frott f’kull għemil tajjeb.’ (Aqra Kolossin 1:9, 10.) Dan jinkludi li ngħidu l-aħbar tajba lin-nies. Allura, meta naqraw il-Bibbja u naħsbu sew dwarha, ħa tissaħħilna l-fidi f’Ġeħova u ħa nifhmu kemm hu importanti li ngħidu lin-nies dwar is-Saltna tiegħu.
5. Kif nistgħu nibbenefikaw iżjed meta naqraw u nistudjaw il-Bibbja?
5 Biex tibbenefika mill-Kelma t’Alla, ħu l-ħin tiegħek biex taqra, tistudja, u taħseb sew dwarha. Jekk tiltaqaʼ maʼ xi skrittura li ma tifimhiex, tibqax għaddej. Minflok, fittex dwarha fil-Watch Tower Publications Index jew il-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Jekk meta tistudja l-Bibbja ma tgħaġġilx, ħa ssir iktar ċert li dak li tgħid hu veru. (1 Tess. 5:21) Iktar ma tkun ċert, iktar ħa tieħu pjaċir tgħid lin-nies dwar dak li tgħallimt.
IPPREPARA SEW GĦAS-SERVICE
6. Għala għandna nippreparaw sew għas-service?
6 Jekk tipprepara sew qabel is-service ħa tħossok iktar komdu meta titkellem man-nies. Qabel ma bagħat lid-dixxipli jippritkaw, Ġesù għenhom jippreparaw sew. (Lq. 10:1-11) Peress li obdew lil Ġesù setgħu jagħmlu ħafna affarijiet tajbin u minħabba f’hekk kienu ferħanin.—Lq. 10:17.
7. Kif nistgħu nippreparaw għas-service? (Ara l-istampa.)
7 Kif nistgħu nippreparaw għas-service? Irridu naħsbu dwar dak li ħa ngħidu u mbagħad naraw kif nistgħu nispjegawh b’mod sempliċi fi kliemna. Ikun tajjeb ukoll li naħsbu f’xi affarijiet li n-nies jistgħu jgħidulna u naraw kif nistgħu nwiġbuhom. Meta nitkellmu man-nies irridu nipprovaw inkunu kalmi, nitbissmu, u nkunu dħulin.
Ipprepara sew għas-service (Ara paragrafu 7)
8. Il-Kristjani kif huma bħar-reċipjenti tal-fuħħar li semma l-appostlu Pawlu fl-eżempju?
8 L-appostlu Pawlu qal lill-aħwa f’Korintu: “Għandna dan it-teżor f’reċipjenti tal-fuħħar.” (2 Kor. 4:7) X’inhu t-teżor? Dan hu x-xogħol li nistgħu nsalvaw lin-nies bih billi ngħidulhom il-messaġġ tas-Saltna. (2 Kor. 4:1) X’inhuma r-reċipjenti tal-fuħħar? Dawn jirrappreżentaw lin-nies t’Alla li jgħidu l-aħbar tajba lill-oħrajn. Fi żmien Pawlu, kienu jġorru l-ikel, il-flus, u l-inbid f’ġarar tal-fuħħar. Bl-istess mod, Ġeħova jafdana b’xi ħaġa taʼ valur kbir, jiġifieri l-aħbar tajba li naqsmu man-nies. Aħna nistgħu nibqgħu ngħidu dan il-messaġġ lin-nies bl-għajnuna li jtina Ġeħova.
ITLOB GĦALL-KURAĠĠ
9. X’nistgħu nagħmlu jekk nibżgħu minn x’jistgħu jgħidulna jew jagħmlulna n-nies? (Ara l-istampa.)
9 Xi kultant forsi nibżgħu minn x’jistgħu jgħidulna jew jagħmlulna n-nies. Kif nistgħu negħlbu din il-biżaʼ? Aħseb dwar x’talbu l-appostli meta ordnawlhom biex ma jippritkawx. Minflok ma waqfu jippritkaw minħabba l-biżaʼ, huma talbu lil Ġeħova biex jgħinhom ‘jibqgħu jippritkaw bil-kuraġġ.’ Ġeħova mill-ewwel wieġeb it-talba tagħhom. (Atti 4:18, 29, 31) Aħna wkoll irridu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna jekk nibżgħu. Itlob lil Ġeħova jgħinek tħobb iktar lin-nies ħalli ma tibżax tgħidilhom l-aħbar tajba.
Itlob għall-kuraġġ (Ara paragrafu 9)
10. Ġeħova kif jgħinna nkunu Xhieda tiegħu? (Isaija 43:10-12)
10 Ġeħova għamilna x-Xhieda tiegħu, u hu jwegħedna li ħa jgħinna nkunu kuraġġużi. (Aqra Isaija 43:10-12.) Ejja naraw erbaʼ modi kif jgħinna. L-ewwel, Ġesù jkun magħna kull meta naqsmu l-aħbar tajba. (Mt. 28:18-20) It-tieni, Ġeħova juża lill-anġli biex jgħinuna. (Riv. 14:6) It-tielet, Ġeħova jagħtina l-ispirtu tiegħu biex ifakkarna dak li nkunu tgħallimna. (Ġw. 14:25, 26) Ir-rabaʼ, Ġeħova jagħtina lill-aħwa biex nagħmlu dan ix-xogħol magħhom. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova u s-sapport tal-aħwa nistgħu nkunu kuraġġużi u nkomplu nippritkaw.
ADDATTA GĦAL DAK LI GĦANDHOM BŻONN IN-NIES U IBQAʼ POŻITTIV
11. Kif tistaʼ ssib iktar nies meta tkun service? (Ara l-istampa.)
11 Ġieli tħossok skuraġġit meta ma ssibx in-nies id-dar? Staqsi lilek innifsek: ‘Fejn qegħdin in-nies bħalissa?’ (Atti 16:13) ‘Qegħdin ix-xogħol jew ħarġu jixtru?’ Jekk iva, tistaʼ tkellem lin-nies li tara fit-triq? Ħu jismu Joshua qal, “Jien sibt ħafna opportunitajiet biex nitkellem man-nies meta kont ngħaddi minn fejn il-ħwienet u postijiet oħra fejn ikun hemm ħafna nies.” Hu u l-mara tiegħu, Bridget, sabu aktar nies id-dar meta marru filgħaxijiet u l-Ħadd waranofsinhar.—Efes. 5:15, 16.
Ipprietka f’ħin u f’postijiet differenti (Ara paragrafu 11)
12. Xi rridu nagħmlu biex insiru nafu x’jemmnu n-nies jew x’jinkwetahom?
12 Jekk xi ħadd jgħidlek li mhuwiex interessat f’dak li qed tgħidlu, ipprova ara x’jemmen jew x’inhu jinkwetah. Meta jitkellmu man-nies, Joshua u Bridget jużaw il-mistoqsija li hemm fuq quddiem taʼ fuljett. Pereżempju, meta jużaw il-fuljett Int Kif Tħares Lejn il-Bibbja? huma jgħidu: “Xi nies jemmnu li l-Bibbja ġejja mingħand Alla, imma oħrajn le. Inti x’taħseb?” Ħafna drabi, b’dan il-mod irnexxielhom jibdew xi konversazzjonijiet.
13. Għala nistgħu ngħidu li xorta kellna suċċess avolja n-nies ma jisimgħuniex? (Proverbji 27:11)
13 Meta ma jisimgħuniex in-nies ma jfissirx li ma kellniex suċċess. Għala? Għax aħna għamilna dak li jridu Ġeħova u Ġesù, jiġifieri tajna xhieda. (Atti 10:42) Meta ma nsibu lil ħadd maʼ min nitkellmu, jew ma jisimgħux il-messaġġ tagħna, aħna xorta nistgħu nkunu ferħanin għax nafu li Missierna tas-sema hu ferħan bina.—Aqra Proverbji 27:11.
14. Għala nistgħu nifirħu meta xi ħadd isib persuna interessata?
14 Aħna nieħdu pjaċir anke meta ħu ieħor isib lil xi ħadd interessat. It-Torri tal-Għassa qabbel ix-xogħol tagħna maʼ meta jfittxu tifel mitluf. Avolja jkun hemm ħafna nies qegħdin ifittxu, meta xi ħadd isib lil dan it-tifel, kulħadd jifraħ. Bl-istess mod, aħna qed naħdmu kollha flimkien biex nagħmlu dixxipli ġodda. Hemm bżonn l-għajnuna taʼ kulħadd biex inkellmu lin-nies kollha fit-territorju. U meta xi ħadd ġdid jibda jattendi l-laqgħat, kollha nifirħu.
AĦSEB DWAR L-IMĦABBA LI GĦANDEK GĦAL ĠEĦOVA U GĦAL ĦADDIEĦOR
15. Meta nagħmlu dak li jgħidilna Mattew 22:37-39, kif jgħinna nkunu iktar ferħanin fuq is-service? (Ara l-istampa )
15 Aħna nistgħu nkunu iktar ferħanin fuq is-service billi niftakru li meta nippritkaw, inkunu qed nuru kemm inħobbu lil Ġeħova u lil oħrajn. (Aqra Mattew 22:37-39.) Immaġina kemm ħa jkun ferħan Ġeħova meta jarana nagħmlu dan ix-xogħol u aħseb kemm ħa jkunu ferħanin in-nies meta jibdew jistudjaw il-Bibbja! Ftakar, li dawk li jaċċettaw il-messaġġ tagħna u jibdew jaqdu lil Ġeħova, jistgħu jgħixu għal dejjem.—Ġw. 6:40; 1 Tim. 4:16.
Jekk naħsbu fuq l-imħabba li għandna għal Ġeħova u għal ħaddieħor ħa jgħinna nkunu aktar ferħanin fuq is-service (Ara paragrafu 15)
16. Meta ma nkunux nistgħu noħorġu mid-dar, kif nistgħu nieħdu pjaċir nippritkaw? Agħti eżempji.
16 Inti ma tistax toħroġ mid-dar? Jekk iva, aħseb dwar x’tistaʼ tagħmel biex turi kemm tħobb lil Ġeħova u lil oħrajn. Matul il-pandemija tal-COVID-19, Samuel u Dania ma setgħux joħorġu mid-dar. Allura huma kienu jagħtu xhieda bit-telefown, jiktbu l-ittri, u jagħmlu studji permezz taʼ Zoom. Meta kien imur jieħu l-kura għall-cancer, Samuel kien jagħti xhieda lil dawk li kien jiltaqaʼ magħhom. Hu jgħid: “Meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli nistgħu nħossuna ansjużi u għajjenin, u l-fidi tagħna tiġi ttestjata. Irridu nsibu l-ferħ f’li naqdu lil Ġeħova.” Meta kienu għaddejjin minn dan kollu, Dania waqgħet u kellha tibqaʼ fis-sodda għal tliet xhur u wara kellha tuża l-wheelchair għal sitt xhur. Hi tgħid: “Jien pruvajt nagħmel li stajt fis-sitwazzjoni tiegħi, allura kont nagħti xhieda lin-nurse u lil dawk li kienu jiġu jġibuli l-affarijiet id-dar. Kelli wkoll diskussjonijiet tajbin fuq it-telefown maʼ mara li taħdem maʼ kumpanija li tbigħ affarijiet tas-saħħa.” Avolja Samuel u Dania ma setgħux jagħmlu daqs qabel, huma għamlu dak li setgħu fis-sitwazzjoni tagħhom u kienu ferħanin.
17. Is-suġġerimenti li rajna f’dan l-artiklu kif ħa jgħinuk l-iktar?
17 Il-punti li rajna f’dan l-artiklu ħa jgħinuk l-iktar meta tapplikahom flimkien. Kull punt qisu ingredjent differenti li tuża f’riċetta. Meta tħallat l-ingredjenti kollha flimkien ħa toħroġ xi ħaġa vera tajba. U meta tapplika l-punti kollha f’dan l-artiklu, ħa tkun tistaʼ tiġġieled ħsibijiet negattivi u tkun iktar ferħan fuq is-service.
KIF SE TKUN IKTAR FERĦAN FUQ IS-SERVICE . . .
meta tipprepara sew?
meta titlob għall-kuraġġ?
meta taħseb fuq l-imħabba tiegħek għal Ġeħova u għal ħaddieħor?
GĦANJA 80 “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb”