ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 26
GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-ordni teokratiku
Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
“Aħna ma nistgħux nifhmu lil Dak li Jistaʼ Kollox.”—ĠOB 37:23.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Anki jekk ma nkunux nafu kulma se jiġri, nistgħu nissaportu l-problemi billi niffokaw fuq dak li nafu u billi nafdaw f’Ġeħova.
1. Meta ħalaqna Ġeħova x’abbiltajiet tana, u għala?
ĠEĦOVA ħalaqna b’mod tal-għaġeb. Bħala bnedmin, aħna kapaċi naħsbu, nitgħallmu affarijiet ġodda, u nifhmu kif napplikaw dak li nitgħallmu. Imma Ġeħova għala ħalaqna b’dan il-mod? Hu jridna nitgħallmu dwaru u li meta naqduh, nużaw l-abbiltà li naħsbu biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Prov. 2:1-5; Rum. 12:1.
2. (a) X’hemm bżonn nifhmu dwarna nfusna? (Ġob 37:23, 24) (Ara wkoll l-istampa.) (b) Għala hu importanti nifhmu li m’hemmx għalfejn inkunu nafu kollox?
2 Għalkemm għandna l-kapaċità li nitgħallmu ħafna affarijiet ġodda, xorta hemm ħafna affarijiet li ma nafux. (Aqra Ġob 37:23, 24.) Aħseb dwar l-eżempju taʼ Ġob. Ġeħova saqsa lil Ġob ħafna mistoqsijiet li għenuh jifhem li hemm ħafna affarijiet li ma jafx. Dik il-konversazzjoni għenet lil Ġob jinduna li kellu jkun umli u jbiddel il-mod kif jaħseb. (Ġob 42:3-6) Anki aħna jkun tajjeb li nifhmu li hemm ħafna affarijiet li ma nafux. Dan se jgħinna biex inkunu umli u nkunu ċerti li Ġeħova dejjem se jgħidilna dak li għandna bżonn inkunu nafu biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Prov. 2:6.
Li ma nafux ċertu affarijiet jistaʼ jkun tajjeb għalina, bħalma kien għal Ġob (Ara paragrafu 2)
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu se niddiskutu xi affarijiet li ma nafux u għala dan jistaʼ jagħmilha diffiċli għalina. Se nitgħallmu wkoll għala jkun tajjeb li ma nkunux nafu ċertu affarijiet. Dawn il-punti se jgħinuna nafdaw li Ġeħova, “il-Wieħed li għandu għarfien perfett,” jgħidilna kulma għandna bżonn inkunu nafu.—Ġob 37:16.
MA NAFUX META SE TISPIĊĊA DIN IS-SISTEMA
4. Skont Mattew 24:36, x’inhi xi ħaġa li ma nafux?
4 Aqra Mattew 24:36. Aħna ma nafux meta se tispiċċa din is-sistema. Anki Ġesù meta kien fuq l-art, ma kienx jaf “meta u x’ħin ġejja din il-ġurnata.” Hu qal lill-appostli: “Ġeħova biss għandu d-dritt jiddeċiedi meta jiġru l-affarijiet.”a (Atti 1:6, 7) Ġeħova diġà ddeċieda meta din is-sistema se tispiċċa, imma aħna ma nistgħux inkunu nafu eżatt meta.
5. X’jistaʼ jiġri minħabba li ma nafux meta ġej it-tmiem?
5 Peress li ma nafux meta se tispiċċa din is-sistema, ma nafux kemm irridu ndumu nistennew. Minħabba f’hekk, forsi ma nibqgħux paċenzjużi jew niġu skuraġġiti speċjalment jekk ilna nistennew il-jum taʼ Ġeħova. Jew jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli nibqgħu nissaportu meta oħrajn jew tal-familja jwaqqgħuna għaċ-ċajt talli qed nistennew xi ħaġa li għadha ma ġietx. (2 Pt. 3:3, 4) Forsi nibdew naħsbu li jekk inkunu nafu l-ġurnata eżatta meta ġej it-tmiem, ikun iktar faċli biex inkunu paċenzjużi u nissaportu meta oħrajn iwaqqgħuna għaċ-ċajt.
6. Għala hu tajjeb li ma nafux id-data meta se jiġi t-tmiem?
6 Peress li Ġeħova ma qalilniex id-data meta se jiġi t-tmiem, għandna l-opportunità biex nuruh li aħna qed naqduh għax inħobbuh u nafdawh. Aħna m’aħniex naqdu lil Ġeħova b’xi data f’moħħna, bħallikieku l-fidi tagħna għandha data meta se tiskadi. Allura, minflok ma noqogħdu naħsbu żżejjed dwar kemm baqagħlu l-jum taʼ Ġeħova, ikun aħjar jekk naħsbu kemm se jiġru affarijiet tajbin wara. Jekk nagħmlu hekk, se nkomplu nsiru iktar ħbieb taʼ Ġeħova, nafdawh, u nagħmlu kulma nistgħu biex inferrħuh.—2 Pt. 3:11, 12.
7. Aħna x’nafu?
7 Importanti ħafna li naħsbu dwar dak li nafu. Pereżempju, aħna nafu li l-aħħar jiem bdew fl-1914. Fil-Bibbja, Ġeħova tana ħafna profeziji li juru li l-aħħar jiem bdew f’dik is-sena. Hu tana wkoll ħafna dettalji dwar kif kienet se tkun id-dinja wara dik is-sena. Minħabba li rajna dawn il-profeziji jiġru, aħna ċerti li “l-jum il-kbir taʼ Ġeħova fil-qrib.” (Sof. 1:14) Barra minn hekk, aħna nafu dwar ix-xogħol li Ġeħova jridna nagħmlu. Dan hu li ngħidu lil kemm jistaʼ jkun nies dwar “l-aħbar tajba tas-Saltna.” (Mat. 24:14) Illum, qed nippritkaw dan il-messaġġ f’madwar 240 pajjiż u b’iktar minn 1,000 lingwa. Aħna m’għandniex għalfejn inkunu nafu “meta u x’ħin ġejja din il-ġurnata” biex inkunu żelużi f’li naqsmu dan il-messaġġ.
MA NAFUX KIF ĠEĦOVA ĦA JGĦINNA
8. Il-frażi “dak li jagħmel l-Alla l-veru” għal xiex tirreferi? (Ekkleżjasti 11:5)
8 Aħna mhux dejjem inkunu nafu “dak li jagħmel l-Alla l-veru.” (Aqra Ekkleżjasti 11:5.) Din il-frażi tirreferi għal meta Ġeħova jġiegħel xi ħaġa li ssir jew meta jippermetti li tiġri xi ħaġa biex isir l-iskop tiegħu. Aħna ma nistgħux inkunu nafu r-raġunijiet kollha għala Ġeħova jippermetti li jiġru ċertu affarijiet jew x’se jagħmel eżatt biex jgħinna. (Slm. 37:5) Dan hu bħalma ma nistgħux nifhmu kif tarbija tikber f’żaqq ommha, xi ħaġa li lanqas ix-xjentisti għadhom ma jistgħu jifhmu għalkollox.
9. X’jistaʼ jiġrilna minħabba li ma nafux kif Ġeħova se jgħinna?
9 Peress li ma nafux kif Ġeħova se jgħinna, jaf inżommu lura milli nieħdu ċertu deċiżjonijiet. Jaf inżommu lura milli nagħmlu iktar għal Ġeħova bħal li nissimplifikaw ħajjitna biex nagħmlu iktar fuq is-service jew immorru ngħixu f’pajjiż ieħor fejn hemm iktar bżonn. Jistaʼ jkun ukoll li nibdew naħsbu li Ġeħova mhuwiex ferħan bina jekk ma jirnexxilniex nilħqu xi miri li nkunu għamilna biex naqdu iktar, ma jkollniex xi studji tal-Bibbja avolja nkunu qed nipprovaw ħafna, jew jekk insibuha diffiċli biex inlestu proġett taʼ bini teokratiku minħabba li jinqalgħu xi sfidi.
10. Peress li ma nafux kif Ġeħova se jgħinna, liema kwalitajiet importanti nistgħu niżviluppaw?
10 Peress li ma nafux eżatt kif Ġeħova se jgħinna, ikun tajjeb li naħdmu biex ikollna kwalitajiet bħal li nkunu umli u modesti. Aħna nifhmu li l-ħsibijiet taʼ Ġeħova huma ogħla minn tagħna, jiġifieri dejjem ikun jaf x’inhu l-aħjar. (Isa. 55:8, 9) Nitgħallmu wkoll nafdaw iktar fih u nkunu ċerti li se jieħu ħsieb kollox bl-aħjar mod. Meta jkollna riżultati tajbin fis-service jew fuq xi proġett taʼ bini teokratiku, aħna nfaħħru lil Ġeħova, kif jixraqlu. (Slm. 127:1; 1 Kor. 3:7) Jekk xi affarijiet ma jmorrux kif inkunu qed nistennew, irridu niftakru li Ġeħova għad għandu l-kontroll fuq is-sitwazzjoni u se jgħinna billi jtina l-paċi. (Isa. 26:3) Aħna nagħmlu dak li nistgħu u nafdaw li Ġeħova dejjem se jgħinna. Aħna ċerti li hu se jibqaʼ jiggwidana anki jekk ma jużax il-mirakli bħalma ġieli għamel fil-passat.—Atti 16:6-10.
11. X’affarijiet nafu li jistgħu jgħinuna?
11 Aħseb dwar dak li nafu fuq Ġeħova. Aħna nafu li hu mimli mħabba, dejjem ikun ġust, u huwa l-iktar wieħed għaref. Nafu li hu japprezza ħafna kulma nagħmlu għalih u għall-aħwa. U nafu wkoll li hu dejjem jippremja lil dawk li huma leali lejh.—Lhud 11:6.
MA NAFUX X’SE JIĠRI GĦADA
12. Skont Ġakbu 4:13, 14, minn xiex m’aħniex ċerti?
12 Aqra Ġakbu 4:13, 14. Ir-realtà hi li ħadd minna ma jaf x’se jiġri għada. F’din is-sistema, aħna nistgħu niffaċċjaw “żmien taʼ inkwiet u affarijiet mhux mistennijin.” (Ekk. 9:11) Minħabba f’hekk, ma nistgħux inkunu nafu jekk hux se jirnexxilna nagħmlu dak li ppjanajna jew jekk hux se nibqgħu ħajjin biex nagħmluh.
13. Kif nistgħu nħossuna peress li ma nafux x’se jiġri fil-futur?
13 Ġieli jiġu żminijiet diffiċli mingħajr ma nkunu qed nistennewhom. Ħajjitna tistaʼ tinbidel u jaf jiġru xi affarijiet koroh f’daqqa. B’hekk, nibdew inħossuna mdejqin u inkwetati. Meta l-affarijiet ma jiġrux bil-mod kif inkunu xtaqna, nistgħu nibdew inħossuna diżappuntati u skuraġġiti. Dawn l-affarijiet jaf jibdew iġegħluna ninkwetaw il-ħin kollu dwar x’jistaʼ jiġri. U minħabba f’hekk, issir diffiċli biex nissaportu, u nitilfu l-ferħ tagħna.—Prov. 13:12.
14. Xi rridu nagħmlu u nkunu nafu biex inkunu vera ferħanin? (Ara wkoll l-istampi.)
14 Jiġri x’jiġri f’ħajjitna, meta nissaportu nistgħu nagħtu prova li aħna naqdu lil Ġeħova għax inħobbuh. Hemm ħafna rakkonti fil-Bibbja li juru li ma nistgħux nistennew li Ġeħova se jipproteġina minn kull ħaġa kerha li tistaʼ tiġri u li hu ma jippjanax bil-quddiem x’se jiġri f’ħajjitna. Ġeħova jaf li aħna nistgħu nkunu ferħanin avolja ma nafux kull ħaġa li se tiġrilna. Minflok, se nkunu ferħanin jekk nibqgħu nitolbuh biex jiggwidana u nobduh. (Ġer. 10:23) Billi nfittxu l-għajnuna tiegħu qabel nieħdu d-deċiżjonijiet, mhux se nkunu anzjużi żżejjed dwar x’jistaʼ jiġrilna. Se jkollna l-istess attitudni bħal taʼ Ġakbu, li qal: “Jekk Ġeħova jrid, se nibqgħu ngħixu u nagħmlu hekk u hekk.”—Ġak. 4:15.
Jekk inkomplu nfittxu għall-gwida taʼ Ġeħova u nobduha, se nkunu protetti (Ara paragrafi 14-15)b
15. Aħna x’nafu dwar il-futur?
15 Aħna ma nafux x’se jiġri għada, imma aħna nafu li Ġeħova wegħedna ħajja taʼ dejjem, kemm jekk għandna t-tama għas-sema u kemm jekk għall-art. Nafu li hu ma jistax jigdeb u xejn ma jistaʼ jwaqqfu milli jżomm il-wegħdi kollha tiegħu. (Titu 1:2) Hu biss jistaʼ jgħid: “Jien li mill-bidu ngħid it-tmiem, u minn żmien twil ilu l-affarijiet li ma sarux.” Kulma qal li se jiġri fi żmien il-Bibbja ġara u l-istess se jiġri b’dak kollu li qal għall-futur. (Isa. 46:10) Aħna nafu li xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova milli jħobbna. (Rum. 8:35-39) Hu se jtina l-għerf, l-inkuraġġiment, u s-saħħa li għandna bżonn biex nissaportu kollox. U nistgħu nkunu ċerti li hu se jgħinna u jberikna.—Ġer. 17:7, 8.
AĦNA MA NISTGĦUX NIFHMU KEMM JAFNA ĠEĦOVA
16. Skont Salm 139:1-6, Ġeħova x’jaf dwarna, u dan kif iġiegħlek tħossok?
16 Aqra Salm 139:1-6. Il-Ħallieq tagħna jaf kollox dwarna. Jaf għala naħsbu u nħossuna b’ċertu mod. Jaf dak li ngħidu u x’għandna f’qalbna. Jaf ukoll b’kulma nagħmlu u għala nagħmluh. Ir-Re David qal li Ġeħova dejjem lest u għandu l-qawwa biex jgħinna. Kif iġiegħlek tħossok li taf li Alla li Jistaʼ Kollox, li ħalaq kulma jeżisti, u l-Iktar Għoli jimpurtah daqshekk minnek? Wisq probabbli tħossok bħalma qal David: “Int tafni sew, u dan tant hu tal-għaġeb li huwa wisq għalija biex nifhmu.”—Slm. 139:6.
17. Għala jistaʼ jkun diffiċli għalina biex nemmnu li Ġeħova jafna sew?
17 Jistaʼ jkun li minħabba l-mod kif trabbejt, il-kultura, jew x’kont temmen qabel sirt taf il-verità, issibha diffiċli biex tara lil Ġeħova bħala Missier li jħobbok u li jinteressah minnek. Jew forsi tħoss li l-iżbalji li għamilt fil-passat tant kienu ħżiena li begħduk wisq minn Ġeħova u li hu lanqas biss irid jaf bik. Anki David ġieli ħassu hekk. (Slm. 38:18, 21) Jew xi ħadd li vera qed jipprova jbiddel ħajtu u jgħix b’mod li jogħġob lil Alla jaf jaħseb: “Jekk Alla vera jifhimni, għala jridni ninbidel? Għax ma jaċċettanix kif jien?”
18. Għala huwa importanti li naċċettaw li Ġeħova jafna iktar milli aħna nafu lilna nfusna? (Ara wkoll l-istampi.)
18 Aħna rridu naċċettaw il-fatt li Ġeħova jafna iktar milli aħna nafu lilna nfusna u li hu jara t-tajjeb li għandna avolja aħna ma narawhx. Għalkemm jara n-nuqqasijiet tagħna, hu jifhem li ma niżbaljawx għax irridu u hu xorta jħobbna. (Rum. 7:15) Meta nifhmu li Ġeħova dejjem jara t-tajjeb fina, se jtina s-saħħa biex nibqgħu leali u nkomplu naqduh bil-ferħ.
Ġeħova jgħinna nissaportu l-problemi li ma nkunux qed nistennew billi jgħinna nsaħħu l-fidi tagħna fil-wegħdi sbieħ tiegħu (Ara paragrafi 18-19)c
19. X’nafu fiċ-ċert dwar Ġeħova?
19 Aħna m’għandniex dubju li Ġeħova hu mħabba. (1 Ġw. 4:8) Nafu li l-livelli tiegħu juru li hu jħobbna u jridilna l-ġid. Aħna nafu li Ġeħova jridna ngħixu għal dejjem. Biex dan ikun possibbli, hu pprovda l-fidwa. Peress li Ġesù miet għalina, aħna nistgħu nkunu ċerti li avolja niżbaljaw, xorta nistgħu naqdu lil Ġeħova b’mod li jogħġbu. (Rum. 7:24, 25) U aħna nafu li “Alla hu akbar minn qalbna u jaf kollox.” (1 Ġw. 3:19, 20) Ġeħova jaf kollox dwarna u ċert li aħna nistgħu nagħmlu dak li jixtieq hu.
20. X’se jgħinna ma ninkwetawx iżżejjed dwar affarijiet li ma nafux?
20 Ġeħova jgħidilna kulma għandna bżonn inkunu nafu. Meta nkunu modesti u naċċettaw dan il-fatt, nevitaw li ninkwetaw iżżejjed dwar dak li ma nafux. Minflok, inkunu nistgħu niffokaw fuq x’inhu l-iktar importanti. B’hekk, se nuru li aħna nafdaw kompletament lil Ġeħova, “dak li għandu għarfien perfett.” (Ġob 36:4) Għalkemm hemm affarijiet li bħalissa ma nifhmuhomx, aħna ċerti li Ġeħova se jkompli jgħallimna affarijiet ġodda għal dejjem. U kemm se jkun żmien eċitanti li qatt mhu se nieqfu nitgħallmu affarijiet sbieħ dwar l-Alla tagħna!—Ekk. 3:11.
GĦANJA 104 L-ispirtu qaddis—Għotja mingħand Alla
b X’JURUNA L-ISTAMPI: Missier u t-tifel tiegħu jippreparaw il-go bag biex jekk tinqalaʼ emerġenza, il-familja tkun lesta.
c X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu li għaddej mill-problemi jaħseb dwar kemm se tkun sabiħa ħajtu fid-dinja l-ġdida.